L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
Meta Ġesù jsemmi r-ragħaj it-tajjeb, u jgħid li hu r-Ragħaj it-Tajjeb, jitkellem fuq diversi karatteristiċi ta’ dan ir-ragħaj it-tajjeb. Imma fl-Evanġelju tal-lum hemm karatteristika waħda li jenfasizza: “Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-ngħaġ tiegħu”. Ħames darbiet isemmi fl-Evanġelju tal-lum din l-għotja.
Meta nisimgħu l-kliem “jagħti ħajtu”, mal-ewwel niftakru f’Ġesù fuq is-salib. Hemmhekk verament għandna l-milja ta’ din l-għotja. Fuq is-salib jagħti ħajtu, imut, biex aħna jkollna l-ħajja. Fuq is-salib għandna l-akbar għotja. Hu dan li niċċelebraw fl-Ewkaristija, niċċelebraw din l-ikbar għotja, anke fl-istess kliem tal-konsagrazzjoni, il-kliem li Ġesù qal fl-aħħar ċena. Innutaw kif jenfasizza proprju dan: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom, dan hu demmi li jixxerred għalikom.” L-Ewkaristija hi ċ-ċelebrazzjoni ta’ din l-għotja sħiħa li għamel Ġesù.
Imma ma kienx biss fuq is-salib li Ġesù ta ħajtu, imma s-salib kien il-milja ta’ ħajja kollha li għexha b’dal-mod. Ġesù dejjem ta, ħajtu raha bħala għotja lill-bnedmin kollha, speċjalment dawk l-aktar fil-bżonn. Hu għallimna u wriena li l-ħajja għandna nfittxu li tkun għotja, mhux li nħarsu lejn in-nies għal dak li nistgħu niksbu minnhom, il-gwadann għalina, imma li nagħtu ħajjitna u hemm insibu tassew il-milja ta’ ħajjitna.
Dan hu l-eżempju li tana Ġesù u t-tagħlim tiegħu li tant jgħodd għall-ħajja tagħna ta’ kuljum. Ħu, pereżempju, il-miżżewġin. Jekk int miżżewweġ, hemm differenza meta tgħix il-vokazzjoni taż-żwieġ bħala għotja: li int tħares lejn il-persuna l-oħra mhux għal dak li tista’ tikseb minnha jew taqdik, imma għal dak li tista’ tagħtiha. Hu proprju f’din l-għotja ta’ xulxin li s-Sagrament taż-Żwieġ isib l-isbaħ espressjoni ta’ kif tgħixu. Ħu, pereżempju, anke l-ħidma li aħna nagħmlu. Hemm differenza meta int taħdem biex sempliċiment tikseb jew tuża n-nies għall-iskop tiegħek, u min-naħa l-oħra, kif għallimna Ġesù, li int tagħti, tagħmel ħajtek għotja għan-nies u hemm issib is-sodisfazzjon: f’din l-għotja.
Dan jgħodd ħafna għal kull min hu dixxiplu ta’ Ġesù u speċjalment għalina ministri ta’ Alla. Aħna msejħin biex ħajjitna tkun bħal ta’ Ġesù – għotja. Nixtieq hawnhekk insemmi lid-diversi saċerdoti u reliġjużi li hekk jgħixuha ħajjithom; li ħajjithom jgħixuha bħala għotja sħiħa. Biex insemmi eżempji, fl-isptarijiet tagħna, fil-ħabs, fid-djar fejn hemm ir-residenti, fil-komunitajiet tagħna – kemm hemm persuni li qed jagħtu ħajjithom u qed jagħmlu dan fis-skiet u fil-kwiet! Mhux quddiem il-media – jew is-social media, imma fis-skiet u fil-kwiet bħalma wriena Ġesù. Hemm anke każijiet erojċi li rajna barra: ta’ saċerdoti u reliġjużi li huma u jaqdu l-missjoni tagħhom, huma u jgħixu l-vokazzjoni bħala għotja, spiċċaw mietu minħabba f’hekk. Mietu mhux għax kien kastig, imma għax għamlu minn ħajjithom don għall-oħrajn fuq l-eżempju tal-Iben ta’ Alla.
Ejjew nitolbuh, ispirati mill-kelma tiegħu, li ħajjitna ngħixuha bħala għotja ġeneruża, mimlija mħabba, kif għallimna Ġesù. Speċjalment nitolbu biex aħna, il-ministri ta’ Alla, inkunu nixbhu tassew lil dan ir-ragħaj it-tajjeb li “jagħti ħajtu għan-ngħaġ tiegħu”.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju