Il-messaġġ tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Eċċellenzi Reverendissimi,
Membri tat-Tribunali Ekkleżjastiċi,
Mistiendna distinti,
Hu ta’ pjaċir kbir għalija li nilqagħkom f’isem l-Arċisqof Scicluna għal dan il-ftuħ uffiċjali tas-Sena Ġudizzjali tat-Tribunali tal-Provinċja Ekkleżjastika Maltija. L-Arċisqof jinsab indispost illejla u allura din is-sena dan l-unur li niftaħ s-sena forensi mess lili.
Din hi l-ħames inawgurazzjoni minn meta bdiet issir; inqabżet sena waħda biss minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija, u għalhekk qed nieħu gost li għal darb’oħra t-tliet tribunali laqgħu bil-qalb l-istedina tal-Papa Franġisku sabiex ikunu dejjem iktar miftuħa għal dawk il-membri tal-Knisja li jixtiequ jdawlu l-kuxjenza tagħhom imma spiss jinżammu lura mill-istrutturi ġudizzjali tal-Knisja għal raġuni jew oħra. Għal dan il-għan, it-Tribunali ta’ Malta u Għawdex jixtiequ jfakkru li l-imħabba u l-ħniena jitolbu li l-Knisja – bħala omm twajba – trid tkun qrib dawk uliedha li jħossuhom imbegħdin minnha. Hu f’dan l-istess spirtu ta’ ftuħ u kontabbiltà lejn il-Poplu t’Alla u lis-soċjetà iktar wiesgħa mixtieq mill-Papa, li t-Tribunali tal-Knisja tal-Provinċja Maltija se jagħtu wkoll illejla rendikont ġenerali tal-ħidma mwettqa fis-sena li għaddiet.
Din id-drawwa tal-ftuħ uffiċjali tas-Sena Ġudizzjali mhix mifruxa ħafna fit-Tribunali tal-Knisja madwar id-dinja. Fil-fatt huma biss ftit tribunali ekkleżjastiċi fl-Italja li jiċċelebraw l-inawgurazzjoni formali tal-ħidma tagħhom fil-bidu tas-sena, madwar iż-żmien meta l-Papa tradizzjonalment jiltaqa’ mal-membri tat-Tribunal Appostoliku tar-Rota Rumana sabiex jinawgura l-ħidma tagħhom għal dik is-sena.
Il-ħidma tat-Tribunali hi waħda mill-ministeri ewlenin tal-Knisja lokali u universali, fit-tfittxija għall-verità sabiex il-ġustizzja ssir
Qegħdin hawn ukoll biex nenfasizzaw il-funzjoni pastorali tat-Tribunali Ekkleżjastiċi li jeżistu prinċipalment biex ikunu ta’ servizz għall-Poplu t’Alla; il-ħidma tat-Tribunali hi waħda mill-ministeri ewlenin tal-Knisja lokali u universali, fit-tfittxija għall-verità sabiex il-ġustizzja ssir. Xi wħud isibuha diffiċli biex jirrikonċiljaw il-legalità mal-pastorali, iżda kif qal il-Papa Franġisku f’diskors li għamel lit-Tribunal Apostoliku ta’ Rota Rumana: “Id-dimensjoni ġuridika u d-dimensjoni pastorali mhumiex kontra xulxin għaliex it-tnejn jikkontribwixxu biex jwettqu l-għan tal-Knisja, li ssir ġustizzja fil-verità … Fis-servizz tagħkom, intom imsejħin tkunu qrib tas-solitudni u t-tbatija tal-fidili li qed jistennew mill-ġustizzja ekkleżjali l-għajnuna kompetenti u fattwali biex jistgħu jsibu mill-ġdid il-paċi tal-kuxjenzi tagħhom…Minn hawn joħroġ il-bżonn u x-xogħol tagħkom huwa espressjoni tal-Knisja li kapaċi tilqa’ u tikkura lil min b’xi mod jew ieħor iħossu miġruħ mill-ħajja u, fl-istess waqt, isejjaħ mill-ġdid għall-impenn b’risq il-ħarsien tas-sagralità tar-rabta taż-żwieġ.”
Għalina hu ta’ unur kbir li llejla ser nisimgħu lill-Isqof t’Għawdex, Mons. Anton Teuma – li llum qed jiċċelebra għeluq sninu magħna, u nawgurawlu minn qalbna. Se jitkellem fuq tema li ddedika ħajtu għaliha fil-ministeru tiegħu: Liema preparazzjoni għal Żwieġ Sagrament fi Żmienna?, żgur tema mill-iktar urġenti fil-bidliet kulturali li qed iseħħu madwarna u ninsab ċert li r-riflessjonijiet li se jaqsam magħna se jkunu utli ħafna għalina lkoll.
Nagħlaq billi nfakkar il-kliem ta’ Papa Benedittu XVI fl-aħħar diskors tiegħu lit-Tribunal tar-Rota: “l-orizzont awtentiku tal-verità ġuridika hija li tħobbu, li tfittxu u li taqdu. U din titlob maturità Nisranija li twassalkom biex tħobbu l-liġi iktar u iktar billi tippruvaw tifhmuha u tapplikawha fedelment quddiem Alla u quddiem il-Poplu t’Alla.”
Dan hu li nawgura għalikom ilkoll fil-bidu tas-sena ta’ ħidma fl-għalqa tal-Mulej.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju