L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Il-foqra dejjem issibuhom magħkom” (Ġw12:8). Dan hu l-kliem li Ġesù jgħid lil Ġuda l-Iskarjota fl-Evanġelju llum, meta dan għamel ilment għaliex Marija użat fwieħa tan-nard pur tiswa ħafna. U Ġuda qal li jkun aħjar li kieku din il-fwieħa, flok tużaha hemm, tinbiegħ tliet mitt dinar, u jkunu jistgħu jgħinu lill-foqra.
Meta naqraw dan, żgur li f’moħħna jiġi l-ħsieb: minn kulħadd, Ġuda jitkellem? Hu jitkellem fuq l-għajnuna lill-foqra? Dan huwa dak li kien se jittradih lil Ġesù għal tletin biċċa tal-fidda, u mhux biex dawn jingħataw lill-foqra! Kif jitkellem fuq l-għajnuna lill-foqra? L-Evanġelista San Ġwann juża kliem iebes ukoll. Jgħid: dan kien ħalliel; kien “jisraq kulma kienu jaqilgħu” (Ġw 12:6) d-dixxipli; dak li suppost imur għad-dixxipli, jieħdu hu. Għalhekk San Ġwann ried juri l-ipokresija ta’ dak li qal Ġuda. U aħna nafu li l-istorja tirrepeti ruħha – mhux kull min jitkellem fuq foqra u għajnuna lil dawk fil-bżonn verament jgħinhom; hawn min jistagħna minn fuq daharhom, filwaqt li jsemmihom!
Imma nixtieq li naħsbu ftit fuq dak li qal Ġesù: “il-foqra dejjem issibuhom magħkom”. Hawnhekk Ġesù li jgħid mhux biex b’xi mod lill-foqra jbaxxihom, jew jgħid “xi mument aħsbu fihom, ladarba qegħdin dejjem hawn”. Imma qed juża l-istess kliem li kienu jafu l-Lhud mill-ktieb tad-Dewteronomju, li jgħid hekk: “Jekk ikun hemm xi ħadd fil-bżonn fost ħutek f’xi waħda minn bliet artek…la twebbisx qalbek u tagħlaqx idek għal ħuk fil-bżonn. Imma iftaħ idek miegħu…Int għandek tagħtih, u la ssewwidx qalbek meta tagħtih, għaliex minħabba f’dan ibierkek il-Mulej, Alla tiegħek, f’kulma tmidd idek għalih. Għax qatt ma jonqos xi ħadd fil-bżonn fil-pajjiż” (Dewt 15:7-8.10-11). Innutaw kif huwa l-kliem li jgħid Ġesù – hu jgħid “il-foqra ssibuhom dejjem magħkom”, u l-Ktieb tad-Dewteronomju jgħid lil-Lhud: “qatt ma jonqos xi ħadd fil-bżonn fil-pajjiż”.
Għalhekk, li qed jgħid illum l-Evanġelju lilna hu l-ewwel nett biex aħna nħarsu lejn Marija, il-ġest sabiħ tagħha, u fih naraw l-imħabba kbira u ġeneruża lejn il-Mulej. Imma mbagħad irridu niftakru li hija din l-imħabba kbira lejn il-Mulej li lilna għandha twassalna biex ngħinu wkoll li dawk li huma foqra. Dawn imorru flimkien.
Ġesù stess kien li għaqqad iż-żewġ kmandamenti flimkien, tal-imħabba lejn Alla u lejn l-oħrajn. Imma nafu wkoll x’qal Ġesù meta semma l-opri tal-ħniena, meta kien qalilna: “kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40).
Kemm ikun sabiħ li fil-ħajja tagħna jkollna l-imħabba kbira li kellha Marija lejn Ġesù: imħabba sħiħa, ġeneruża, li lilna mbagħad timbuttana biex aħna ngħinu lil dawk li huma fil-bżonn. Għax niftakru li dawn dejjem imorru flimkien: l-imħabba lejn Alla li nuruha fil-kliem tagħna, fit-talb tagħna, imma anke fl-għażliet tal-ħajja tagħna, u wkoll l-imħabba lejn l-oħrajn, speċjalment lejn dawk li huma fil-bżonn.
Nitolbu lill-Mulej illum biex jagħtina qalb mimlija mħabba bħalma kellha Marija; u li meta aħna niftakru f’dan il-ġest tagħha sabiħ li dilket riġlejn Ġesù bil-fwieħa tan-nard pur, niftakru wkoll li hu b’dak il-mod li nħobbu lil Alla meta ngħinu lil dawk li huma bil-bżonn u lill-foqra bi spirtu ta’ viċinanza, ta’ kompassjoni u ta’ tenerezza. Bħalma Marija għamlet ma’ Ġesù, hekk nagħmlu aħna ma’ dawk li huma fil-bżonn.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta