L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Fil-festa tal-Qalb ta’ Ġesù din is-sena, il-qari li għadna kemm smajna, jistedinna biex inħarsu lejn Ġesù mimli ħniena bħala r-Ragħaj it-tajjeb li jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu, li jmur ifittex lil kull wieħed u waħda minna fit-toroq tal-ħajja.

Kultant ngħidu: imma aħna mhux ilkoll għandna bżonn il-ħniena tiegħu? U hekk hu. U forsi diffiċli ngħoddu lilna nfusna ma’ dawk id-99 li m’għandhomx bżonn indiema. Aħna lkoll kulħadd fl-istat tiegħu, kulħadd fiċ-ċirkustanzi tiegħu, bid-debolizzi tagħna, bid-dnubiet tagħna għandna bżonn li l-Mulej ifittixna, jilqagħna, jgħannaqna bit-tgħanniqa tal-ħniena u jistedinna għall-indiema.

Ejjew nitolbu biex inkomplu nersqu lejn is-sagrament tal-ħniena tiegħu, lejn is-sagrament tal-qrar li mhux biss hu s-sagrament tal-verità imma hu skola ta’ umiltà, skola ta’ mħabba. U nitolbu ħafna għas-saċerdoti – għalina, biex inkunu ministri qaddejja ta’ din l-imħabba. Il-Papa Franġiksu tant jinsisti magħna s-saċerdoti li għandna nilqgħu b’umiltà u bi mħabba kbira lil kull min jersaq lejn is-sagrament tal-qrar – għamel x’għamel, għamlet x’għamlet. Il-persuna għandha dritt tiltaqa’ mal-Mulej li jgħannaqha miegħu, iħaddanha miegħu, jagħtiha l-bewsa tal-paċi, it-tgħanniqa tal-ħniena.

Ejjew nitolbu wkoll biex ikollna l-vokazzjonijiet. Nixtieq ħafna, għażiż kappillan tal-parroċċa ta’ Ħal Lija li tant għandha tradizzjoni għażiża u sabiħa ta’ devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù, toffri dak kollu li jsir ad unur u glorja tal-Qalb ta’ Ġesù bħala talba għall-vokazzjonijiet. Kont qed inkellem grupp ta’ saċerdoti m’ilux u wieħed minnhom għaref, qalli: Dun, nitolbu għat-tfal, biex il-familji jkollhom it-tfal. Għax il-Mulej minn fejn se jagħżel jekk ma jkunx hemm it-tfal li jikbru u jsiru ġuvintur u tfajliet? Mill-ġebel? Għalhekk it-talba għall-vokazzjonijiet tkun ukoll talba għall-familji Nsara, kemm għas-saċerdozju, kif ukoll għas-sagrament taż-żwieġ, mill-familji tagħna. Dawn huma żewġ sagramenti li jibnu l-komunità: is-sagrament taż-żwieġ u s-sagrament tal-Ordni: tad-djakonat, tal-presbiterat jew is-saċerdozju, u tal-episkopat. Huma sagramenti li l-Mulej jużahom biex jibni l-komunità tiegħu.

Il-Papa Franġiksu tant jinsisti magħna s-saċerdoti li għandna nilqgħu b’umiltà u bi mħabba kbira lil kull min jersaq lejn is-sagrament tal-qrar

Aħna naduraw il-misteru kbir tal-imħabba ta’ Ġesù propju fil-preżenza ħajja tiegħu tal-Ewkaristija. Min hu interessat ikabbar id-dinjità ta’ din il-parroċċa anke bil-manifestazzjonijiet esterni, li mhumiex ħżiena, ikompli jinvesti bħalma għamlu missirijietna fil-festa tal-Qalb ta’ Ġesù. Is-Salvatur jieħu ħsieb tiegħu nnifsu. Aħna fis-6 ta’ Awwissu m’aħniex se nonqsuh imma din il-festa tal-Qalb ta’ Ġesù li hi tant ta’ glorja.

Illum niftakru fit-tabib Zammit. Tal-ġenerazzjoni tagħna ma lħaqniehx. Ilbieraħ kont iċ-ċimiterju tal-parroċċa ta’ Ħal Lija biex nagħmlu quddies għall-missirijiet mejtin tagħna u waqaft nitlob ukoll fuq il-qabar tat-tabib Zammit u familtu, li qiegħed wara l-kappella. Dak kien benefattur kbir tal-festa tal-Qalb ta’ Ġesù u niftakarhom jgħidu li t-tabib Zammit kien personalment imur bieb bieb jitlob xi ħaġa żgħira biex isir il-baldakkin, biex isir l-armar għall-festa tal-Qalb ta’ Ġesù.

Nixtieq nirringrazzja lil poplu ta’ Ħal Lija li din it-tradizzjoni żammha. Jalla jibqa’ hekk u ma nivvintawx affarijiet oħra għax l-għaġina hemm limitu kemm tista’ ġġebbidha. L-istess l-għaġna tagħna, inġebbduha tajjeb, imma m’hemmx għalfejn tispiċċa biċċiet. U hekk ukoll aħna, ma nivvintawx affarijiet ġodda, nikkonċentraw fuq li għandna u nagħmluh sew.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Eżek 34:11-16
Salm: 22 (23):1-3a,3b-4,5,6
L-Evanġelju: Lq 15:3-7