Sr Ramona Privitelli li hija infermiera fl-Isptar Karin Grech se tkun qed tagħmel il-professjoni solenni li biha tibda l-ħajja tagħha bħala soru tal-karita għal dejjem għada s-Sibt 15 ta’ Ottubru 2022.

Ma’ Newsbook.com.mt Sr Ramona qalet li f’ħajjitha għexet l-esperjenza tal-vojt minkejja li kellha kollox. Hija saħqet li kellha xogħol tajjeb, karozza sabiħa, kienet tħobb issiefer u toħroġ u kellha wkoll xi relazzjonijiet ma’ ġuvintur.

Irrakkuntat kif fl-2012 kellha esperjenza ta’ volontarjat fl-Etjopja u dakinhar dak il-“vojt mtela” qalb il-fqar. F’Jannar tal-2013 għamlet l-ewwel pass għal soru.

Hija spjegat li bħala sorijiet tal-karità jaħdmu f’kull settur fis-soċjetà, u fosthom hemm tobba, social workers, għalliema, spiżjara, accountants u anke avukati.

Sr Ramona qalet li wara nhar is-Sibt li ġej ħajjitha minn barra se tibqa’ dik li hi llum u se tibqa’ infermiera f’Karin Grech. Saħqet li se tkun qiegħda tinbidel biss il-ħajja spiritwali tagħha.

Sr Ramona tkellmet ukoll dwar iż-żgħożija tagħha u qalet li hi ma kinitx xi waħda li tħaffer l-għatba tal-knisja. Hija spjegat li ż-żgħożija tagħha kienet waħda normali u bħal ta’ kulħadd. Attendiet is-Sixth Form u wara l-Università. Hija kienet tieħu gost tiddeverti u anke Paceville kienet tmur.

Sr Ramona qalet li meta kienet żagħżugħa ma kinitx tiffrekwenta ħafna l-knisja u lanqas kienet tattendi gruppi taż-żgħażagħ. Madanakollu stqarret li dejjem kellha x-xewqa li żżomm din ir-relazzjoni ma’ Alla.

Kif kienet l-esperjenza tagħha ta’ infermiera waqt il-Covid-19?

Sr Ramona qalet li ilha infermiera 15-il sena u li f’dawn is-sentejn tal-pandemija tal-Covid-19 kienet esperjenza iebsa u ta’ solitudni. “Qatt ma rajt daqshekk tbatija fiżika, imma l-aktar is-solitudni kbira meta persuna tiġi għall-ħin delikat tal-mewt”, qalet Sr Ramona.

Tkellmet ukoll dwar is-sens ta’ solitudni minħabba li kien hemm persuni li ma kellhomx Covid-19 u l-qraba tagħhom ma setgħux jarawhom.

“Nixtieq li n-nies isiru jafu l-Mulej” – Sr Ramona

Is-soru ta’ 37 sena minn Ħal Tarxien qalet li tinsab eċitata ħafna u li tinsab grata ħafna għal dan ir-rigal li “l-Mulej għoġbu jagħtini fil-ħajja reliġjuża li ngħix għalih fil-persuni li se niltaqa’ magħhom”. Kompliet tgħid li dan hu pass għal dejjem u tgħid li ma jistħoqqilhiex din il-grazzja.

Saħqet li ma tafx għaliex il-Mulej għażel lilha imma tinsab grata ħafna ta’ dan id-don. Fil-messaġġ tagħha Sr Ramona qalet li l-importanti hu li kull persuna tiskopri t-tifsira tal-ħajja tagħha. “Alla jridna biss li nkunu ferħanin hi x’inhi l-ħajja tagħna”, qalet Sr Ramona.

Appellat biex jekk ikun hemm persuni mħajrin għall-ħajja Reliġjuża ma jibżgħux jagħmlu dan il-pass u jitkellmu ma’ xi ħadd li jista’ jgħinhom.

Fl-aħħar Sr Ramona qalet li tixtieq li n-nies isiru jafu l-Mulej għax hija l-isbaħ ħaġa li tista’ tiġrilek f’ħajtek.

Nhar is-Sibt li ġej, l-Arċisqof Charles Scicluna se jiċċelebra quddiesa bil-professjoni ta’ Sor Ramona Privitelli tas-Sorijiet tal-Karità fil-Knisja Parrokkjali tal-Birgu, proprju fejn ġiet mgħammda.

Agħfas hawn biex tara l-filmat tal-intervista.

Sors: Newsbook Malta