-
-
****
Direttur: Hossein Amini
Atturi: Viggo Mortensen, Kirsten Dunst, Oscar Isaac
Ħin: 96 minuti
Klassifika taċ-Ċensura: 12A
Klassifika tal-Knisja: 12A
Fl-1962 koppja Amerikana, Chester u Colette MacFarland, jinsabu għal vaganza f’Ateni. Hemmhekk jiltaqgħu ma’ Rydal, li jagħmila ta’ gwida tat-turisti; Rydal hu bniedem ħelu u dħuli iżda qarrieqi li jinganna lit-turisti, u qed jiġri wara turista sinjura. Chester, minkejja li jidher raġel ta’ l-affari tiegħu, hu ħalliel ukoll: fl-Amerika kien ibiegħ stocks foloz ta’ bjar taż-żejt li ma kienux jeżistu u meta induna li l-pulizzija qed tiġri warajh telaq lejn il-Greċja u ġarr miegħu l-flus li daħħal mingħand l-‘investituri’. Lejl wieħed imur isibu investigatur privat u jitolbu jagħtih il-flus li seraq lil klijenti tiegħu; waqt li jkunu qed jiġġieldu Chester joqtol lill-investigatur privat. Rydal jgħid lil Rydal li hu u marthu għandhom bżonn jitilqgħu minn Ateni mill-iktar fis u jitolbu jgħinu jagħmel passaporti ġodda. Rydal jeħodhom Kreta biex iwarrbu minn Ateni. Chester jipprova jipperswadi lilu nnifsu li kulma Rydal qed jagħmel magħhom hu sempliċement għal-flus, imma jintebah li marthu Colette u Rydal qed jibnu relazzjoni bejniethom mill-qrib ħafna. Rydal, minn naħa l-oħra, mingħajr ma ried sar kompliċi ta’ Chester quddiem il-ġustizzja.
Il-film huwa thriller, ibbażat fuq il-ktieb ta’ Patricia Highsmith bl-istess isem. Film interessanti u sabieh, b’xeneġġjatura u reċtar mill-aqwa,b’mużika minn Alberto Iglesias adattha ħafna, u b’ħafna suspens, tant li għandu mill-istil ta’ Hitchcock. Il-messaġġ li jagħti l-film hu li min jilgħab man-nar jinħaraq u li d-dnub ma jorqodx. Fih xeni ta’ vjolenza u xi kliem ħażin. Tfal sa tnax il-sena għandhom ikunu akkumpanjati mill-ġenituri.