• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

    .

     

  • Dar Porziuncola, Baħar iċ-Ċagħaq
    8 ta’ Marzu 2019

    L-ewwel nett nixtieq nirringrazzjakom tal-preżenza tagħkom għal dan in-nofstanhar ta’ riflessjoni. Diġà rringrazzjajt personalment ukoll lil Fr Andrew u wassaltlu r-ringrazzjament u l-gratitudni ta’ kull wieħed u waħda minna għar-riflessjonijiet konkreti u prattiċi li tana u li qasam magħna bi stil simpatiku ħafna.

    Nixtieq insellem il-memorja ta’ Mons. Edgar Attard li kien ukoll segretarju amministrattiv għal diversi snin, li ħalliena propju fit-8am.

    Ilbieraħ kont mal-kappillani d-Dar tal-Kleru u kelli l-opportunità nitlob ħdejh u tajtu l-indulġenza plenarja f’isem il-Q.T. il-Papa bħalma tingħata lil kull wieħed u waħda minna meta nkunu fit-tarf ta’ dan il-vjaġġ u nippreparaw biex nibdew il-ħajja ta’ dejjem. Nitolbu ħafna għalih. Il-funeral se jkun nhar it-Tnejn immexxi mill-Isqof Awżiljarju għaliex jiena se jkolli mmur Ruma.


    Il-vjaġġ ta’ 40 jum ta’ penitenza        
                

    Nixtieq li nkompli fuq dak li beda Fr Andrew għaliex naħseb li tana ħafna fuq xiex naħsbu u dak li nixtieq li naqsam magħkom, ngħidu l-ewwel lili nnifsi. Kemm hu importanti li f’dan l-istaġun tar-Randan, aħna naqsmu dan il-vjaġġ ta’ 40 jum ta’ penitenza biex f’Sibt il-Għid nerġgħu niskopru u nġeddu l-identità tagħna bħala Nsara. Fr Andrew dalgħodu għenna niskopru r-realtà tagħna nfusna bħala bnedmin, bħala bnedmin midinbin maħfura, bħala bnedmin li għandna l-limiti tagħna imma maħbubin. Nistgħu ngħidu li niġbru dak kollu li xtaq jgħidilna f’dawn ż-żewġ frażijiet importanti: jiena midneb maħfur, jiena bniedem bil-limiti tiegħi imma maħfur minkejja l-limitazzjonjiet tiegħi. U allura l-fatt li jiena maħfur u maħbub, jagħmilli l-kuraġġ inkompli fit-triq tiegħi, jagħtini wkoll is-saħħa u l-qawwa li nġorr salibi, imma wkoll il-ġenerożità biex niċħad lili nnifsi. “Min irid jiġi warajja, jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu ta’ kuljum u jimxi warajja” (Mt 16:24). Din hija l-kelma ta’ Ġesù li tiġbor id-dixxipulat: tiċħad lilek inifsek, terfa’ salibek, timxi warajh.  

    L-insistenza ta’ Ġesù ma’ Pietru sabiex jimxi warajh hija wkoll l-aħħar kelma li Ġesù jgħid lil Pietru fl-aħħar kapitlu tal-Evanġelju ta’ San Ġwann: “Imxi warajja, ejja warajja” (Ġw 21:19). Aħna rridu naslu għall-Għid il-Kbir konxji minn din il-vokazzjoni kbira li nkunu Nsara li ħafna minna ħadu fil-Magħmudija meta konna trabi.


    It-tiġdid tal-wegħdiet tal-Magħmudija   

    M’ilux kien hawn xi ħadd li qal li ma jaqbilx li ngħammdu lil uliedna meta jkunu trabi. Il-Papa m’ilux qal li min ma jemminx fil-magħmudija tat-trabi, m’għandux fiduċja fl-Ispirtu s-Santu. Għaliex dak li nżera’ fina bħala trabi, mhux se nkabbruh la aħna u lanqas il-ġenituri tagħna, imma l-Ispirtu Qaddis tal-Mulej. Bħala trabi, aħna ma nitgħammdux fil-fidi tal-ġenituri tagħna imma bil-fidi tal-Knisja; dik il-fidi li aħna niftakru fiha f’kull quddiesa meta lill-Mulej ngħidulu: ‘Tħarisx lejn dnubietna, iżda ħares lejn il-fidi tal-Knisja tiegħek’.    

    Bħala trabi, aħna ma nitgħammdux fil-fidi tal-ġenituri tagħna imma bil-fidi tal-Knisja…

    Jiena nibda bil-kritika għall-għażla tal-Magħmudija bħala sempliċement sinjal ta’ soċjalizzazzjoni, li huwa ritwal mingħajr fidi, imma anke meta l-motivazzjoni mhix dik li nixtieqha li tkun, il-fidi tal-Knisja tissupplixxi, l-Ispirtu xorta jaħdem. Jekk saċerdot iqaddes għall-elemosina, m’għandux motivazzjoni sabiħa, imma l-Ispirtu jaħdem xorta u t-tqarbina li tieħu inti forsi ma tgħinx il-qdusija tas-saċerdot, imma lilek tqaddsek. Aħna rridu niskopru t-tiġdid tal-Magħmudija li ħafna minna rċevejna bħala trabi, u nħalluha tiffjorixxi u tikber.

    Għalhekk, f’Sibt il-Għid inġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija. Kull sena rridu nitolbu l-grazzja li nikbru fil-misteru kbir tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù għax kif jgħallimna San Pawl: fil-Magħmudija aħna mmutu ma’ Ġesù u nqumu miegħu. Kull sena jiena u nġedded il-wegħdiet tal-Magħmudija, irrid nikber f’dan l-għarfien. Kemm hi qawwija l-eżortazzjoni tal-Papa San Iljun meta lill-Insara jgħidilhom: ‘Għaraf id-dinjità tiegħek’ u qed jinterpreta wkoll l-eżortazzjoni qawwija tal-appostlu San Pietru f’waħda mill-Ittri tiegħu meta jgħid: “Intom kontu mifdija, mixtriha bid-demm ta’ Ġesù” (1 Pt 1:19). Tant aħna prezzjużi li aħna mifdija, maħsula u ppurifikati bid-demm ta’ Ġesù. 


    Is-sawm tal-ħelsien

    L-Ewwel Qari tal-lum mill-Ktieb tal-profeta Iżaija jkellimna fuq is-sens tal-penitenza. Bħalma għamel Ġesù fl-Evanġelju li qrajna f’Ras ir-Randan, mhijiex kwistjoni ta’ riti esterjuri, li għalihom hemm ix-xhieda tal-bnedmin, imma atteġġjament interjuri tal-qalb li tiegħu bħala xhud hemm Alla li jara l-qalb u jagħraf il-qalb ta’ kull bniedem. Fil-profezija ta’ Iżaija hemm ħafna mistoqsijiet retoriċi: “Tgħidlu int dan sawm, jum jogħġob lill-Mulej? Jaqaw mhux dan is-sawm li jiena rrid, jiġifieri, li tħoll l-irbit tal-ħażen, u tqaċċat ix-xkiel tal-madmad, li tibgħat ħielsa l-maħqurin, u tkisser kull madmad?” (Iż 58, 5-6).

    Infakkarkom f’espressjoni li rrepeta ħafna Fr Andrew: il-Mulej jixtieqna ħielsa, il-Mulej jixtieqna ħielsa! Skont il-profezija ta’ Iżaija, is-sawm li jixtieq il-Mulej huwa propju dan: li jiena ninħall mill-irbit tal-ħażen, li jiena nqaċċat ix-xkiel tal-madmad, u li nibgħat ħielsa l-maħqurin. Mela mhux biss dak li qed ifixkel lili, imma dak li forsi, permezz tiegħi, qed ifixkel lil ħaddieħor. Dan hu l-veru sawm u tifhmu li fih tħarriġ u fih sforz ħafna ikbar milli ma teħux ċikkulatina jew xi ħaġa żgħira li s-soltu tagħtik pjaċir. Dan it-tip ta’ ħelsien u din it-tip ta’ dieta mill-ħażen hija ħafna iżjed iebsa u din li se twassalna biex niċħdu lix-Xitan u nġeddu l-fidi tagħna fil-Missier, fl-Iben u fl-Ispirtu s-Santu. Jekk tgħidli: ‘Imma kif kompletament?’ U Iżaija jkompli jinterpreta u jantiċipa dak li Ġesù jgħid f’Mattew Kapitlu 25: “Li taqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ, li ddaħħal f’darek lill-imsejken bla saqaf, li tlibbes lil min tara għarwien, lin-nies ta’ darek ma tinsihomx” (Iż 58:7).

    Ħa nibdew minn din tal-aħħar. Hemm xi ħadd minn qrabatek li ilek ma tmur tara? Li forsi nsejt? Ikun tajjeb li f’dan ir-Randan nerġgħu naqbdu ritmu li dawk li huma ta’ ġewwa stess, u li forsi nsejnihom, nerġgħu niftakru fihom b’telefonata, messaġġ jew żjara. Imma aħna qegħdin nipparteċipaw ukoll f’missjoni li permezz tagħha l-komunità tobdi l-profezija kemm ta’ Iżaija u kemm ta’ Ġesù.

    Għalhekk, permezz tal-Caritas u l-aġenżiji oħra tal-Knisja, u anke permezz tas-servizz ta’ kull wieħed u waħda minna hawnhekk illum, aħna rridu naqsmu ħobżna ma’ min hu bil-ġuħ, hemm ġuħ ukoll mhux biss tal-istonku imma anke tal-ġustizzja mogħtija fil-ħin, indaħħlu f’darna lill-imsejken bla saqaf u nlibbsu lil min naraw għarwien. Għaliex hekk biss ikun jista’ ‘jfiġġ bħaż-żerniq id-dawl tal-Knisja, hekk biss tagħlaq malajr il-ġerħa tagħna, quddiemna timxi l-ġustizzja tal-Mulej u l-glorja tal-Mulej timxi warajna’ (ara Iż 58:8). Jekk aħna nieħdu ħsieb il-proxxmu tagħna, u kull min niltaqgħu miegħu nitrattawh daqslikieku hu Ġesù, għid: ‘Dan Ġesù’. Dik il-famuża espressjoni fir-regola ta’ San Benedittu: ospem veni, Christus veni; ġie xi ħadd iħabbat fuq il-bieb, huwa Ġesù, ospem veni, Christus veni


    Ġesù fil-proxxmu

    Aħna rridu naraw lil Ġesù anke f’xulxin. Ħafna drabi faċli nitkellmu fuq il-karità ad extra. Imma x’nagħmlu fl-uffiċċji u fil-kurituri tagħna? Kieku jkollna nagħmlu dak li jgħidilna l-Papa Franġisku, dejjem nagħmlu sew u nagħmlu ġid kbir. Qalilna li bħala penitenza għal dan ir-Randan nistgħu nsumu miz-zekzik, miz-zekzik! Kull meta mmur għandu dejjem tolqotni dik it-tabella li waħħal barra l-bieb: vietato lamentarsi. U għamel ċirku bħal tan-no parking. Vietato lamentarsi allura meta tidħol ma tkunx tista’ tgħid ħafna affarijiet.  

    Nevitaw mhux biss iz-zekzik imma kwalunkwe tip ta’ kelma li ma tedifikax u ma tibnix il-karattru.

    Kemm hi ħaġa sabiħa li dan ma nagħmluhx biss fir-Randan! It-taħriġ jgħallmek! Il-vizzju huwa drawwa ħażina u ripetuta li mbagħad isir parti minn ħajtek. Imma l-virtù huwa drawwa tajba li jekk tiġi ripetuta ssir parti mill-lifestyle tiegħek. Il-virtù hija li tevita kull okkażjoni milli tgħaddi kumment li jista’ jweġġa’. Tgħidli: ‘Inkella ma jkolniex fuq xiex ngħidu’. Ma jimpurtax, ikun hemm iżjed silenzju fil-kurituri ta-Kurja. Nevitaw mhux biss iz-zekzik imma kwalunkwe tip ta’ kelma li ma tedifikax u ma tibnix il-karattru. Minflok, għid kelma ta’ kuraġġ, kelma ta’ ġid u kelma ta’ ringrazzjament.

    Nagħlaq bi tliet kelmiet li l-Papa jissuġġerixxi u li jiena dejjem nirrepetihom lill-għarajjes u lill-miżżewġin imma li ngħidhom anke lill-kollaboraturi tiegħi, tliet kelmiet li huma importanti: please, thank you, I’m sorry. L-ewwel nett aħrna rridu nitgħallmu napprezzaw ix-xogħol ta’ xulxin u anke nitrattaw lil xulxin bid-delikatezza li ngħidlek ‘jekk jogħġbok’.

    Li ngħidlek ‘thank you’, li nirringrazzjaw u napprezzaw lil xulxin. Mhux qed nirreferi għat-thank you ta’ meta tispiċċa mill-uffiċċju! Kulħadd bżonnjuż. Ijen jista’ jkolli appuntament imma jekk tal-bieb ma jiftaħx, nibqa’ fejn inkun. Għalhekk kulħadd bżonnjuż, kulħadd, kulħadd! Jekk immur fit-toilet u ma nsibux nadif, ma neħux pjaċir. Kulħadd bżonnjuż! U allura dik it-thank you turi wkoll apprezzament reċiproku.

    Anke l-kapaċità li fejn inqasna lil xulxin, ngħidu: ‘jiddispjaċini, aħfirli, I’m sorry’. Il-kuraġġ li tgħidha u l-ġenerożità li taċċettaha għax kultant tgħidha imma dak li jkun mhux bilfors jaċċettaha.

    Importanti ħafna li meta jiġu quddiemna, sew jekk għand is-Safeguarding, għand it-Tribunal, għand l-Uffiċċju Żwiġijiet, jew min jiġi jittallab il-karità jew xi ħadd li għandu l-problema fil-proprjetà, dawn kollha ikoni ta’ Ġesù msallab. Ma nitkellmux b’dak li jkollhom jaraw tal-Caritas filgħodu u filgħaxija. Jekk fil-Ġimgħa l-Kbira se mmorru quddiem xbieha ta’ Ġesù tal-kartapesta jew tal-injam, u nbusu l-pjagi tiegħu, se nkunu verament għamilnieha jekk aħna, hu u jurina l-pjagi tiegħu kuljum, nivvenerawhom u nitrattawhom bl-istess delikatezza. “Imbagħad ifiġġ bħaż-żerniq id-dawl tiegħek u malajr tagħlaqlek il-ġerħa tiegħek. Quddiemek timxi il-ġustizzja tiegħek u l-glorja tal-Mulej timxi warajja. Jekk biss issejjaħlu, iwieġeb il-Mulej, jekk tgħajjatlu, jgħidlek: ‘hawn jien’” (Iż 58, 8-9).

    ✠ Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta