L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Id-domanda li għamel l-għaref fil-Liġi lil Ġesù – “U l-proxxmu tiegħi min hu?” (Lq 10:29) – tidher domanda mill-iktar naturali. Meta Ġesù spjega liema hu l-aqwa kmandament fil-liġi, u qal “Int għandek tħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha u b’moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek” (Lq 10:27), tiġi waħedha din id-domanda, anke jekk l-Evanġelju jgħid li dan għamilha “biex juri li kellu raġun” (Lq 10:29).
Imma hu interessanti kif Ġesù, fl-aħħar tal-Evanġelju, ibiddel id-domanda. Filwaqt li dan staqsa lil Ġesù “il-proxxmu tiegħi min hu?”, Ġesù jurih kif għandu jagħmel domanda differenti lilu nnifsu. Mhux “il-proxxmu tiegħi min hu?”, imma: jien kif se nkun proxxmu għall-oħrajn? Fil-fatt, għalhekk qallu: “Minn dawn it-tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu ta’ proxxmu ma’ dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin?” (Lq 10:36)
Tgħiduli: x’differenza hemm? Hi kbira d-differenza! Għaliex meta l-mistoqsija kienet “min hu l-proxxmu tiegħi?”, diversi nies dak iż-żmien kienu jgħidu: il-proxxmu hu min jemmen bħalek, min hu tal-istess razza tiegħek, min hu Lhudi bħalek, min għandu l-istess konvinzjonijiet tiegħek – dak hu l-proxxmu tiegħek. Mentri Ġesù qed jgħid li aħna, meta nħarsu lejn l-oħrajn, ma għandniex nifirduhom: min hu proxxmu u min mhuwiex, jew hu inqas proxxmu. U nagħmlu dan jekk, flok ngħidu min hu jew min mhuwiex, ngħidu: jien kif se nġib ruħi ta’ proxxmu ma’ ħaddieħor, hu min hu, hi min hi?
Fil-fatt, hu għalhekk li Ġesù juri, permezz ta’ din il-parabbola sabiħa tas-Samaritan it-Tajjeb, kif aħna nkunu proxxmu għall-oħrajn. Hawn isemmi kif kienu tlieta min-nies, tnejn raw lil dak nofsu mejjet fit-triq u baqgħu għaddejjin, u dan is-samaritan, li ma kienx tal-istess razza bħal dak li spiċċa nofsu mejjet, l-Evanġelju jgħid li mhux biss waqaf imma “wasal ħdejh, rah u tħassru. Resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi…imbagħad tellgħu fuq il-bhima tiegħu, wasslu f’lukanda, u ħa ħsiebu” (Lq 10:34) – sal-aħħar. Jiġifieri, das-samaritan kien lest li joħroġ ’il barra minn triqtu, li jibdel il-pjanijiet tiegħu, u li juża dak li għandu biex jgħin lil dak li kien fil-bżonn – biex ikun proxxmu għal dan li spiċċa hemmhekk nofsu mejjet.
Ġesù jrid jagħti din it-tagħlima lid-dixxipli tiegħu u lilna: li l-imħabba tagħna għandha tmexxina biex nieqfu ma’ dawk li huma fil-bżonn, biex inkunu proxxmu għall-oħrajn, huma min huma. Jekk xi ħadd għaddej minn tbatija, aħna għandna nfittxu li nieqfu miegħu jew magħha. Jekk xi ħadd narawh fil-bżonn, għandna naraw kif nagħmlu biex ngħinu lil min hu fil-bżonn. Ġesù qed isemmi hawnhekk ċirkustanzi partikulari – jekk tkun bħal tas-Samaritan it-Tajjeb, tista’ tiġri darba kultant, li tara xi ħadd li verament fil-bżonn, ġralu xi ħaġa, u tgħinu. Imma li qed jgħid Ġesù hu kemm hu importanti li aħna jkollna din l-attitudni li nkunu aħna proxxmu għal ħaddieħor dejjem. Nagħmlu dan anke fl-affarijiet żgħar, ordinarji, ta’ kuljum – per eżempju, b’kelma li nistgħu ngħidu ta’ ġid; bniedem li forsi qed jaqta’ qalbu, ninkoraġġuh; kultant bi tbissima nistgħu wkoll inkunu ta’ għajnuna għal min għaddej minn żmien diffiċli; jew bil-preżenza tagħna ħdejn xi ħadd li hu marid jew marida. Araw kemm nistgħu ngħixu tassew din l-imħabba f’okkażjonijiet żgħar, ordinarji, ta’ kuljum, imma li jagħmlu d-differenza kollha. Hu b’dal-mod li aħna nkunu qed ngħixu tassew dan l-ispirtu li jsemmi Ġesù llum fil-parabbola; li nkunu proxxmu għal ħaddieħor.
Nitolbu llum lill-Mulej il-grazzja li aħna ngħożżu tassew dan l-ewwel kmandament, jiġifieri li lilu nħobbuh b’qalbna kollha, b’ruħna kollha, bil-qawwa tagħna kollha u b’moħħna kollu, bis-sħiħ, u li l-imħabba lejh tmexxina biex inkunu proxxmu għal dawk kollha li huma fil-bżonn.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta