• Nhar il-Ħadd 27 ta’ Novembru 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna amministra s-sagrament tal-Griżma tal-Isqof lill-adoloxxenti mill-Parroċċa ta’ Ħaż Żabbar. 
  • Homily by Archbishop Charles J. Scicluna 

  • Knisja Parrokkjali Ħaż-Żabbar
    27 ta’ Novembru 2016

    Għeżież żgħażagħ, jiena qiegħed nilqagħkom bħala membri adulti tal-poplu ta’ Alla. Tgħiduli: “imma din xi tfisser?”. Se tifhmu malajr meta jiena nieqaf nitkellem u nitlobkom titkellmu intom u jiena bħalma nagħmel ħafna meta niltaqa’ ma’ żgħażagħ tamparkom, ngħidilkom: “irrid nismagħkom iġġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija”.

    Meta l-ġenituri tagħkom ġabukom il-Knisja mal-parriniiet tal-Magħmudija biex titgħammdu, intom kontu trabi; jew kontu qegħdin tibku, torqdu jew inkella b’xi bottle biex ma tibkux. Imma intom ma stajtux titkellmu. Illum pattejtuha mhux ħażin nimmaġina jien, għax kultant ommok tgħidlek: “iva, oqgħod naqra bi kwietek għax għamiltli rasi tuġagħni, il-ħin kollu tgħid”. Kultant meta mbagħad nistaqsukom tistqarru lil Ġesù fil-pubbliku, qisu taqa’ muta kbira! Għax ma nkunux fuq xi logħba futbol jew inkella qed naraw xi soap opera preferita. Illum nixtieq verament nismagħkom tiċħdu lix-xitan u tistqarru l-fidi f’Alla l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, tistqarru l-fidi tagħna u peress li tagħmilha inti għax trid u taf x’qiegħed tgħid, allura inti membru adult.

    Ilbieraħ għamilna l-festa ta’ Santa Katerina. Kellha tmintax-il sena meta mietet għal Ġesù. Dalwaqt nagħmlu l-festa ta’ Santa Luċija fit-13 ta’ Diċembru. Santa Luċija kellha erbatax-il sena meta mietet għal Ġesù. L-istess Ċeċilja, li kellha sittax-il sena li għamilna l-festa tagħha fit-22 ta’ Novembru. Dawn kollha kienu żgħażagħ li mietu għal Ġesù u ma kinux anzjani, fiż-żgħożija tagħhom. Marija Goretti kellha tnax-il sena daqskom meta ppreferiet tmut imma ma tagħmilx id-dnub. Tant qaddisin żgħażagħ li ċarċru demmhom biex lil Ġesù jgħidulu: “jiena nħobbok fuq kollox”.    

    Il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu tgħinek biex tgħid ‘le’ lil ħażin. Xi ħadd joffrilek id-droga per eżempju. Ifhmuni sew. Tgħidlu: “le”. Ħa tikber ftit ieħor u tmur ma sħabek Paceville jew fejn u jkun hemm xi ħadd jgħidlek: “irħisha ta, nagħtik prezz speċjali, taf kemm tkun ferħan!”.  U inti tibda n-niżla, niżla ta’ nkwiet, ta’ dulur u ta’ biki għax ma kellekx il-qawwa tgħid: “No thank you”. M’hemmx għalfejn tiġġieled, tgħidlu: “no thank you”. 

    Jew inkella sħabek f’jum ta’ skola: “u ejja, ħa mmorru nilagħbu logħba futbol”. Il-fotbol tilgħabu meta trid imma mhux waqt il-ħin ta’ l-iskola, għaliex? Għaliex in-Nisrani jagħmel kollox f’ħinu: ħin tal-iskola skola, ħin tal-isports sports, ħin tal-quddiesa, quddiesa. Aħna dejjem nitolbu lill-Arċipriet ma jdumx ħafna jipprietka, mhux hekk? Itolbu l-Madonna tal-Grazzja, din grazzja kbira u s-saċerdoti l-oħra biex ma jaqtgħulniex qalbna. Il-ħin tal-quddiesa, quddiesa. Kultant insibuha bi tqila nagħmlu siegħa ma’ Ġesù, siegħa fil-ġimgħa ta! Kemm nagħmluha bi tqila: “u għax ma nistax Father, għax ma stajtx niġi, Father, għax għandi l-bogħod, Father”. Imma biex tmur tilgħab logħba futbol ma jkollokx il-bogħod!  Mhux qed ngħid ma tmurx il-futbol, tagħmel kollox f’ħinu. 

    Il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu wkoll se tgħinek il-kliem tiegħek ikun dejjem: ‘ġid lil kulħadd, deni lil ħadd’. Mela ibdew min issa mhux il-girls biss, anke il-boys, iz-zekzik bejnietna. “Ara dik, x’inhi liebsa!”. Dil-kelma se tagħmel il-ġid?. “Ara l-ieħor lanqas jaf jiskorja”. Agħmillu kuraġġ!  Jekk jinxtara’ ċċapċaplux imma ibda inti tinxtarax. Ifhmuni. Nagħżlu nagħmlu t-tajjeb u naħarbu l-ħażin.

    Għaliex aħna fil-Milied nagħtu l-presents lil xulxin? Rigali ngħidulhom aħna, imma kelma sabiħa li qiegħda fl-Ingliż, fit-Taljan u fil-Franċiz, presente, present jiġifieri jiena meta nagħtik xi ħaġa ġejja mill-qalb, m’hemmx għalfejn tiswa ħafna flus, anzi jekk tista’ tonfoq, nofs il-flus fir-rigali, u l-oħrajn tagħtihom il-foqra tkun qed tagħmel ħaġa sabiħa ħafna. Inti biex tgħidlu: “jiena nixtieq verament naqsam miegħek il-ferħ tiegħi li twieled Ġesù”. Ħafna drabi aħna l-Milied, anke l-Griżma: “min jaf x’rigal se jagħtuni!”. Dejjem naħsbu f’affarijiet għalina nfusna. Il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu tgħinek ukoll taħseb f’ħaddieħor. Hawn min per eżempju l-presents li jaqla’ uħud minnhom jaqsamhom ma’ ħaddieħor. Mhux bilfors qed ngħidlek tagħmel hekk, imma aħsibha ftit, aħsbha ftit! Li inti taqsam ħajtek ma’ ħaddieħor.

    Kelma lill-parrini. Intom qegħdin hawn illum u nirringrazzjakom ta’ dan ir-rwol li aċċettajtu. Ifhmu li għandkom dawn it-tliet responsabbiltajiet. L-ewwel nett li titolbu għall-filjozzi tagħkom, qegħdin hawnhekk quddiem il-Madonna tal-Grazzja, imqar ‘sliema’ u ‘qaddisa’ kuljum. Issa min għandu ħafna filjozzi forsi jgħid ir-rużarju jkollu, imma, ma tafx inti, sliema fiha ħamsin,  skont kemm għandek filjozzi. Imqar ‘sliema’ u ‘qaddisa’ għal kull filjozz li għandkom. Jekk għandkom wieħed għidu waħda, jekk kun imqareb għidu rużajru sħiħ, imma nitolbu ma jkunx ħafna mqareb jew imqarba.

    It-tieni, is-sapport. Parir tajjeb, kelma ta’ ġid li tiftaħ għajnejk u tara l-filjozz x’inhu jagħmel b’ħajtu, jew il-filjozza ma’ min iddendlet, wiċċu gustuż imma moħħu fir-riħ, inkwiet dak, inkwiet! Inti tgħid kelma ta’ ġid, is-sapport li dak li jkun issegwih, mhux tifgaħ bl-attenjoni żejda mhux hekk, għax dawn ħa jikbru issa jkunu jridu l-awtonomija tagħhom, mur kellimhom, minn hawn u ftit snin oħra, minn hawn u ftit xhur oħra ngħidilkom jien, jekk mhux minn hawn u ftit ġranet oħra.

    It-tielet: l-eżempju. Jiena dejjem inġib dan l-eżempju. Tinnota l-filjozz m’għandux siegħa għal quddies fil-ġimgħa. Tgħidlu: “Iva allura l-quddiesa m’għadekx tmur?” Jgħidlek: “Inti tmur?”. Checkmate, checkmate! Għax il-kelma tqanqal u l-eżempju jkaxkar.

    Jiena nawguralkom. Ikolli issa l-ferħ waqt li nagħtikom il-Griżma niltaqa’ magħkom personalment, ngħidu kelma qasira, inkella l-Arċipriet jiġbidli widnejja jekk indumu ħafna. Nixtieqkom ħafna nitolbu għal dawn iż-żgħażagħ tagħna. Nirringrazzja ħafna lill-ġenituri li ħadu ħsieb li jirċievu l-katekeżi, li ma tieqafx hawn imma m’għandhiex tkun dwejjaq li inti almenu darba fil-ġimgħa tmur laqgħa u tiltaqa’ ma’ sħabek Insara, u tieħu tagħlim li jgħodd għalik skont l-età tiegħek. Ifhmuni, inti u tikber għandek bżonn tagħlim jgħodd għall-età tiegħek. Mhux tal-fairy tales, tagħlim li jgħodd għall-eta tiegħek. Illum għandek tnax il-sena, erbgħa snin oħra jkollok sittax, se jkollok bżonn tagħlim għall-eta tiegħek. Il-ġenituri jifhmuni. Allura laqgħa darba fil-ġimgħa, imqar darba fix-xahar li inti tgħidlu l-Arċipriet: “għamlilna l-laqgħat”. Jgħidlek: “għandna, ejja”. Mhux dwejjaq, huwa tagħlim li jgħinek.

    Nitolbu għalihom lill-Madonna tal-Grazzja. Għandkom dan it-titlu sabiħ tal-Madonna li huwa ‘fawwara ta’ mħabba’ għax il-grazzja hija l-imħabba ta’ Alla u hekk ngħidulha biex tberikkhom, tkun magħkom tul ħajjitkom kollha.

     Charles J. Scicluna     
         
    Arċisqof ta’ Malta