L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
F’dan il-jum għażiż, Ġesù joffrilna triq ħelwa imma fl-istess ħin iebsa: kif inkunu qrib is-Saltna ta’ Alla. Lil dak l-għaref tal-liġi li rrisponda tajjeb, qallu: “M’intix ’il bogħod mis-Saltna ta’ Alla” (Mk 12:34).
X’inhi t-triq li qed joffrilna r-Redentur llum? Hija triq tat-tliet imħabbiet li jinġabru bil-kelma għażiża: ‘mħabba’. L-ewwel triq hija li nitgħallem tassew, u mod ta’ vera, inħobb lili nnifsi. Min iħobb lilu nnifsu jitbiegħed mill-ħażen; min iħobb lilu nnifsu jitbiegħed mill-vizzji li qegħdin jeqirduh; min iħobb lilu nnifsu jfittex il-paċi tal-qalb. Ejjew nitolbu li f’din il-mixja tar-Randan nitgħallmu tassew nieħdu ħsieb tagħna nfusna. Ejjew neżaminaw lilna nfusna fuq dawk l-affarijiet li minflok jgħinuna, ikissruna; minflok jagħtuna ħajja, iressquna lejn il-mewt tar-ruħ u tal-ġisem.
It-tieni mħabba hija tal-proxxmu. “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek” (Mk 12:31). Hemm bżonn titgħallem tħobb lilek innifsek biex tħobb lil għajrek. Għax l-imħabba tiegħi nnifsi mhix egoiżmu; l-imħabba ta’ vera hija li jiena noħroġ minni nnifsi u niltaqa’ mal-persuna l-oħra, hi min hi, u nagħti ħajti. L-imħabba tal-proxxmu tfisser li f’ħutna naraw x-xbieha mqaddsa ta’ Ġesù. Ejjew nistaqsu lilna nfusna: kemm hi ħaġa sabiħa li fid-djar, fil-pjazez u fil-knejjes tagħna narmaw ix-xbiehat ta’ Ġesù u tal-għażiża ommu, biex infakkru dak kollu lir-Redentur għamel biex jifdina. Dawn huma xbiehat qaddisa, imma x-xbieha ħajja tal-Mulej qiegħda fil-proxxmu. Qiegħda f’min għandu bżonn l-għajnuna: il-ħarsa ta’ mħabba, il-kelma ta’ parir tajjeb, u d-dixxiplina li tikkoreġi dak li hu ħażin. Kull min jitma’ lil min hu bil-ġuħ, min jisqi lil min hu bil-għatx, min iżur il-morda għandu jiftakar fil-kelma għażiża ta’ Ġesù: “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40).
Ħobb lilek innifsek, ħobb lill-proxxmu u tkun tista’ tħobb lil Alla. Għax San Ġwann jgħallimna: Min ma jħobbx lil ħuh li jara, kif jista’ jħobb lil Alla li hu qatt ma rah?” (1Ġw 4:20). Imma l-imħabba ta’ Alla tista’ tfisser li dak kollu li tana, il-mezzi kollha li tana biex aħna ninħelsu minn ħżunietna, ikollna l-paċi tal-qalb li nilqgħuhom bi gratitudni kbira.
Ftakru dejjem f’dawn iż-żewġ talbiet li għallimna San Ġorġ Preca! Min jaf kemm-il darba smajtuni nirrepetihom: ‘Grazzi Sinjur Alla, u aħfirli Sinjur Alla’ u ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’. Meta ma tkunx taf x’se tgħid lil Alla biex turih li tħobbu, uża dawn iż-żewġ talbiet sempliċi, imma profondi. Lil Alla għandna bżonn ngħidulu ‘grazzi’ daqs kemm għandna bżonn ngħidulu ‘aħfirli’. Lil Alla għandna bżonn nuruh li għandna bżonnu, li mingħajru ma aħna xejna. “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġw 15:5); mingħajri m’intom xejn, ma tiswew xejn; hekk qalilna l-Mulej fl-Evanġelju ta’ San Ġwann.
It-tliet imħabbiet: tiegħi nnifsi, tal-proxxmu u ta’ Alla. Din it-triq li twassalni fis-saltna tal-paċi.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta