L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Ma nafux” (Mt 21:27). Din kienet ir-risposta tal-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu għall-mistoqsija li għamel Ġesù, li ma kinitx tidher mistoqsija diffiċli. Staqsiehom: “Il-magħmudija ta’ Ġwanni minn fejn kienet ġejja, mis-sema jew mill-bnedmin?” (Mt 21:25). Huma weġbuh: “ma nafux”.
Aħna nafu li din ma kinetx tweġiba sinċiera. Fil-fatt l-Evanġelju jgħid li meta Ġesù staqsiehom, qagħdu jirraġunaw bejniethom x’se tkun ir-reazzjoni tiegħu jew tan-nies jekk iweġbuh mod jew mod ieħor. Għalhekk ir-risposta tagħhom kienet: “ma nafux”.
Aħna nafu wkoll li mhux din ir-risposta biss ma kinitx sinċiera, imma lanqas il-mistoqsija li għamlu huma lil Ġesù, għax il-ġrajja hekk tibda, b’mistoqsija li għamlu lil Ġesù meta kien fit-tempju, u staqsewh: “Int b’liema setgħa qed tagħmel dan kollu? U min tahielek din is-setgħa?” (Mt 21:23) Nafu li din ma kinitx mistoqsija biex huma verament jirċievu risposta għaliha u jaċċettawha. Ma kinux lesti jaċċettaw li Ġesù dak li kien qed jagħmel kien qed jagħmlu bis-setgħa ta’ Alla. Fil-fatt, f’mument ieħor fl-Evanġelju, insibu lill-Fariżej, li kienu msieħba mal-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu, li jgħidulu lil Ġesù li qed ikeċċi x-xjaten bis-saħħa tal-prinċep tax-xjaten, jiġifieri li s-setgħa tiegħu ġejja mix-xitan. Għalhekk, ma kinux lesti li jaċċettaw ir-risposta għal dak li staqsewh, ma kellhomx dik is-sinċerità tal-qalb.
X’inhi t-tagħlima għall-ħajja tagħna li naraw f’dan l-Evanġelju?
L-ewwel nett, Ġesù jħeġġiġna biex aħna nkunu sinċiera fil-ħajja tagħna – fil-ħajja tagħna personali, fir-relazzjonijiet mal-oħrajn, f’dak li ngħidu u dak li nitkbu.
Irridu niftakru li aħna qatt ma se nidħqu jew inqarrqu bil-Mulej, għax hu jagħraf il-profondità tal-qalb u tal-ħsieb tagħna, bħalma għamel hawn. U anke jekk aħna nimmaġinaw kultant li nistgħu nidħqu bl-oħrajn jew inqarrqu bihom, fl-aħħar mill-aħħar inkunu qed nidħqu bina nfusna jekk ngħixu b’dak il-mod. L-ewwel tagħlima li jagħtina hawnhekk hi s-sinċerità tal-qalb li għandu jkollna f’ħajjitna.
Imbagħad hemm ħaġa oħra li wkoll hi importanti u li toħroġ minn din il-ġrajja tal-lum: li aħna rridu noqogħdu attenti li ma jqarrqux bina, ma jidħqux bina, li ma jdaħħluniex fi xkora lilna. Għax jeżisti min ikollu dan il-ħsieb. Kultant taraha din, meta xi ħadd jiġi jistaqsik xi ħaġa, u lest biex jaqbad kelma jew tnejn biex minnhom jagħmel storja u jgħid: il-Knisja kontra dak, kontra dik, kontra dawk! L-iskop ikun biex jonsbuk, bħalma kienu jippruvaw jagħmlu lil Ġesù. Jew inkella xi ħadd li qed jitkellem miegħek, jgħidlek dak li tixtieq tisma’ u, filwaqt li jgħidlek dan, jagħmel eżatt il-kontra. Għalhekk aħna rridu wkoll noqogħdu attenti li, sa fejn nistgħu naraw aħna, ma jkunx hemm min iqarraq bina jew jonsob lilna.
Nitolbu llum lill-Mulej, l-ewwel nett għas-sinċerità tal-qalb, biex aħna nkunu sinċiera f’dak li ngħidu, f’dak li nagħmlu, u fir-relazzjonijiet mal-oħrajn; u li noqogħdu wkoll attenti biex, kemm jista’ jkun, ħadd ma jqarraq bina u ħadd ma jidħaq bina.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta