L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Din is-silta mill-Evanġelju ta’ San Mattew tiġbor tliet kelmiet ta’ Ġesù li mhux bilfors jingħaqdu bejniethom imma l-Evanġelju tal-lum jippreżentahomlna t-tlieta li huma.

L-ewwel kelma ta’ Ġesù hi biex nitgħallmu napprezzaw il-ġid kollu li għamel magħna u jqabblu ma’ dak kollu li hu qaddis: il-ġawhra. Ħafna drabi Ġesù jfakkarna li s-saltna ta’ Alla, il-paċi li jagħtina hu, huma prezzjużi daqs ġawhra fina li xi ħadd isib waqt li qed ifittex ġawhar prezzjuż jew teżor moħbi f’għalqa.

Hu jitkellem ukoll dwar min assolutament ma jridx jaf. Mhux għax Ġesù jgħidilna biex naqtgħu qalbna minn xi ħadd imma qed jippreparana li kultant ikun hemm min assolutament ma jridx jaf, ma jridx jifhem, ma jridx jisma’. Lil dawn in-nies hemm bżonn inħalluhom f’idejn Alla. Imma jgħidilna wkoll li kultant iduru għalina u jqattgħuna bis-snien. Il-ħaġa ngħixuha anke fil-Knisja stess.

Imbagħad jagħtina regola li nsibuha f’ħafna għorrief imma l-Għerf Inkarnat, Alla magħmul bniedem, jagħtihielna wkoll din ir-regola: li tagħmel lil ħaddieħor u tittratta ma’ ħaddieħor kif tixtieq li ħaddieħor jittrattak. Kieku nifhmuha din u ngħixuha jkollna naħseb ħafna iżjed ġustizzja fid-dinja, ħafna iżjed paċi. Għax jien naf kif nixtieq li ħaddieħor jistmani u jġib ruħu miegħi. Imqar waqt li qed insuq karozza. Ħafna drabi m’aħniex kapaċi nċedu, pereżempju, imma inti ma tixtieqx min iċedilek?

Ħafna drabi nagħżlu t-triq il-wiesgħa mbagħad nirrealizzaw li fl-aħħar ikun hemm sqaq ma jinfidx jew xi bokka tniżżilna iżjed ’l isfel. It-triq id-dejqa ta’ Ġesù fiha d-diffikultajiet imma twasslek.

“Mela dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom” u Ġesù jgħid, “din hi l-Liġi u l-Profeti” (Mt 7:12). L-Iskrittura kollha: ‘il-Liġi u l-Profeti’ hi espressjoni li tiġbor l-Iskrittura kollha fil-mentalità Ebrajka l-Liġi u l-Profeti, Mosè u Elija. Hemmhekk hemm kollox. Ġesù jgħid il-Liġi u l-Profeti jinġabru f’din il-ħaġa: ittratta lil ħaddieħor kif tixtieq li ħaddieħor jittrattak. Għamilt żball? Ma tixtieqx li ħaddieħor jifhmek u jagħdrek u jaħfirlek? Agħmel hekk int ukoll ma’ ħaddieħor.

It-tielet kelma hi dwar il-bieb id-dejjaq. Il-kelma ta’ Ġesù, meta taqraha, tgħid: mela m’għandniex ċans għax dan min minna jħobb jgħaddi minn triq diffiċli? Mhux kulħadd jagħżel il-boulevard wiesa’? Ġesù jgħid din iwassal għat-telfien (Mt 7:13). Imma xi tfisser dil-ħaġa? Darba l-Papa Emeritu Benedittu għamel kumment fuq din il-kelma ta’ Ġesù li tant laqatni. Mhux qed jgħid: ‘isma’ ftit se jgħaddu!’ Qisu eżami u se jeħlu ħafna. Kieku verament qegħdin għall-frisk! Imma qed jgħid: ‘tagħmel x’tagħmel biex tasal se jkollok tgħaddi mill-bieb id-dejjaq anke jekk ma tridx.’ Ħafna drabi nagħżlu t-triq il-wiesgħa mbagħad nirrealizzaw li fl-aħħar ikun hemm sqaq ma jinfidx jew xi bokka tniżżilna iżjed ’l isfel. It-triq id-dejqa ta’ Ġesù fiha d-diffikultajiet imma twasslek.

U Ġesù stess jgħid li ftit huma dawk li jagħżluha jew isibuha imma hu għandu l-mod kif isibilna. Importanti li nindunaw li meta nkunu fit-triq id-dejqa – mhux qed ngħid għat-Triq id-Dejqa tal-Belt – imma t-triq id-dejqa tal-Evanġelju, dik li għażel il-qaddis tal-lum San Alwiġi Gonzaga. Kellu triq wiesgħa miftuħa għalih li jkun id-Duka ta’ Mantova imma mhux dik kienet it-triq tiegħu. Ħuh li ħa postu u sar id-Duka ta’ Mantova, nimmaġina li sar qaddis xorta. X’aktarx kienet dik it-triq id-dejqa magħżula għalih. Imma għal Alwiġi t-triq id-dejqa kienet li jagħti ħajtu f’servizz għall-morda li kienu bil-pesta.  

Fiż-żmien ta’ din il-pandemija nitolbu wkoll l-interċessjoni ta’ qaddis ieħor. Għandna diversi qaddisin fl-istorja tal-Knisja li taw ħajjithom f’mumenti ta’ pandemija, mumenti ta’ pesta. Għalhekk nitolbu wkoll l-interċessjoni ta’ San Alwiġi f’din is-sitwazzjoni li għadha magħna għalkemm m’għandniex ir-restrizzjonijiet li kellna f’dawn l-aħħar sentejn, u għalhekk għandna bżonn ħafna prudenza, ħafna għaqal u ħafna sapport b’mod speċjali għall-istaff mediku.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: 2 Slat 19:9b-11,14-21,31-35a,36
Salm: 47 (48):2-3a,3b-4,10-11
L-Evanġelju: Mt 7:6,12-14