• ****

    Direttur:               Stuart Hazeldine

    Atturi:                   Sam Worthington, Octavia Spencer, Avraham Aviv Alush, Radha Mitchell, Alice Braga, Graham Green u Tim McGraw

    Ħin tal-Film:        132 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:    12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:          12

    Mackenzie (“Mack”) Philips meta kien għadu tifel, soffra ħafna abbużi fiżikament u emozzjonali f’idejn missieru li kien alkoħoliku. Kien ukoll xhieda tal-abbużi li ommu kienet issofri  minn żewġha. B’xorti tajba, meta kiber, iżżewweġ lil Nan u rabbew familja ħelwa ta’ tliet itfal: Kate, Josh u Missy. Sfortunatament, il-ħajja ta’ Mack tfarrket għal kollox meta waqt vaganza mal-familja, Missy tinħataf minn persuna hekk kif f’inċident fuq l-għadira, Kate u Josh jinqalbu minn fuq kenura. Mack biex isalva lill-uliedu, ħalla lil Missy waħedha, riżultat li nħatfet u nqatlet waqt il-konfużjoni li nqalgħet.  Fit-tfittxija tinstab, ġewwa kabina vojta u abbandunata fil-bosk, il-libsa li kienet liebsa Missy. Kate tħoss li hi kienet il-kawża ta’ din it-traġedja għaliex kienet hi li kkawżat l-inċident.

    Din it-traġedja daħlet lil Mack fi kriżi ta’ fidi, għaliex ma setgħax jifħem kif Alla jippermetti dan. Jgħaddu ftit tax-xhur. Waqt li Mack kien qiegħed jiknes il-borra, jinnota li fil-kaxxa tal-ittri kien hemm ittra bla bolla u ttajpjata u ffirmata “Papa”,  kif fil-fatt Nan, martu u Missy, it-tifla ż-żgħira kienu jsejjħu lil Alla. Il-messaġġ kien qieghed jistieden lil Mack biex jiltaqa’ mal-“Papa” ġewwa l-kabina fil-bosk fejn instabet il-libsa ta’ Missy. Mack ħaseb li din kienet sejra tkun opportunità li forsi jiltaqa’ mal-persuna li ħatfet lill-bintu. Kienet sejra tkun opportunità li Mack jwettaq vendetta minn dik  il-persuna li farrkitru ħajtu. Mack imur fuq il-post iżda l-kabina kienet abbandunata għal kollox u vojta. Frustrat li Mack ma sab lil ħadd, hekk kif kien sejjer joqtol lilu nnifsu, f’daqqa waħda jidħru tliet persuni misterjużi li jistiednuh biex imur magħhom f’darhom li ma kienitx wisq il-bogħod, iżda li fejn kienet id-dar ma jidħirx li kienet tinsab fi żmien xitwi. Min kienu dawn it-tliet persuni u x’kienet il-missjoni tagħhom biex stiednu lil Mack jaċċetta l-istedina tagħhom?

    Film psikoloġiku u drammatiku Amerikan, hu taħt id-direzzjoni ta’ Stuart Hazeldine, kitba ta’ John Fusco. Il-Film hu msejjes fuq in-novella bl-istess isem ta’ William Paul Young. Minħabba xi xeni ta’ vjolenza domestika u t-tema tal-film,  jkun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax -il sena.