L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Min se jgerbilna l-ġebla mid-daħla tal-qabar?” (Mk 16:3) Din kienet il-mistoqsija li bdew jagħmlu lil xulxin Marija ta’ Magdala, Marija Omm Ġakbu u Salomi – in-nisa li ddeċidew li kmieni fl-ewwel jum tal-ġimgħa jmorru lejn il-qabar ta’ Ġesù ħa jidilku bil-fwejjaħ il-ġisem mejjet tiegħu. Din kienet id-diffikultà li kellhom, għax għalihom Ġesù kien mejjet u riedu juru l-għożża tagħhom.

Il-memorja

Għal mument, nixtieq li nidħlu fl-istorja ta’ dawn in-nisa li kienu qed jimmaġinaw li se jsibu l-ġisem mejjet ta’ Ġesù u l-problema li kellhom kienet kif se jirnexxilhom jidħlu ġo dan il-qabar issiġillat b’ġebla “kbira ħafna” (Mk 16:4). Dawn in-nisa kellhom memorja sabiħa ħafna ta’ Ġesù – għalihom Ġesù kien dak li wrihom xi tfisser l-imħabba. Rawh jagħmel il-mirakli, semgħu tagħlim sabiħ ħafna, minnu raw biss ġid; imma mbagħad kellhom l-esperjenza qarsa u t-trawma li jaraw in-nies, imxewxa mill-mexxejja reliġjużi taż-żmien, iduru kontrieh, jarrestawh, jittorturawh, isallbuh, joqtluh u issa hu midfun. Għalihom kien spiċċa kollox, baqa’ biss il-memorja.

Mhuwiex hawn

Imma meta dawn in-nisa waslu fejn il-qabar, indunaw li l-ġebla kbira kienet imressqa fil-ġenb. U hemmhekk raw żagħżugħ liebes libsa bajda li jagħtihom dik l-akbar aħbar li setgħu qatt jimmaġinaw: “Qegħdin tfittxu lil Ġesù ta’ Nażaret li kien imsallab; qam mill-mewt, mhuwiex hawn!” (Mk 16:6) Din hi l-ikbar u l-isbaħ aħbar, l-aħbar li biddlet għal kollox l-istorja ta’ Ġesù ta’ Nażaret kif kienu jafuha, u miegħu l-istorja tal-umanità.

Ġesu qam mill-mewt! Dan hu li qed niċċelebraw b’ferħ kbir illejla f’din il-Vġili. Għalhekk smajna l-Kelma ta’ Alla tfissrilna mumenti importanti tal-Istorja tas-Salvazzjoni li kollha jwasslu għal din il-ġrajja fundamentali. 

Hu rebbieħ

Mal-qawmien tiegħu mill-mewt, Ġesù qaleb ta’ taħt fuq l-esperjenza tal-passjoni u l-mewt tiegħu. Sal-mument tal-mewt tiegħu, deher li r-rebħa kienet ta’ dawk kollha li kienu kontrieh. Deher li rebaħ il-ħażen. Il-vjolenza, l-inġustizzji, it-tradiment, l-insulti, it-tkasbir tad-dinjità tiegħu dehru rebbieħa. U għal dawk li rawh imsallab, Ġesu deher it-tellief. Fl-aħħar kien imsikket, u ssiġillat b’ġebla kbira. 

Imma ma kienx hekk, fil-fatt. Il-qawmien ta’ Ġesù wera li hu rebaħ. Rebħet il-ħajja li għex, rebħet il-kelma li għallem. Kristu Rxoxt, Kristu hu ħaj. Għalhekk aħna ma aħniex biss qed infakkru din l-ikbar ġrajja, imma qed niċċelebrawha għax Kristu hu ħaj. 

Huwa hu li jakkumpanjana f’ħajjitna. Huwa hu li jagħtina l-iskop tal-ħajja tagħna u s-sens veru tagħha. Ġesù jurina li dak li għadda minnu hu, jekk aħna nimxu warajh bħala dixxipli tiegħu, għad ngħaddu minnu aħna, kif ifisser tant tajjeb San Pawl fl-Ittra lir-Rumani. Din hi l-garanzija li tana hu. Il-ħajja ma tispiċċax mal-qabar, imma lil hinn f’din il-ħajja ġdida. 

Imma l-qawmien mill-mewt ta’ Ġesu ma jagħtiniex biss it-tama għal din il-ħajja ġdida, imma jurina wkoll l-għażliet rebbieħa li għandna nagħmlu f’din il-ħajja, l-għażliet li verament jiswew ta’ ġid għalina u għall-oħrajn.

X’bidel fl-istorja?

Kultant tqum id-domanda: imma jekk il-qawmien ta’ Ġesù bidel l-istorja tal-umanità, għaliex għadna ngħixu fi żmien ta’ ġlied, gwerer, vjolenza, inġustizzji u tant ħażen imxerred mad-dinja kollha? Hemm tant vittmi ta’ dan kollu – biżżejjed naraw dak li qed jiġri fl-Ukraina u f’Gaża bħalissa, imma wkoll f’tant postijiet oħra. Fi żmienna, tant nies jgħaddu wkoll mit-tbatija tal-passjoni u l-mewt. Fejn hi din il-ħajja ġdida li ġab il-qawmien ta’ Ġesù? 

Il-ħajja ġdida qiegħda f’dawk li jaċċettaw li jimxu warajh, li jilqgħu din il-ħajja ġdida. L-Aħbar it-Tajba mhijiex imposta imma proposta. L-Aħbar it-Tajba hija li meta aħna ngħixu kif uriena Ġesù, u b’fidi qawwija fih, hu jagħtina l-ispirtu tiegħu li hu dejjem, fl-aħħar mill-aħħar, rebbieħ. Ġesù qatt ma ġiegħel lil xi ħadd jemmen fih – hija għażla libera – imma min jemmen u jittama fih jaf il-qawwa tal-imħabba tiegħu.

Ġesù jgħinna biex ngħixu ħajja ġdida. Jgħinna biex nifhmu li dik hi t-triq rebbieħa. Min jemmen f’Ġesù u jimxi kif jgħidilna Ġesù, speċjalment bl-imħabba li tegħleb il-mibegħda, il-ħajja li tegħleb il-mewt, it-tajjeb li jirbaħ il-ħażin, qed jimxi f’dit-triq rebbieħa. Il-qawmien ta’ Ġesù lilna jagħtina din il-qawwa.

Ġesù jgħinna biex nagħmlu d-differenza. Meta ngħixu kif uriena hu u kif għallimna hu, hemm nintebhu li hi ħajja ta’ mħabba li tibdel l-istorja. Kull meta f’ħajjitna nqumu mill-ħażen għat-tajjeb, qed ngħixu t-tifsira tal-qawmien ta’ Ġesù. U kull meta aħna nkunu ta’ sostenn u appoġġ lejn il-persuni fil-bżonn ta’ ħajja ġdida, kull meta nagħtu tama, ngħinu lil xi ħadd biex iqum għal ħajja ġdida, qed ngħixu t-tifsira tal-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt. Inkunu qed ngħixu ta’ rebbieħa, mhux ta’ telliefa, u ngħinu wkoll lill-oħrajn jgħixu ta’ rebbieħa.

Kull nhar ta’ Ħadd

Hu għalhekk li aħna llum niċċelebraw bil-kbir lil Kristu Rxoxt. Irridu niftakru li tant hija kbira din il-ġrajja, li aħna niċċelebrawha għal tmint ijiem sħaħ – mil-lum sat-Tieni Ħadd tal-Għid. Imma, aktar minn hekk, ukoll, niċċelebrawha kull nhar ta’ Ħadd. Meta niltaqgħu flimkien il-Ħadd għaċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa, nagħmlu dan bħala poplu tal-Għid, poplu rebbieħ ta’ Ġesu ħaj, il-poplu li jemmen li l-ġebla kbira ma għadhiex tissiġilla l-ġisem mejjet fil-qabar għax Ġesu hu ħaj. Qed nagħmlu l-istqarrija li rridu ngħixu l-ħajja tal-imħabba ta’ Ġesù ħaj.

Għalhekk, illum, nifirħu flimien. Ngħidu grazzi mill-qalb lill-Mulej rebbieħ ta’ din ir-rebħa tiegħu li hi wkoll ir-rebħa tagħna. Nitolbuh biex dejjem nagħtu xhieda b’ħajjitna ta’ Krisu ħaj u tar-rebħa li Kristu jġib fil-ħajja tagħna.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju