L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Mulej, għallimna nitolbu” (Lq 11:1). Din hi x-xewqa li wera wieħed mid-dixxipli lil Ġesù. Qallu hekk minħabba li d-dixxipli kienu rawh jitlob, u ndunaw li fil-ħajja ta’ Ġesù t-talb kien daqshekk importanti. Kienu raw il-mirakli li kien għamel, semgħu l-kliem tiegħu ta’ għerf, imma għarfu li fil-qalba ta’ dan kollu kien hemm it-talb – Ġesù kien jagħmel ħin twil fis-skiet jitlob. U għalhekk għamlulu din it-talba: riduh jgħallimhom jitolbu. 

Ir-risposta ta’ Ġesù hi r-risposta li tgħodd għad-dixxipli ta’ dak iż-żmien, imma tgħodd ħafna wkoll għalina llum. Fil-fatt, Ġesù jgħid it-talba tal-Missierna, li f’San Luqa llum qiegħda fil-verżjoni qasira tagħha. Hi talba li aħna nafuha, kif inhi, bħala t-talba li għallimna Ġesù. Mhijiex biss talba li ngħożżuha għax għallimielna Ġesù, imma wkoll għax fiha hemm miġbur l-essenzjal tat-talb kollu li nistgħu nagħmlu. 

Ulied jitkellmu mal-Missier

Turina, qabel xejn, li fit-talba nitkellmu ma’ Alla “Missier” (Lq 11:2) – aħna wlied tal-istess Missierna. Fit-talba nitkellmu ma’ Missierna li jħobbna, li jagħti każna, li jieħu ħsiebna, li mhuwiex indifferenti għal ħtiġijiet tagħna. Hemm din ir-relazzjoni ta’ mħabba vera. Hija talba li turina wkoll kif għandna nitolbu dejjem, minn fejn għandna nibdew fit-talb tagħna – nibdew billi ħarsitna tkun fuq Alla, imbagħad fit-tieni parti fuq il-ħtiġijiet tagħna, fuq dak li aħna rridu għalina.

Wara li nsejħulu Missier, ngħidu: “jitqaddes ismek”. Kemm hi importanti din, li fuq fommna jkun hemm dejjem dan il-kliem ta’ tifħir lill-isem imqaddes ta’ Alla! Speċjalment meta nagħrfu kemm hu mkasbar l-isem ta’ Alla fis-soċjetà Maltija, kemm kultant jissemma fix-xejn jew b’insult. Għalhekk, hu sabiħ ħafna li fuq fommna u f’qalbna jkollna dan it-tifħir – “jitqaddes ismek”. Imbagħad nitolbu “tiġi saltnatek”, biex aħna nuru lill-Missier li rridu tassew niftħu qalbna għalih u nagħmlu r-rieda tiegħu, ħalli hu jsaltan fi qlubna u f’ħajjitna.

Wara nuruh il-ħtiġijiet tagħna: il-ħobża ta’ kuljum li neħtieġu; il-maħfra ta’ dnubietna, u nitolbuh dil-maħfra fl-istess waqt li nieħdu impenn li naħfru lil min hu ħati għalina, kif kemm-il darba nsista Ġesù; u nitolbuh jipproteġina mid-deni, minn dak li hu ħażin.

Ma naqtgħux qalbna

Għalhekk dit-talba tiġbor fiha t-talbiet l-iktar importanti li nistgħu nagħmlu. Imbagħad Ġesù jżid ukoll xi ħaġa li jridna niftakru. Jgħid li aħna għandna nibqgħu dejjem nitolbu, li nkunu persistenti – u għalhekk jgħid il-parabbola ta’ dak li mar għand ħabib tiegħu bil-lejl jitolbu b’insistenza biex jagħtih xi ħaġa tal-ikel. Ma għandniex naqtgħu qalbna fit-talb – anke meta ma narawx riżultat għat-talb tagħna.

Imbagħad Ġesù jsemmi l-frott tat-talb u jgħid: “kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!” (Lq 11:13) L-ikbar frott tat-talb hu proprju dan l-ispirtu qaddis li Alla jagħtina. Bit-talb, aħna niftħu spazju biex Alla jista’ jidħol u jagħti lilna dak li hu ta’ ġid għalina. It-talb, meta magħmul tassew f’dir-relazzjoni ta’ mħabba, iġib bidla fina. 

Ħafna drabi, fit-talb tagħna, aħna ngħidu dak li aħna nixtiequ, li nħossu li hu meħtieġ. Imma Alla jagħtina dak li hu ta’ ġid għalina, bħalma omm u missier lil uliedhom ma jagħtuhomx bilfors kulma jitolbuhom, kulma jsemmulhom li jixtiequ, imma jfittxu li jagħtuhom dak li hu tassew ta’ ġid għalihom. Għalhekk Ġesù jgħid li aħna għandna jkollna din il-fiduċja f’Alla li jagħtina dak li hu ta’ ġid għalina.

Hu jgħid: “Min hu dak il-missier fostkom li, jekk ibnu jitolbu ħuta, minflok ħuta jagħtih serp? Inkella jekk jitolbu bajda, jagħtih skorpun?” (Lq 11:11-12) Mhux se jagħtih dak li hu ħażin. Jekk jitolbu ħuta, u tkun ta’ ġid, il-missier jagħtihielu. Imma jista’ jiġri wkoll li ibnu jitolbu serp, u mhux se jagħtih serp jekk jagħraf li dan jagħmillu l-ħsara. Hekk Alla jimxi magħna. Mhux se jagħtina dak li hu ta’ ħsara għalina.

Il-quddiesa: espressjoni tat-talba tal-Missierna

Tajjeb ninnutaw li t-talba tal-Missierna ngħiduha dejjem flimkien waqt il-quddiesa, ftit qabel ma nirċievu lil Ġesù fl-Ewkaristija. Imma mhijiex biss waħda mit-talbiet li ngħidu tul il-quddiesa, għax il-quddiesa nnifisha hija espressjoni ta’ dak kollu li Ġesù għallimna f’din it-talba. 

Il-quddiesa hija l-isbaħ u l-aqwa esperjenza tal-ħajja Nisranija tagħna, għax ikollna l-preżenza rejali ta’ Ġesù fostna u nistgħu nirċevuh fina. Għalhekk il-quddiesa tal-Ħadd ma għandna nitilfuha qatt, inkunu fejn inkunu, u nagħmlu ħilitna biex tassew tkun hi ċ-ċentru tal-ħajja tagħna. Fil-quddiesa aħna nkunu nistgħu nagħrfu aktar u aktar, u ngħixu, dak li Ġesù għallimna llum fuq kif għandu jkun it-talb tagħna.

F’din il-quddiesa, nitolbu lill-Mulej biex jagħtina tassew dak li talbuh id-dixxipli: li jgħallimna nitolbu, li t-talb ikun din ir-relazzjoni sabiħa miegħu, biex qalbna tkun miftuħa għalih u jimlihielna kontinwament bl-imħabba u l-paċi tiegħu.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta