Josef, Deborah u Brandon għandu ħafna memorji fiż-ŻAK House li tinsab f’Birkirkara u bħalhom eluf ta’ żgħażagħ u persuni oħra li għal xi raġuni jew oħra utilizzaw din il-binja tal-Azzjoni Kattolika.

Josef Debono, kien wieħed mill-persuni li ħadmu biex dan il-proġett iseħħ. Hu qal li hi xi ħaġa sabiħa li wara snin ta’ xogħol qiegħda fl-istat li qiegħda fih u dan jagħtihom sodisfazzjon kbir.

Mistoqsi dwar minn fejn kien ġie l-ħsieb tagħha qal li l-gruppi ta’ żgħażagħ għandhom bżonn fejn jiltaqgħu biex jagħmlu attivitajiet flimkien speċjalment dawk li jinvolvu sleepovers. Xtaqu post fejn joħolmu u jirċievu l-formazzjoni.

Dan hu l-post tal-Azzjoni Kattolika Maltija, li ż-ŻAK hi parti minnha, fil-passat kien ċentru taż-żgħażagħ imma maż-żmien waqaf jintuża’.

Is-sabiħ ta’ dan kollu hu li ż-żgħażagħ stess kienu jmorru jirranġaw il-binja fil-fatt Bernard kien wieħed minn dawn l-adoloxxenti li daħal jagħti daqqa t’id.

Il-ħolma tagħhom kienet li jieħdu biċċa mill-għalqa ta’ mad-dawra u jtellgħu sular iehor biex inħolqu aktar spazji għall-ħidma maż-żgħażagħ.

Mistoqsi dwar l-isbaħ memorja tiegħu fil-binja, Josef ġab quddiem għajnejh il-ftuħ ta’ din il-binja meta kienu lkoll flimkien.

Min-naħa l-oħra, Deborah Bonnici wkoll kienet parteċipi f’dan il-proċess.

Meta kellha 14-il sena hi ħadet interess, maż-żmien kienet President taż-ŻAK għal tlett snin u ħadmu ħafna għall-formazzjoni taż-żgħażagħ u biex dawn ikunu mexxejja tajbin anke fi ħdan il-parroċċa.

Fiż-ŻAK House nefqu aktar minn €400,000 imma grazzi għas-sapport, membri u anke familjari saru attivitajiet ta’ fundraising u wara 11-il sena d-dejn tħallas kollu.

Bħala ŻAK qegħdin fil-FIMCAP u jieħdu sehem fi proġetti Ewropej u fuq livell internazzjonali.

Iż-ŻAK house inġarret minn ġenerazzjonijiet differenti, u llum il-ġurnata hija r-responsabbiltà ta’ Brandon li ilu nvolut għal dawn l-aħħar 11-il sena.

Saħaq li l-missjoni taż-ŻAK House għadha relevanti ħafna għax hu spazju affordabbli li l-Knisja u s-soċjetà tista’ tuża għal tant attivitajiet ta’ ġid. Qed isir rinovar tad-dormitorji u dejjem għaddejjin bi proġetti ġodda biex ikunu sostenibbli.

Kuntatt: [email protected] u 79440374

Sors: Newsbook Malta