It-Tlieta, 18 ta’ Mejju 2021, beda l-live-in annwali tal-kappillani bit-tema Knisja li tisma’ u li toħroġ permezz tal-media u l-preżenza tal-parroċċi online. L-ewwel jum tal-live-in beda b’messaġġ mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi u kompla b’diversi sessjonijiet indirizzati minn professjonisti fil-qasam tal-media tal-Knisja.
Il-live-in qed isir fis-Seminarju tal-Arċisqof f’Tal-Virtù fejn qed jattendu għadd ta’ kappillani waqt li oħrajn qed isegwu online minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija. Il-live-in jintemm il-Ħamis, 20 ta’ Mejju, b’messaġġ mill-Arċisqof Charles Scicluna.
Il-messaġġ tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Din hi introduzzjoni qasira għal dan il-live-in. It-tema hi Pastorali Online, u hi marbuta mad-dokument ta’ tiġdid ekkleżjali ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed’. Speċjalment, ittieħdu dawk iż-żewġ attitudnijiet importanti: ‘Knisja li tisma’’ u ‘Knisja li toħroġ’.
Din is-sena li għaddejna bil-pandemija, u għadna fiha, urietna ħafna l-bżonn li aħna nirriflettu fuq il-pastorali online. Kien hemm ħafna inizjattivi pożittivi u wkoll ħafna kreattività. Irridu ngħidu li din hi xi ħaġa sabiħa għal din is-sena li għaddiet, u wrietna kemm hemm bżonn li nirriflettu aktar fil-fond.
Meta ngħidu ‘pastorali online’, mhijiex biss mezzi li se nużaw u kif se nużawhom, imma hi dinja li qegħdin fiha, u kif se ngħixu f’din id-dinja, nikkomunikaw, u nitgħallmu l-lingwa u nużaw il-lingwa ta’ din id-dinja li hi online.
Aħna nafu li ‘Knisja li tisma’’ u ‘Knisja li toħroġ’ huma enfasizzati ħafna mill-Papa Franġisku fl-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii gaudium. Fuq ‘Knisja li tisma’’, hu jgħid li hemm bżonn li aħna nitħarrġu ħafna fl-arti tas-smigħ. Ma kienx hu biss li qal dan. Kien il-Konċilju Vatikan fil-Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et Spes, li qal li hemm bżonn li nisimgħu u nitgħallmu mid-dinja, mis-soċjetà. Il-Papa enfasizza wkoll f’Evangelii gaudium ‘Knisja li toħroġ’, jiġifieri li aħna ma nibqgħux magħluqin fina nfusna, naħdmu biss għall-awto-preservazzjoni, imma naħdmu b’sens ta’ missjoni.
Id-domanda importanti li rridu nistaqsu u nirriflettu fuqha f’dan il-live-in hi: aħna x’viżjoni għandna ta’ pastorali online li verament tesprimi preżenza ta’ Knisja li tisma’ u Knisja li toħroġ? Fl-aħħar laqgħa li kellna flimkien permezz taz-zoom, li għaliha kienu mistiedna l-kappillani, sar enfasi fuq dawk it-tliet punti għal ‘Knisja li tisma’’: tisma’ lil Alla, lill-oħrajn, u lil dak li qed jgħid l-Ispirtu fl-Istorja. Għalhekk, il-pastorali online tgħinna biex aħna nkunu nistgħu nisimgħu aktar f’dan is-sens, u nittrasmettu wkoll dan il-messaġġ li l-Knisja qiegħda tisma’. Dan juri ruħu f’dak li aħna niktbu, f’dak li nagħżlu, f’dak li aħna nqiegħdu fuq Facebook u x-sharesli nagħmlu. Hemmhekk inkunu qed inwasslu dan il-messaġġ. L-istess għal ‘Knisja li toħroġ’. Hu proprju b’dak li nagħmlu, li ngħidu, bir-ritratti li nqiegħdu, li nuru jekk aħna aħniex medhijin bina nfusna, bl-awto-preservazzjoni, bl-affarijiet tagħna, jew aħniex tassew qed nikkomunikaw u nwasslu l-Bxara t-Tajba, bħalma qalilna Ġesù fl-Evanġelju proprju l-Ħadd li għadda, lill-bnedmin kollha u lid-dinja kollha.
Inwasslu l-Bxara t-Tajba. Nixtieq li naħsbu fuq din: kemm il-messaġġ tagħna, anke individwalment, qed jasal – jew qed nagħmlu ħilitna biex jasal, għax kultant ma jiddependix minna – bħala l-Bxara t-Tajba? Għalhekk nindunaw li hemm mod u mod kif int tikteb, xi tqiegħed fuq Facebook, x’inhu ta’ interess għan-nies jew interess biss għall-grupp żgħir tagħna s-saċerdoti; u jekk hux qed jittrasmetti dan. Jekk int tqiegħed online, pereżempju, dak il-kardinal li jgħid kontra dak l-Isqof, u l-ieħor kontra dak, u share mill-ewwel, x’messaġġ twassal? X’ittrasmettejt b’dan? X’viżjoni ta’ Knisja ħierġa minn din? Dawn huma domandi importanti li għandna nagħmlu.
Għandna nkunu lesti nitgħallmu – għalhekk se jkollna diversi nies li se jagħtu l-kontribut tagħhom, esperti fil-qasam, li aħna tajjeb li nisimgħu, li niżnu l-kontribut tagħhom u niddixxernu. Jgħinna wkoll biex il-preżenza tagħna online tkun aktar kif għandha tkun bħala Knisja, u speċjalment li nittrasmettu din il-viżjoni ta’ ‘Knisja li tisma’’ u ‘Knisja li toħroġ’.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju