L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Il-qadim tajjeb!” (Lq 5:39). Dan hu l-kliem tal-aħħar fl-Evanġelju llum, meta Ġesù jġib it-tixbiha ta’ nbid ġdid li jrid jitqiegħed f’damiġġani ġodda. Meta nisimgħu “il-qadim tajjeb”, aħna mal-ewwel nibdew naħsbu kemm kultant huwa veru li l-qadim huwa tajjeb. Tant hu hekk li hemm affarijiet qodma li aħna għandna nippreservaw, li għandna nagħmlu ħilitna biex inżommuhom għax huma sinjal ukoll sabiħ tal-imgħoddi. Imma hemm affarijiet qodma wkoll li maż-żmien jispiċċaw, u li minflokhom għandhom jidħlu affarijiet ġodda. Għalhekk, li qed jgħid Ġesù hu li hu importanti li aħna jkollna l-għarfien ta’ dak li hu qadim li għandna nżommu, u ta’ dak li hu qadim li għandna nwarrbu u minfloku jidħol il-ġdid.
Ġesù, meta qal din it-tixbiha – ħa nikkonċentra l-aktar fuq din tal-aħħar għax isemmi diversi affarijiet oħra fl-Evanġelju – kien qed jitkellem ftit wara li hu għażel bħala wieħed mid-dixxipli lil Levi, li kien wara l-mejda tat-taxxi, u qallu “Ejja warajja” (Lq 5:27); u dak mar warajh u, ftit wara, l-Evanġelju jgħid li “għamillu laqgħa kbira f’daru stess” (Lq 5:29), fejn Ġesù kien mistieden mad-dixxipli tiegħu, u kien hemm diversi pubblikani u nies oħra. U l-Fariżej ħaduha bi kbira. Qalu: “dan l-għala tieklu u tixorbu mal-pubblikani u l-midinbin?” (Lq 5:30)
Ġesù , hawnhekk, qed jgħid din it-tixbiha, fost oħrajn, biex iwassal messaġġ. Jgħid: “inbid ġdid iqegħduh f’damiġġani ġodda” (Lq 5:38). X’inhu “l-inbid ġdid”? L-inbid ġdid hu l-ħajja ġdida li ġab Ġesù fostna, jiġifieri l-ispirtu tiegħu li jġib ħajja ġdida. Dak hu l-inbid ġdid. Imma qed jgħid: dan jitqiegħed f’damiġġani ġodda, mhux f’damiġġani qodma. U jgħid għaliex – għax inkella jifqa’ d-damiġġani qodma, u jixtered kollu. Li qed jgħid Ġesù hu li l-ħajja ġdida li ġab hu u li jagħtiha lilna titlob minna li aħna mbagħad inkunu ġodda. Jiġifieri ma nibqgħux, kif isemmi San Pawl, “il-bniedem il-qadim” (Kol 3:9) imma nsiru bnedmin ġodda li nistgħu nilqgħu l-ħajja tiegħu. Inkella, ma tagħmilx effett fina l-ħajja tiegħu għax nibqgħu bħal damiġġani qodma.
Issa jista’ jkun li aħna ngħidu: dan id-diskors bit-tixbieha x’ifisser fir-realtà? Ħa nġib xi eżempji x’ifisser fir-realtà. Ġesù jgħidilna li aħna għandna naħfru, bħalma nitolbu fil-Missierna: “aħfrilna …bħalma aħna naħfru lil min hu ħati għalina”. Dan hu l-inbid ġdid. Imma jekk jiena ngħid: jien xorta se nibqa’ npatti, xorta se nibqa’ nivvendika ruħi, għal waħda li naqla’ nagħti iżjed minn waħda, jekk nibqa’ hekk, ikun bħal inbid ġdid li ma jistax jidħol għax jien għadni bħal damiġġana qadima.
Ġesù jgħidilna li aħna għandna nkunu onesti, nimxu b’onestà u b’ġustizzja. Imma jekk jiena ngħid: jien imdorri mod ieħor – fil-ħajja tiegħi, imdorri li nqabbel fejn jaqbel, nirranġa minn hawn u minn hemm, jekk hemm bżonn nagħmel inġustizzja, basta li niġbed lejja. Jekk nibqa’ b’dik il-mentalità, qatt ma nista’ naċċetta fija dan l-inbid ġdid tat-tagħlim ta’ Ġesù li jagħtina u li jiswa ta’ ġid għalina, kieku naċċettawh.
L-istess, ħa nieħdu affarijiet reliġużi – il-festi reliġjużi li niċċelebraw. Qegħdin issa noqorbu lejn it-tmiem tal-festi reliġjużi li niċċelebraw f’pajjiżna, li tant għandhom elementi sbieħ. Imma jekk jien ikolli l-mentalità li l-qaddis jew qaddisa tiegħi, u l-oħrajn jien kontriehom u huma kontrina, kultant fl-istess parroċċa jew fl-istess raħal jew belt, u b’mentalità li tismagħha anke fil-marċi – “ħadd ma jista’ għalina” jew inkella, waqt li tħares lejn l-oħrajn, “oqogħdu hemm ja ndannati”, dan qed nikkwota mill-kliem li jintuża – jekk nibqa’ b’dik il-mentalità, inutli għalija li Ġesù jgħidli: il-festa għandha tkun okkażjoni ta’ għaqda, ta’ paċi, li aħna niċċelebraw flimkien bħala familja waħda; jekk nibqa’ b’dik il-mentalità, dal-kliem tiegħu ma jagħmilx effett fija. U jiġri kultant, u ma nindunawx li meta qed nagħmlu hekk, mhux qima nkunu qed nagħtu lill-qaddis jew qaddisa “tagħna”, imma nkunu qed inżebilħu lill-qaddisin meta nagħmlu dawn l-affarijiet illi proprju jmorru kontra dan l-ispirtu li jrid jagħtina Ġesù.
Ara fuq kemm affarijiet fil-ħajja nistgħu naħsbu fejn importanti li nifhmu li l-inbid ġdid tat-tagħlim ta’ Ġesù u tal-ispirtu tiegħu jrid isib fina damiġġani ġodda – li lesti li ninbidlu, li lesti li nibdlu l-mentalità biex tassew naċċettaw dak li jrid jagħtina Ġesù. U meta nagħmlu hekk, nindunaw x’differenza sabiħa tagħmel f’ħajjitna, meta aħna nilqgħu bil-qalb il-kelma tiegħu, l-ispirtu tiegħu u nħalluh jibdilna. Nitolbu lill-Mulej illum biex aħna nkunu tassew dawk id-damiġġani ġodda li nilqgħu bil-qalb l-inbid ġdid li jagħtina hu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta