Fr Stephen Magro, missjunarju Żabbari li għal dawn l-aħħar sena u ħames xhur kien qiegħed iservi ġewwa Kuba semma’ kif waħda mill-isbaħ esperjenzi fil-missjoni tiegħi hi meta jara adulti jew żgħażagħ li jersqu lejn Alla.
F’intervista ma’ Newsbook.com.mt hu spjega kif din hija esperjenza pożittiva għaliex dawn ma jkollhom l-ebda kuntatt mal-knisja imbagħad tibda tarahom jinvolvu ruħhom, jibdew il-mixja tal-fidi, jsiru parti mill-komunità u jkunu sabu t-tieni familja tagħhom fi ħdan il-knisja. Din hija realtà li f’Malta mhux daqstant komuni għax Malta ħafna drabi nikbru fil-fidi.
Kif minn saċerdot f’Malta ġiet is-sejħa li jmur Kuba?
Fr Stephen ilu aktar minn 10 snin li ordna saċerdot u bħalissa jinsab Kuba b’mod permanenti iżda interessanti minn fejn twieldet ix-xewqa tiegħu li jmur għall-missjoni.
Hu kien diġà mar Kuba fis-sena barra li jkollhom is-seminaristi waqt l-istudju tagħhom bi preparazzjoni għas-saċerdozju u mar hemmhekk għax kien xtaq jara kif inhi l-knisja barra mill-pajjiż. F’Malta kien għamel numru ta’ esperjenzi ta’ volontarjat mas-Sorijiet tal-Karità ġewwa Bormla.
Hu kien għamel sitt xhur missjoni Kuba, “hemmhekk bdiet din ix-xewqa…imma din baqgħet f’qalbi” u stqarr li f’dal-postijiet il-knisja għandha bżonn ħafna ikbar ta’ saċerdoti għaldaqstant ladarba dix-xewqa wara 10 snin baqgħet f’qalbu talab lill-Arċisqof biex imur iservi hemmhekk.
F’Malta huwa iservi bħala chaplain fl-iskola tas-Seminarju r-Rabat u għal xi żmien kien jieħu ħsieb ukoll iċ-ċentru tal-vokazzjonijiet,“kont kuntent ħafna però kont inħoss li wasal iż-żmien li nagħmel din l-esperjenza fil-missjoni.”
Bil-ġenerożità tal-Maltin inxtrat dar għall-Insara
Mistoqsi dwar il-ħidma tiegħu f’Kuba huwa fiehem li jinsab fil-belt ta’ Santa Klara, hemmhekk hemm ħames parroċċi, u huwa inkarigat minn parroċċa minnhom. Żied jgħid li minħabba d-distanzi twal huwa responsabbli mhux biss tal-parroċċa fiċ-ċentru tal-belt imma anke taż-żoni fil-preferija.
Filgħodu huwa jkun fis-santwarju ddedikat lill-Madonna għall-bżonnijiet ta’ dawk li jmorru hemmhekk, b’ħafna min-nies ma jkunu jafu kważi xejn dwar Alla jew ir-reliġjon minħabba li huwa pajjiż ateju. Irrimarka li għal uħud din tkun l-ewwel darba li jkunu daħlu fi knisja.
Filgħaxija jkollu aktar ċans li jżur iż-żoni, żoni li jżurhom darba fil-ġimgħa, u stqarr li bis-saħħa tal-Maltin inxtrat dar biex jiltaqgħu fiha l-Insara, dar li fost l-oħrajn fiha jsir ukoll xi tagħlim Nisrani. Din id-dar tinsab viċin tal-Università, għaldaqstant ilaqqgħu madwar 15-il żagħżugħ u żagħżugħa ilkoll studenti Universitarji Kattoliċi.
Semma kif 1% huma Kattoliċi f’Kuba u hemm realtà ta’ immigrazzjoni għaliex ħafna qed jitilqu barra mill-pajjiż biss dejjem ikun hemm nies ġodda li qed jersqu ‘il quddiem anke biex jirċievu l-magħmudija.
Żied jgħid li din hija l-missjoni tan-Nisrani li jgħin lil-persuni jiltaqgħu m’Alla semma kif hemm familji li kienu jwasslu lit-tfal għall-katekiċiżmu u issa huma wkoll bdew huma il-mixja tal-fidi.
Id-dar qed tiġi attrezzata u issa se jkompli dak li beda, għaliex fil-parroċċa hu kien beda f’Settembru li għadda. Sa issa diġà irnexxielu jżur xi djar u hemmhekk jiltaqa’ mar-realtà li qed jgħixu huma. Semma li n-nies tal-lokal gaħndhom sfida biex ilaħħqu mal-ispejjeż ta’ kuljum, semma li ma hemmx il-faqar li ħafna drabi naraw f’pajjiżi tat-tielet dinja fuq it-televiżjoni iżda xorta għandhom sfida biex ilaħħqu mal-ħajja għax il-paga mhux biżżejjed.
Fr Stephen irrimarka li l-knisja tgħin ħafna f’dan ir-rigward inkluż qal li hemmhekk hemm il-preżenza tal-Caritas. Qal ukoll li waqt ir-Randan li għadda l-parroċċa ta’ San Bastajn offriet li tgħin il-missjoni tiegħu u ġabru flus għal tfal bl-awtiżmu, biex dawn jingħataw is-sapport biex ikunu jistgħu jagħmlu progress. Filwaqt li rringrazzja lil Bastjaniżi rringrazzja wkoll liż-Żabbarin tal-ġenerożità magħhom biex setgħat tinxtara b’mod komplet id-dar għall-Insara. Din inxtrat ukoll bl-appoġġ tal-Mission Fund u l-Uffiċċju Missjunarju, għaldaqstant wieħed jista’ jitkellem ma’ Fr Stephen b’mod dirett jew ma’ dawn l-entitatjiet biex jgħin b’mod finanzjarju.
Stqarr ukoll,“li jitolbu għalina huwa sapport importanti ħafna biex inwettqu l-ħidma tagħna b’impenn.”
itlub jgħaddi messaġġ lil dawk kollha li jixtiequ jagħmlu esperjenza fil-missjoni barra mill-pajjiż qal li din tgħallmek tapprezza l-affarijiet, totgħallem taħli inqas affarijiet. Semma kif f’Kuba għandhom nuqqas ta’ karti għaldaqstant anke l-irċevuti jerġgħu jużaw.
Mill-aspett ta’ fidi qal li esperjenza bħal din tgħinek tinżel fil-fond tal-fidi, “niffukkaw fuq dak li huwa l-essenzjali, li jgħinu lin-nies”, u b’dan il-mod tikber ukoll il-fidi.
Source: Newsbook.com.mt