-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Il-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
1 ta’ Diċembru 2018Aħna u nibdew sena liturġika ġdida, is-sena tat-talb tal-Knisja, nissieħbu mal-għajta tal-Għarusa ta’ Ġesù u ngħidulu: “Ejja, Mulej Ġesù”. Dan huwa s-sinifikat profond tal-istaġun li bdejna llejla: l-istaġun tal-Avvent.
Il-veru AvventĦafna drabi minħabba l-ambjent tad-dwal tal-Milied diġà mixgħula, ninsew li l-ewwel irridu nippreparaw għall-Milied, imbagħad niċċelebrawh. L-ewwel parti ta’ din il-preparazzjoni hija propju li nifhmu li din l-għajta mhijiex biss għajta storika li nfakkruha u li mbagħad kellha s-seħħa u l-milja tagħha fil-misteru tat-twelid tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, imma l-għajta “ejja, Mulej Ġesù” hija wkoll għajta attwali u talba li timxi mal-Knisja matul is-sekli u fiż-żminijiet. Aħna qegħdin nistennew Avvent li l-Mulej isejjaħlu ‘Avvent misterjuż’. Jista’ jkun ukoll terrifikanti imma fuq kollox li jeħodna b’sorpriża u li fih, ir-realtà li nafu titbiddel. It-tama tagħna hija li fl-aħħar mill-aħħar din ir-realtà titbiddel għall-aħjar; li t-tmiem mhuwiex tmiem mingħajr futur imma b’xi mod huwa trasformazzjoni.
…mhuwiex telf ta’ żmien li n-Nisrani jitħabat għall-ġustizzja soċjali, għall-progress, għad-dinjità tal-bniedem, għall-ugwaljanza bejn is-sessi, għar-rebħa ta’ kull diskriminazjoni inġusta.
Din it-trasformazzjoni mhijiex xi ħaġa li aħna nistennewha b’mod passiv imma qegħdin naħdmu għaliha u naħdmuha flimkien ma’ Alla waqt li qegħdin ngħixu f’din l-art. U għalhekk il-misteru tal-Knisja huwa misteru ta’ poplu li jemmen li bil-ħidma li aħna nwettqu u bil-progress fis-soċjetà li aħna nħaddmu, qegħdin tassew nibnu s-saltna ta’ Alla li ġejja. Għalhekk mhuwiex telf ta’ żmien li n-Nisrani jitħabat għall-ġustizzja soċjali, għall-progress, għad-dinjità tal-bniedem, għall-ugwaljanza bejn is-sessi, għar-rebħa ta’ kull diskriminazjoni inġusta. Mhuwiex ħela ta’ żmien li inti taħdem għall-progress materjali, u biex il-bniedem igawdi d-dinjità tiegħu.
Kieku kellna nistennew il-miġja tal-Mulej bħal destin li se jiġi fuqna mingħajr aħna ma nagħmlu xejn, allura nkunu qegħdin nistiednu lilna nfusna għal atteġġjament mhux biss ta’ għażż imma wkoll ta’ rassenjazzjoni. Din mhijiex il-mentalità tan-Nisrani li qiegħed jistenna waqt li jishar! L-insistenza tal-Mulej li l-Avvent li aħna qegħdin ngħixu u li huwa dimensjoni konkreta tal-eżistena tagħna, huwa Avvent attiv.
Jiena nammira ħafna nies li forsi m’għandhomx il-fidi li għandna aħna imma qegħdin jitħabtu għal progress ġust tal-umanità. Anke fil-qalb tagħhom hemm ix-xenqa li l-Mulej jiġi u li d-dinja li nafuha tinbidel bil-qawwa tiegħu.
Profeta ta’ din it-tama u ta’ dan l-ottimiżmu li għex fis-seklu li għadda, kien il-kbir Teilhard de Chardin. Antropologu, filosofu, teologu u Ġiżwita li l-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi ħabbtitu mhux ħażin bħalma ħabbtet ħafna nies kbar, imma li kellu din il-viżjoni otttimista tal-umanità miexja lejn Ġesù kważi mingħajr ma taf, miġbuda minn qawwa kbira li tiġbidha lejn il-milja tagħha. U din hija d-dimensjoni tal-Avvent li għandna bżonn napprezzaw fil-bidu tas-sena liturġika għaliex l-għajta tal-Knisja “ejja, Mulej Ġesù” mhijiex biss in-nostalġija li kellhom il-profeti u li sabet ir-risposta tagħha fit-twelid tat-tarbija ta’ Betlehem, ta’ Ġesù ta’ Nazaret, imma hija għajta li fil-Mulej Ġesù tifhem li hemm il-milja tal-umanità. Fih titħabbeb l-umanità ma’ dak kollu li huwa divin. Il-Mulej javżana biex noqgħodu attenti mill-ikel u xorb żejjed; mhijiex kwistjoni ta’ dieta imma kwistjoni ta’ aljenazzjoni li tista’ taħkimna minn qalb imtaqqla, minn ħafna tħassib li forsi jaqtagħlna qalbna. Il-Mulej iridna on the alert proprju fis-sahra ta’ min irid ikun proattiv.
Nisa eżempju tax-xhieda ta’ ĠesùFlimkien magħkom nirringrazzja ’l Alla talli l-kariżma ta’ Saint Jeanne-Antide Thouret waslet Malta 150 sena ilu u li f’dawn il-150 sena kellna xhieda ta’ ħafna nisa li taw ħajjithom biex dik l-għajta tal-veru Avvent tkun realtà. Ħafna nisa taw ħajjithom bħala Sorijiet tal-Karità u li ma rħewx idejhom, anzi xammru l-kmiem quddiem ir-realtajiet kollha tal-faqar possibbli li kien hemm 150 sena ilu u li għadhom jiżviluppaw magħna. Kull progress se joħloq ukoll id-dellijiet tiegħu. Din qed ngħidha mhux biex taqtagħlna qalbna imma biex nibqgħu nishru. Kull progress se jkollu s-side effects tiegħu, bħal kull mediċina, wara kollox u inti trid toqgħod attent. Il-Mulej jipprovdi profeti, jipprovdi qlub ġenerużi bħalma huma u kienu u jibqgħu nitolbu s-Sorijiet tal-Karità li fis-soċjetà tagħna sibniehom kull fejn hemm bżonn.
Illum qegħdin niċċelebraw 150 sena ta’ attiviżmu femminili fil-Knisja, fl-arċidjoċesi tagħna…
Ma nista’ nsib l-ebda qasam fejn ma daħlux fih is-Sorijiet tal-Karità. Xi ħadd hekk is-soltu nirreferu għalih bħala ‘defsa’ u ngħidulu ukoll propju dik il-ħabba ħażina li ssibha kullimkien; dak il-melħ li jagħti t-togħma, biex nużaw almenu espressjoni tal-Mulej; dak id-dawl li jiddi fl-irkejjen l-iżjed mudlama. Hemmhekk kont issib u għadek issib Soru tal-Karità.
Aħna rridu ngħidu grazzi lil Alla. Kultant nitkellmu fuq ir-rwol tal-mara fil-Knisja. Illum qegħdin niċċelebraw 150 sena ta’ attiviżmu femminili fil-Knisja, fl-arċidjoċesi tagħna, qed niċċelebraw nisa li kkonsagraw ħajjithom totalment lil Ġesù u li ntrabtu bl-impenji tal-ubbidjenża, tal-faqar, tal-kastità biex l-imħabba tagħhom tkun libera u li tillibera, l-imħabba tagħhom tkun universali, li kapaċi tħaddan lil kulħadd u li l-imħabba tagħhom tkun disponibbli għaliex is-Sorijiet tal-Karità mhux biss issibhom f’kull qasam tal-faqar f’Malta imma anke f’ħafna postijiet oħra fid-dinja.
Kif għedt lill-Madre Ġenerali: Iridu nirringrazzjaw lil Alla ta’ dan id-don kbir. Insellem lilek Madre u lill-President tar-Repubblika ta’ Malta, tal-preżenza tagħkom bħala żewġ nisa prominenti u mexxejja. Ma nistax ma nsemmihx lil Sor Nathalie li bħala delegata għandha l-piż li tkompli dan il-patrimonju kbir. Lill-Madre Ġenerali għedtilha: “Dobbiamo pregare per la vocazione”. Din hi waħda mill-intenzjonijiet li llum inġib fuq l-artal tal-Mulej. Dan l-attimiżmu Kristjan impenjat, ottimista, propju kuraġġuż tan-nisa fil-Knisja li jħallu kollox biex jagħtu ħajjithom għall-fqar li fihom jaraw l-għarus tagħhom Ġesù, għandu futur neċessarju, għandna bżonnu, allura hemm bżonn ukoll nitolbu ’l Alla biex iberikna bil-vokazzjonjiet.
Aħna u nibdew l-Avvent li, għall-grazzja ta’ Alla fis-soċjetà Maltija huwa staġun ta’ ġenerożità ma’ kulħadd u minn kulħadd, huwa sabiħ li aħna nfakkru dawn in-nisa ġenerużi li taw ħajjithom u qed jagħtu ħajjtihom. Il-Mulej ikun il-faraġ, il-barka u l-ħlas tagħkom. Kieku jkollna nħalluskom nispiċċaw bid-defiċit, allavolja m’għandniex. Aħna ngħidulkom grazzi u nisperaw li tkunu kuntenti bil-grazzji għaliex meta tonqos soru minn x’imkien u l-Knisja jew l-Istat ikollhom joffru l-istess servizz 24/7, verament napprezzaw mhux biss kemm għandkom qalbkom tad-deheb imma kemm verament tiswew deheb. F’isem il-Mulej Ġesù ngħidilkom grazzi, u grazzi mill-qalb!
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-
-
-
-
-
-
-
Ritratti: knisja.mt/ritratti