Nhar il-Ħamis 20 ta’ Settembru 2012, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. inawgura s-Sena Pastorali 2012-2013 tal-Moviment ta’ Kana, fiċ-Ċentru ĊAK, B’Kara. Il-programm tal-ftuħ kien jinkludi introduzzjoni mid-Direttur tal-Moviment ta’ Kana, Fr Joe Mizzi; id-diskors ta’ Fr Joe Galea Curmi, u wara xi interventi min-nies preżenti fuq is-suġġett; u għeluq mill-Arċisqof Pawlu Cremona O.P.
Hawn taħt qiegħdin ninkludu d-diskors sħiħ li għamel Fr Joe Galea Curmi fil-ftuħ tas-Sena Pastorali tal-Moviment ta’ Kana.
.
QUDDIEM L-ISFIDI PASTORALI GĦALL-KNISJA FI ŻMINIJIETNA
Ir-riflessjoni tiegħi llum hi ffukata fuq x’attitudnijiet għandu jkollna quddiem l-isfidi pastorali ta’ żminijietna – attitudnijiet kemm bħala Knisja f’Malta, kif ukoll individwalment bħala operaturi pastorali fil-qasam tal-familja.Se nsemmi erba’ attitudnijiet li nara li hemm bżonn ħafna llum biex jgħinuna naffaċċjaw b’għaqal l-isfidi pastorali ta’ żminijietna. Se nagħmel referenza b’mod partikulari għad-dokumenti tas-Sinodu Djoċesan (1999-2003), li huma dokumenti uffiċċjali tal-Knisja f’Malta u jfissru l-policy pastorali tagħha.
1. Inkunu sinjal ċar tal-imħabba ta’ Alla għall-bniedem.
2. Nirrikonoxxu r-realtà fis-soċjetà Maltija llum u nagħrfu s-sinjali ta’ tama.
3. Naħdmu bi spirtu ta’ djalogu.
4. Inwasslu l-Aħbar it-Tajba bħala aħbar ta’ liberazzjoni.
1. Inkunu sinjal ċar tal-imħabba ta’ Alla għall-bniedem.
Il-Papa Benedittu XVI f’Deus Caritas Est, jgħid: “Il-qofol tal-ħajja nisranija hija l-imħabba. 1 Ġw 4,16: “Alla hu mħabba, u min jgħammar fl-imħabba jgħammar f’Alla u Alla fih”. Jispjega: “Aħna emminna fl-imħabba ta’ Alla – hekk in-nisrani jista’ jistqarr l-għażla fundamentali ta’ ħajtu.” U jagħmel stqarrija importanti: “Bħala bidu għall-eżistenza nisranija m’hemmx xi deċiżjoni etika jew ideja għolja, iżda hemm il-laqgħa ma’ ġrajja, ma’ Persuna, li tagħti lill-ħajja orizzont ġdid u direzzjoni deċisiva. Fl-Evanġelju tiegħu, Ġwanni fisser dan l-avveniment b’dawn il-kelmiet: ‘Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.’ (3,6).”1
Bħala Knisja aħna lkoll imsejħin biex inkunu sinjal ċar ta’ din l-imħabba ta’ Alla, u biex inbiddlu d-dinja permezz tal-imħabba ta’ Alla.2 Żgur li dan aħna lkoll nafuh sew u nemmnuh. Imma rridu nistaqsu jekk hix din l-attitudni bażika li qed tasal għand in-nies meta jħarsu lejn il-Knisja, u lejn kull wieħed u waħda minna. Dak li nagħmlu, il-mod kif naħdmu, qed juri dan lin-nies ta’ żmienna?
Is-Sinodu Djoċsesan, fid-dokument Djakonija u Ġustizzja, jispjega: “Ġesu’ jurina li l-imħabba tagħna għandha tasal għand dawk li huma fil-bżonn tal-għajnuna, huma min huma (ara Lq 10,29-37), ukoll dawk li m’humiex ta’ ġewwa, anzi saħansitra għandha tasal sal-għedewwa tagħna u dawk li jagħmlulna l-ħsara (ara Mt 5,43-48). Huwa fuq il-kwalità ta’ l-imħabba tagħna għal dawk li huma fil-bżonn li huwa se jiġġudikana waqt li qalilna li lilu nsibuh u naqduh “fl-iżgħar wieħed minn dawn ħuti” (Mt 25,31-46).”3
Hi l-imħabba lejn kull bniedem għax kull bniedem għażiż. Ma’ ċerti nies sa hawn se naslu. Hemm nies li ftit li xejn se jifhmu minn dak li ngħidu u nispjegaw fuq tagħlim. Imma jekk għallanqas jifhmu b’qalbhom li l-Knisja tħobbhom u tixtieq twasslilhom l-imħabba ta’ Alla, ġa esperjenza sabiħa. Inkunu morna fil-qalba.
Din l-imħabba trid tiġi fil-bidu ta’ kull azzjoni tagħna. Hi l-imħabba li ma tiġġudikax lill-persuna jew tikkundannaha, imma li tifdi u ssalva. Kif Ġesu’ qal lil Nikodemu: “Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jikkundanna d-dinja, imma biex bih hija ssalva” (Ġw 3,7). Hemm ħafna feriti u uġigħ fil-familji, u bl-imħabba tagħna nistgħu nkunu strumenti ta’ fejqan u salvazzjoni.
L-imħabba, fil-prattika, tfisser sensitività fi kliemna, attenzjoni biex ma nweġġgħux u ma nurtawx lin-nies. Tfisser appoġġ fit-tbatijiet tagħhom, ħerqa biex ngħinuhom isibu s-sens tal-ħajja, biex nagħtu xhieda tal-verità li għarafna, għax l-imħabba “għandha tinftiehem, tingħata valur u tingħax fid-dawl tal-verità.”4
Fil-qalba tal-identità tagħna bħala Knisja, hemm din l-imħabba. L-imħabba safja u ġeneruża hi l-aqwa xhieda ta’ Alla li fih nemmnu u li minnu aħna nitqanqlu għall-imħabba.5 Fi kliem il-Karinal Carlo Maria Martini fl-aħħar intervista tiegħu,6 hi din l-imħabba li tgħinna negħlbu l-isfiduċja u l-għeja.
2. Nirrikonoxxu r-realtà fis-soċjetà Maltija llum u nagħrfu s-sinjali ta’ tama.
L-attitudni tagħna trid tkun waħda ta’ realiżmu qawwi, fejn naraw dak li qed jiġri, il-bidliet li qed iseħħu, fil-komplessità tagħhom, u fejn nagħrfu wkoll is-sinjali ta’ tama.
Ġwanni Pawlu II fl-Enċiklika Redemptor Hominis, filwaqt li jenfasizza li l-bniedem hu t-triq għall-Knisja għax bl-inkarnazzjoni tiegħu, Kristu b’xi mod ingħaqad ma’ kull bniedem, 7 jispjega: “Għalhekk billi l-bniedem hu t-triq għall-Knisja, it-triq għall-ħajja tagħha ta’ kuljum, għall-esperjenzi tagħha, għall-missjoni u t-tbatija tagħha, jeħtieġ li l-Knisja ta’ llum tagħraf b’mod dejjem ġdid is-‘sitwazzjoni’ tal-bniedem”.8
Is-Sinodu, fid-dokument Viżjoni ta’ Knisja Komunjoni, juri kif il-Knisja f’Malta trid tħares lejn ir-realtà: “Aħna ma nħarsux lejn il-bidliet li minnhom għaddejja s-soċjetà Maltija bil-biża’ u bit-tregħid. Ma narawx f’dan it-tibdil theddida. Pjuttost naraw sfida u opportunità ġdida. Għalhekk aħna nirreżistu t-tentazzjoni li lill-Knisja nirriduċuha f’fortizza fejn nistkennu mill-assalt tal-Ħażin, u nemmnu li l-Knisja f’pajjiżna għandha kontribut pożittiv u importanti ħafna x’tagħti fit-tiswir tal-ġejjieni tas-soċjetà f’pajjiżna.”9
Hemm ideja mifruxa fost ħafna li mill-Knisja wieħed jistenna biss kelma ta’ ċanfira, twiddiba, ilment fuq dak li sejjer ħażin. Dan kultant jinfluwenza u forsi anke jikkundizzjona l-mod kif aħna nitkellmu. Ġieli nwieġbu għal din l-aspettattiva billi nagħfsu fuq dak li hu negattiv. Imma l-Knisja, min-natura tagħha, hi ċelebrazzjoni ta’ dak kollu li hu pożittiv, dak li lill-bniedem jagħmillu ħajja aktar umana, u dan jiġi l-ewwel.
Dan ma jfissirx li b’xi mod nagħlqu għajnejna quddiem il-problemi u d-diffikultajiet jew inċekknu s-serjetà tagħhom. Imma jfisser li naħdmu biex nibdlu dawn f’opportunitajiet biex nagħmlu l-ġid, u nagħfsu fuq eżempji ta’ good practice jew best practice. Fil-kuntest tan-negattiv li nisimgħu kuljum, m’għandniex inkunu aħna li nżidu ma’ dan, li ngħabbu lin-nies b’iktar esperjenzi negattivi milli diġà jkollhom, imma nkunu nies li niżirgħu t-tama u nfittxu u niskopru sinjali ta’ tama li jeżistu fis-soċjetà Maltija llum, u nuru dawn.
Huwa dan li l-Kardinal Martini enfasizza: il-bżonn li taħt l-irmied nerġgħu niskopru l-ġamra taqbad, u nħeġġu din il-ġamra.10
Ukoll fl-istess esperjenzi negattivi, għandna nfittxu dak li jista’ jkun żerriegħa ta’ tama. Kif kien spjega Ġwanni Pawlu II fl-Eżortazzjoni Appostolika Pastores Dabo Vobis, meta jitkellem fuq fatturi negattivi “…m’għandhomx jiġu mwarrba kollha f’daqqa bla ebda għażla bejniethom, għaliex f’kull fattur negattiv jista’ jkun hemm moħbi valur li jistenna li jiġi meħlus u jerġa’ jikseb il-verita’ sħiħa tiegħu.”11
3. Naħdmu bi spirtu ta’ djalogu
Pawlu VI, fl-Enċiklika tiegħu Ecclesiam Suam,12 isemmi tliet attitudnijiet possibbli fir-relazzjoni bejn il-Knisja u d-dinja: (i) oppożizzjoni, fejn il-Knisja tħares lejn id-dinja bħala forza ta’ theddid, u għalhekk jew tagħżel li taħrab mid-dinja jew li tissielet mad-dinja bħala avversarja; (ii) dominazzjoni, fejn tħares lejn id-dinja bħala dik li trid tirbaħha, tiddominaha; u (iii) djalogu, fejn il-Knisja tagħraf tibni relazzjoni reċiproka mad-dinja. L-għażla li għamel Pawlu VI kienet dik ta’ djalogu, u kienet din l-għażla li għamlet ukoll il-Knisja fil-Konċilju Vatikan II.
U l-istess għażla enfasizza s-Sinodu Djoċesan ta’ Malta. Fid-dokument Viżjoni ta’ Knisja Komunjoni, naqraw b’referenza għall-bidliet li qed iseħħu fis-soċjetà Maltija: “Quddiem din ir-realtà, għandna nwieġbu bi strateġija ta’ djalogu u mhux b’mentalità ta’ assedju jew mentalità awtoritarja. Knisja kuraġġuża hija Knisja li taf tisma’ bis-serjetà u taf tiddjaloga.”13
Id-djalogu jfisser li qabel nitkellmu, nisimgħu. Il-Konċilju Vatikan II, f’Gaudium et Spes, wera kif Knisja li tisma’ hi Knisja li titgħallem. Għandna ħafna minn xiex nitgħallmu.
Is-Sinodu, fid-dokument Viżjoni ta’ Knisja Komunjoni, juri kif il-Knisja titgħallem: “…il-Knisja tista’ titgħallem mill-umanità u mill-esperjenza tagħha dwar dawk li huma t-tamiet u x-xewqat, il-ħtiġijiet u l-uġigħ tagħha, kif ukoll titgħallem mill-bnedmin dwar il-mezzi umani l-aktar adatti biex twassal l-Aħbar it-Tajba. Aħna, il-membri tagħha, għandna ħafna x’nitgħallmu kemm mingħand xulxin, kif ukoll mingħand bnedmin oħra li jħaddnu saħansitra twemmin ieħor.”14
Iktar ma nisimgħu u nitgħallmu, iktar hemm ċans li meta nitkellmu jirnexxielna noħolqu kuntatt.
Djalogu jfisser ukoll li nitkellmu – inkella jkun monologu – imma li nitkellmu b’mod li nfissru ruħna u li nagħtu sehemna f’ambjent ta’ rispett, fejn qed nippruvaw nifhmu lil min jaħsibha differenti.15 It-ton, l-attenzjoni fil-kliem, ir-rispett lejn nies b’idejat differenti – dan kollu joħroġ minn spirtu ta’ djalogu.
Imbagħad inkunu nistgħu nagħtu kontribut pożittiv fuq divesi issues li qed jiġu diskussi fis-soċjetà Maltija.
Id-dokument tas-Sinodu Djoċesan Żwieġ u Familja juri l-kontribut li l-Knisja tista’ tagħti f’ambjent ta’ djalogu: “L-isfida għall-Knisja tikkonsisti wkoll f’li tkun aktar kreattiva meta tiġi biex tfiehem għaliex ċerti mġiba u sitwazzjonijiet m’humiex aċċettabbli għall-morali nisranija; tfiehem li dawn huma ħżiena għax wara kollox huma ta’ ħsara għall-bniedem; tfiehem ukoll li l-valuri li hi tħaddan u xxandar huma ta’ ġid mhux biss għall-insara imma għall-bnedmin kollha. Forsi din hi l-akbar sfida għall-Knisja f’dan iż-żmien modern: li aktar ma tħossha b’idejha marbuta minħabba sitwazzjonijiet diffiċli, aktar turi ħeġġa u kreattività fil-qadi pastorali u li tibqa’ tkun ta’ xhieda għall-ġid spiritwali u uman tal-familja kbira ta’ Alla.”16
Ġwanni Pawlu II juri dan il-bżonn fl-Ittra Appostolika Novo Millennio Ineunte, meta jsemmi oqsma delikati u kontroversjali: “…huwa importanti li jsiru sforzi speċjali biex jiġu mfissra r-raġunijiet għall-pożizzjoni tal-Knisja, filwaqt li wieħed jisħaq li ma hijiex kwistjoni li jkun irid jimponi xi fehma bbażata fuq il-fidi, imma li wieħed ifisser u jiddefendi l-valuri li għandhom għeruqhom fl-istess natura tal-persuna tal-bniedem.”
Dan kollu jitlob minna li nieħdu b’serjetà u b’impenn il-formazzjoni tagħna.
Naturalment, mhux dejjem huma ċari t-tweġibiet kollha. “Knisja li tiddjaloga hija Knisja li tagħraf li hija m’għandhiex it-tweġibiet kollha għall-problemi kollha. Tagħraf ukoll il-pluraliżmu leġittimu li jeżisti kemm fi ħdanha kif ukoll fis-soċjetà.”17
Imma biex dan id-djalogu jseħħ tassew, irid ikun hemm ambjent intern ta’ djalogu, fejn ma nibżgħux minn opinjonijiet differenti, fejn noħolqu l-ispazju biex dawn ikunu jistgħu jeżistu, fejn nifirħu bil-kritika li ssir internament u li lilna tagħmlilna l-ġid. Qed nitkellem fuq punt li jgħodd għal kull istituzzjoni fil-Knisja. Ġwanni Pawlu, f’Novo Millennio Ineunte, jitkellem fuq dan u jikkwota lil San Pawlinu ta’ Nola: “Ejjew nisimgħu dak li jgħidu l-fidili kollha, għax f’kull wieħed u waħda minnhom jonfoħ l-Ispirtu ta’ Alla.” 18 Jekk aħna noħonqu dan l-ambjent ta’ djalogu, inbatu biex nidħlu fi djalogu mas-soċjetà; jekk flok noħonquh, noħolquh, imbagħad inkunu iktar imħejjija għal dan id-djalogu mas-soċjetà.
4. Inwasslu l-Aħbar it-Tajba bħala aħbar ta’ Liberazzjoni
Ġesù Kristu bagħatna biex inwasslu l-Aħbar it-Tajba bħala aħbar ta’ liberazzjoni, aħbar li tagħmel lill-bniedem dejjem aktar ħieles (ara Lq 4,18: “Ġejt inwassal il-ħelsien lill-imjassrin”).
Kultant aħna ninsew li l-istess kmandamenti ta’ Alla kienu intenzjonati biex jgħinu lill-Poplu ta’ Alla jħares il-libertà tiegħu u jgħix f’din il-libertà. Id-daħla għall-kmandamenti: “Jiena l-Mulej Alla tiegħek li ħlistek mill-art tal-Eġittu u minn dar il-jasar” – daħla ta’ liberazzjoni li nsibuha fiż-żewġ postijiet fejn insibu l-kmandamenti (Esodu 20,1-6 u Dewteronomju 5,4-21) – kemm-il darba nsejnieha, u mmorru mal-ewwel f’dak li għandek tagħmel u, aktar, dak li m’għandekx tagħmel.
Aħna msejħin biex inwasslu din l-Aħbar ta’ liberazzjoni. Għalhekk mhux biżżejjed li ‘nsemmgħu leħinna’, li nitkellmu, imma rridu naraw kif qed jasal. U naraw in-nies humiex iħossu li hi ‘Aħbar Tajba’.
In-nies kif qed jirċievu l-messaġġ? Dan hi mistoqsija importanti ħafna, għax fix-xandir tal-Kelma m’huwiex il-kontenut biss li jgħodd imma wkoll hux qed jasal u b’liema mod. Naturalment, f’diversi ċirkustanzi, hemm ħafna li jiddependi mill-perċezzjoni li tinħoloq mill-media. Imma din hi r-realtà li qegħdin fiha, nafu biha u m’hijiex se teħodna b’sorpriża.
Barra minn dan, hemm bżonn li nippruvaw nagħrfu dak li jibqa’ preżenti fil-moħħ u l-qalb tan-nies. Hemm xi ħaġa li tibqa’, u li tkun daħlet ’il ġewwa, u li rridu nkunu konxji tagħha.Iċ-ċirkustanzi ta’ żminijietna qed juru din il-preokkupazzjoni kbira li ma tistax titqiegħed fil-ġenb. Aħna m’aħniex biss imsejħin biex ngħidu x’inhu t-tagħlim tal-Knisja, imma biex ngħinu lin-nies jimxu l-mixja tal-fidi mdawla minn dan it-tagħlim, u biex nuruhom is-sbuħija tal-ħajja nisranija.
Irridu, għalhekk, nagħmlu dixxerniment profond fuq kif qed nikkomunikaw bħala Knisja. Irridu nistaqsu:- Wara li semgħu dak li għedna, x’fehmu n-nies?- X’baqa’ fil-qalb tan-nies?- Tinħass qawwija biżżejjed is-sensitività fi kliemna, speċjalment lejn min qed ibati?- Kollox ma’ kollox, u bl-isfidi kollha li fiha, qed toħroġ is-sbuħija tal-ħajja nisranija?
Il-mudell hu Ġesù Kristu
Fid-dixxerniment tagħna dwar il-mod kif aħna naffaċċjaw l-isfidi pastorali fis-soċjetà Maltija llum, il-mudell għandu jibqa’ dejjem Ġesù Kristu.
L-Evanġelju jurina lil Ġesù nnifsu jitkellem ċar u bla biża’, u bla ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma wkoll b’qalb u sensitività kbira. Il-mod kostanti kif Ġesù kien jittratta n-nies hu dejjem ta’ dawl u ispirazzjoni għall-istil li għandna nadottaw.
Tolqotni ħafna l-ġrajja ta’ djalogu bejn Ġesù u l-mara samaritana. Kieku Ġesù, fid-diskursata magħha, beda mal-ewwel b’ġudizzju, anke bl-iskop li jitkellem ċar u ma jdurx mal-lewża, kieku ma naħsebx li kienet tagħmel ħin twil titkellem miegħu. Imma Ġesù bena diskors magħha bil-paċenzja u bl-imħabba, u mbagħad seta’ jgħidilha l-affarijiet b’mod ċar.
Kultant mhux faċli twieġeb mistoqsijiet bħal: “Ġesù x’kien jagħmel f’din iċ-ċirkustanza?” jew “Ġesù kif kien jitkellem quddiem din is-sitwazzjoni?”. Dan għax ġieli dak li għamel Ġesù seta’ jagħmlu għax kellu awtorità partikulari li wieħed irid ikun prużuntuż biex jassumiha – eż. meta daħal fit-tempju u beda jaqleb l-imwejjed u jkeċċi n-nies (ara Mattew 21,12).
Kultant mhux faċli wkoll għax Ġesù tkellem fuq l-għajxien imma ma tkellimx fuq leġislazzjoni ċivili. Il-kamp ta’ kif jorbtu flimkien il-leġislazzjoni ċivili mal-valuri tal-Evanġelju hu kamp li llum hu delikat u għalhekk jitlob approfondiment akbar. Mill-kummenti li jidhru, wieħed jieħu l-impressjoni li dan hu wieħed mill-oqsma fejn l-aktar hemm konfużjoni. Imma wkoll jekk mhux dejjem faċli, Ġesù Kristu dejjem jibqa’ l-iktar kriterju importanti biex neżaminaw l-azzjoni pastorali tagħna u b’mod speċjali l-metodu pastorali.
Konklużjoni
Dawn l-attitudnijiet għandhom jgħinu lill-membri tal-Moviment ta’ Kana biex ikomplu jaqdu l-missjoni tagħhom – missjoni hekk importanti – b’ħafna ħeġġa u ġenerożità.
Il-Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et Spes tiġbor tajjeb l-attitudnijiet li ffukajna fuqhom: “L-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tal-bniedem tal-lum, fuq kollox tal-foqra u ta’ dawk li jbatu, huma l-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tad-dixxipli ta’ Kristu, u ma hemm ebda ħaġa li hi tassew tal-bniedem li huma wkoll ma jħossuhiex f’qalbhom.”19
Nagħlaq b’talba mill-V Talba Ewkaristika li torbot ma’ Gaudium et Spes. “Agħmel li l-fidili kollha tal-Knisja tiegħek, huma u jagħrfu fid-dawl tal-fidi s-sinjali taż-żminijiet, ikunu jistgħu, fi qbil sħiħ mal-fidi li jistqarru, jimpenjaw ruħhom sewwa fil-qadi tal-Evanġelju. Agħmilna ħerqana għall-ħtiġijiet tal-bnedmin kollha biex, aħna u nissieħbu fin-niket u t-tiġrib tagħhom, fil-ferħ u t-tamiet tagħhom, inwasslulhom bil-fedeltà kollha l-Bxara t-tajba tas-salvazzjoni, u flimkien magħhom, nimxu fit-triq li twassal għas-saltna tiegħek”. 20
Fr Joe Galea Curmi
Guest Speaker
.
.
Noti:
[1] Benedittu XVI, Enċiklika Deus Caritas Est, 1.
[2] Ara Dokument tas-Sinodu Djoċesan, Djakonija u Ġustizzja, 2.
[4] Benedittu XVI, Enċiklika Caritas in Veritate, 2.
[6] Ara intervista li Georg Sporschill SJ u Federica Radice għamlu lill-Kardinal Carlo Maria Martini fit-8 ta’ Awwissu 2012, ftit ġimgħat qabel il-mewt tiegħu. Ġiet ippubblikata fil-Corriere della Sera fl-1 ta’ Settembru 2012. Martini jgħid: “Questo amore è più forte del sentimento di sfiducia che ogni tanto percepisco nei confronti della Chiesa in Europa. Solo l’amore vince la stanchezza. Dio è Amore.”
[7] Hawn qed jagħmel referenza għall-Kostituzzjoni Pastorali tal-Konċilju Vatikan II, Gaudium et Spes, 22.
[8] Ġwanni Pawlu II, Enċiklika Redemptor Hominis, 14.
[9] Dokument tas-Sinodu Djoċesan, Viżjoni ta’ Knisja Komunjoni, 5.
[10] Intervista Martini: “Io vede nella Chiesa di oggi così tanta cenere sopra la brace che spesso mi assale un senso di impotenza. Come si può liberare la brace dalla cenere in modo da far rinvigorire la fiamma dell’amore? Per prima cosa dobbiamo ricercare questa brace.”
[11] Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni Appostolika Pastores Dabo Vobis, 10.
[12] Pawlu VI, Enċiklika Ecclesiam Suam, 78.
[13] Dokument tas-Sinodu Djoċesan, Viżjoni ta’ Knisja Komunjoni, 51. L-istess ideja nsibuha fid-Dokument tas-Sinodu Djoċesan Kultura-Soċjetà-Knisja, 6: ”L-attitudni tal-Knisja…ma tridx tkun waħda ta’ suspett u superjorità, imma trid titħabat biex taqbad l-esperjenza umana, tidħol fi djalogu billi tagħraf dak li huwa pożittiv fil-kultura u tibqa’ fidila għall-missjoni li taha Kristu billi tibqa’ turi b’mod ċar dak li jagħmel ħsara lis-soċjetà. Dan ifisser li l-Knisja m’għandhiex ittalla’ barrikati, tgħajjat li hemm għadu, tilmaħ assedju, takkuża lil min jaħsibha differenti bħala profeta falz u ħażin, imma għall-kuntrarju tfittex dak li hu pożittiv fil-kultura u tibni fuqu fi spirtu ta’ djalogu. Trid ukoll, naturalment, twettaq il-missjoni profetika tagħha bl-ikbar rispett lejn il-persuni imma b’rispett ukoll mhux mittiefes lejn il-verità.”
[14] Viżjoni ta’ Knisja Komunjoni, 36.
[15] Ara d-dokument tas-Sinodu Djoċesan Djakonija u Ġustizzja, 14: “Il-Knisja f’Malta qed tagħraf dejjem iżjed li ‘titkellem’ ma jfissirx biss li xxandar il-prinċipji imma wkoll li tidħol fi djalogu ma’ oħrajn li bħalna, avolja mhux parti mill-Knisja, qed ifittxu l-ġid komuni. Dan jgħodd mhux biss fi kwistjonijiet lokali, imma wkoll f’dawk internazzjonali, fil-kuntest ta’ Ewropa dejjem aktar magħquda u ta’ dinja dejjem aktar globalizzata.”
[16] Dokument tas-Sinodu Djoċesan Żwieġ u Familja, 27.
[17] Viżjoni ta’ Knisja Komunjoni, 51.
[18] Ara Ġwanni Pawlu, Ittra Appostolika Novo Millennio Ineunte, 45.