-
The Monuments Men
-
****
Direttur: George Clooney
Atturi: George Clooney, Matt Damon, Cate Blanchett, John Goodman
Ħin: 118 minuti
Klassifika taċ-Ċensura: 12
Klassifika tal-Knisja: 12A
Lejn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija Frank Stokes, professur ta’ l-arti fl-Universita’ ta’ Harvard, jipperswadi lil President Roosevelt jaħtar grupp ta’ nies li jkollhom il-missjoni li jsalvaw kemm jistgħu mill-oġġetti ta’ l-arti li jkunu serqu n-Nażi. Stokes għalhekk jgħaqqad tim ta’ seba’ minn nies, kollha intiżi fl-arti. Dawn jinkludu tlett ex-suldati amerikani, żewġ ewropej, u żewġ esperti amerikani aktar żgħażagħ, naturalment taħt it-tmexxija ta’ Stokes. Meta jiltaqgħu fl-ewropa huma jinqasmu fi gruppi żgħar u jibdew ifittxu t-teżori misruqa, u meta jsibu xi ħjiel sod ta’ fejn jistgħu jkunu jerġgħu jingħaqdu flimkien u jmorru jsibuhom. Waqt din il-missjoni tnejn mil-grupp jitilfu ħajjithom u tqum il-mistoqsija: biċċiet ta’ l-arti jiswew il-ħajja ta’ bniedem?
Film t’avventura u drammatiku, ibbażat fuq il-ktieb ta’ Robert M. Edsel, dwar dak li seħħ tassew matul it-Tieni Gwerra Dinjija biex jiġu salvati għadd enormi ta’ pitturi u statwi misruqin minn Nażi. Film interessanti b’reċtar tajjeb ħafna mill-protagonisti, għalkemm il-fatt li hu maħdum f’episodji żgħar itellef xi ftit mir-ritmu tiegħu u l-iżvilupp tal-karattri. Fih xi xeni ta’ ġlied u dmija u xi kliem ħażin. Nissuġġerixxu li tfal taħt it-12 il-sena jkunu akkumpanjati mill-ġenituri.