It-Tlieta, 5 ta’ Lulju 2016, fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana, ġie ppreżentat uffiċjalment il-ktieb tal-Arċisqof Charles J. Scicluna, ‘Kelma ta’ Ħabib’. Il-ktieb jinkludi l-messaġġi u l-omeliji ta’ Mons. Scicluna, mill-bidu tal-ħatra tiegħu bħala Amministratur Appostoliku fit-18 ta’ Novembru 2014, sal-festa liturġika ta’ Kristu Re fit-22 ta’ Novembru 2015. Il-ktieb jinkludi wkoll numru ta’ QR (Quick Response) codes, fejn bl-użu tal-
ismartphone l-qarrej ikun jista’ jiskanja l-
barcode, li jieħdu direttament għall-filmat tal-omelija fuq il-
Youtube Channel tal-Knisja f’Malta.
Il-preżentazzjoni tal-ktieb saret mill-Kap tal-Media tal-Kurja, Kevin Papagiorcopulo, fil-preżenza taċ-Chairman tal-APS Bank, il-Prof. Emanuel P. Delia, is-Segretarju Amministrattiv tal-Kurja, Michael Pace Ross, iċ-Chairman tal-Media Centre, Fr Stefan Bonanno, Alan Bonello (typesetter), Sr Stephanie Grech O.P., li għamlet it-traskrizzjonijiet tal-omeliji kollha ta’ Mons. Arċisqof, u l-istaff tal-Uffiċċju Komunikazzjoni, Stephen Deguara u Liam Farrugia.
Kevin Papagiorcopulo stqarr li kien ta’ privileġġ għalih u għall-kollegi tiegħu li jaħdmu fuq dan il-ktieb, u awgura li l-ġid li l-Arċisqof iwassal permezz tal-kelma tiegħu, jasal għand ħafna nies. Is-Sur Papagiorcopulo rringrazzja lill-Arċisqof għall-istedina li huwa jagħmel lill-poplu ta’ Alla u lil kull bniedem ta’ rieda tajba, biex jiskopri ‘il-ferħ tal-Evanġelju’ u t-tagħlim tal-Knisja permezz tal-messaġġi u l-omeliji tiegħu li issa ġew ppublikati għall-ewwel darba. Huwa rringrazzja wkoll lil kull min ta’ sehem fil-produzzjoni ta’ dan il-ktieb, fosthom lil Fr Joe Borg, Mons. Lawrence Cachia, Fr Michael Bugeja u George Baldacchino.
Il-Prof. Delia qal li huwa kburi li l-APS Bank qed jikkontribwixxi u jiffaċilita’ il-proċess biex il-kelma tal-Arċisqof tasal għand il-poplu permezz ta’ dan il-ktieb.
Il-ktieb ‘Kelma ta’ Ħabib’ jista’ jinxtara mill-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana, għall-prezz ta’ 20 Ewro. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel waqt il-ħinijiet tal-uffiċċju fuq 21241281, jew billi jibgħat email fuq
[email protected]. Il-ktieb ġie sponsorjat mill-APS Bank.
Watch the Book Presentation on YouTube