•  

  • L-omelija tal-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona

     

  • Il-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
    24 ta’ Marzu 2019

    Darba Santu Wistin spjega lilu nnifsu bħala isqof, imma jien sa napplikaha anke għall-presbiterat, is-saċerdozju ministerjali. ‘Jiena magħkom jien Nisrani, għalikom jiena ragħaj’. F’din il-ġurnata nixtieq nirringrazzja lil Alla għax flimkien magħkom jien Nisrani imma mbagħad nirringrazzjah għaliex tani grazzja kbira li nkun nista’ nservi u naqdi lill-poplu tiegħu.


    Il-grazzja tas-sagramenti

    L-ewwel nixtieq nirringrazzja lill-Mulej magħkom għal dak li rċevejna bħala Nsara. Ħa ngħidha b’mod negattiv, ħuti. Kieku jiena għamilt l-għemejjel kollha tal-ministeru u ma ħallejtx il-ħajja Nisranija tikber ġo fiha, ma nkun ħadt xejn. Din kibret ġewwa fija għaliex il-Mulej tani l-grazzja li jiena Nisrani, Kristjan. Nixtieq nirringrazzjah għall-Magħmudija li tani permezz tal-ġenituri. Hemmhekk kien hemm l-inabitazzjoni tat-Trinità Qaddisa: il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu li mxew f’ħajti pass pass. Ovvjament meta tajthom il-permess, għax bil-permess tagħna jistgħu jaħdmu ġewwa fina. U f’dak il-mument ħaġa tal-għaġeb, bħalma jgħidilna San Pawl: il-Mulej lili midneb, ma niswa xejn, adottani bħala ibnu, ma ddejjaqx isejjaħli ibnu, kull wieħed u waħda minna. 

    …nirringrazzjah meta, permezz tal-Ewkaristija, il-Mulej daħal ġewwa fija…

    It-tieni ħaġa, bħala Nisrani nixtieq nirringrazzjah għal kemm-il darba mort midneb quddiem il-  Missier u l-Missier kull darba reġa’ għannaqni u reġa’ tani d-dinjità kollha li tani fil-bidu, ma naqqas xejn! Ftakru fl-iben il-ħali. Nixtieq nirringrazzjah, ħuti, u intom miegħi. U nixtieq nirringrazzjah meta, permezz tal-Ewkaristija, il-Mulej daħal ġewwa fija u dawk il-grazzji li aħna rċevejna bħala umanità—f’dak il-mument għax aċċettajtu ġewwa fija—saru tiegħi. Dik tfisser l-Ewkaristija. Qed ngħidlu: ‘Mulej, issa jien qed ngħidlek idħol ġewwa fija, bil-grazzji kollha li inti qlajtilna’. Dan hu li nixtieq nirringrazzjah lil Alla l-imbierek talli għamilni Nisrani qabel m’għamilni presbiteru.

    Imma Alla l-imbierek fl-imħabba tiegħu, b’dawn il-grazzji li hu min dejjem ried jaħtina, qal: ‘Imma jiena l-grazzji rrid nagħtihomlhom, imma dawn il-bnedmin jekk ikollhom għajnuniet permezz tas-sensi tagħhom, jaraw, jisimgħu, u iktar se jifhmu li l-grazzja dieħla ġo fihom’. Dawk huma s-sagramenti, għalhekk saru! Il-qofol tas-sagramenti huwa sinjal! Għalhekk il-Papa Franġsiku jgħidilna: ‘Jekk tgħixhom minnbarra ma jagħmlulek xejn ġewwa,’ irid ikollok dik li ngħidulha relazzjoni ma’ Ġesù biex kulma tgħix bħala sagrament, jiħdol ġewwa fik u jkun jista’ jimliek bil-grazzja tiegħu.


    Xi tfisser li tkun saċerdot?
    Għandi d-dinjità għax inservikom.

    Mela la darba Ġesù għamel s-sagramenti, x’kellu bżonn? Xi ħadd jamministrahom. Kif jista’ jagħtina s-sagramenti jekk ma jkunx hemm min jamministrahom? Hemmhekk daħal il-ministeru saċerdotali! Il-Mulej għażel lili u xi wħud minna biex permezz tagħhom il-grazzja tingħata— neħduha aħna l-ewwel—tingħata lilkom bħala grazzja li tistgħu tifhmuha iktar. Xi jfisser? Dan huwa s-saċerdozju ministerjali li jiena rċevejt ħamsin sena ilu. Xi jfisser? Li d-dinjità mhijiex tiegħi, id-dinjità hija tagħkom, tal-poplu li jien irrid inservi. Għandi d-dinjità għax inservikom. Waħda mill-problemi li jista’ jkollna bħala saċerdoti, għax aħna umani, hi li naħseb li d-dinjità hija tiegħi personali. Meta naħseb hekk,  nibda nitfixkel, ħuti, meta ma nifhimx li intom il-qofol u l-għajn ta’ kull dinjità.

    Din hi r-responsabbiltà tagħna: li jiena nagħmel minn kollox biex jiena ma nidhirx u jidher biss il-Mulej u l-grazzja tiegħu. 

    It-tieni x’inhu? Aħna biss medjaturi ta’ dawn il-grazzji. Il-preżenza tiegħi bħala saċerdot tista’ jew tgħin jew tfixkel il-grazzja li tidħol ġewwa fina. Din hi r-responsabbiltà tagħna: li jiena nagħmel minn kollox biex jiena ma nidhirx u jidher biss il-Mulej u l-grazzja tiegħu.   

    Ħuti, dan kollu jsir f’konsagrazzjoni totali. Il-Mulej, qabel ma għażilni biex nagħmel l-Ewkaristija, l-ewwel ikkonsagrani. Kull saċerdot huwa kkonsagrat totalment, l-ewwel ikun tal-Mulej, imbagħad il-Mulej jista’ jużah. Fil-każ tiegħi, ħuti, il-Mulej tani l-grazzja li ta’ 21 sena diġà nikkonsagra ruħi lil Alla permezz tal-professjoni solenni. Ta’ 21 sena lill-Mulej għidtlu: ‘Mulej, il-futur issa mhux tiegħi, issa tiegħek’. Kelma li kont nuża u għadni nużaha llum hija:  ‘Użani, Mulej, użani kif trid int, Mulej’ għax hemmhekk il-ministeru tiegħi ma jkunx tiegħi imma jkun ta’ Alla l-imbierek.


    Il-mibgħut tal-Mulej

    L-ewwel lezzjoni, tgħidilna l-istorja ta Mosè. Mosè ġie magħżul u l-kelma li permezz tagħha beda jaqdi l-ministeru tiegħu kienet: “Jiena Hu bagħtni għandkom’. Is-saċerdot irid jiftakarha dejjem, ħuti, għax inkella s-saċerdozju jsir tiegħu jekk ma jiftakarx permezz tat-talb u r-radd ta’ ħajr. ‘Hu bagħtni, jiena tiegħu, kollox tiegħu, dak li jiena nagħmel’. Allura f’dik is-silta naħseb li għandna xi affarijiet. L-ewwel nett l-istagħġib ta’ Mosè. Tafu li parti importanti mill-fidi tagħna—u mhux din biss—meta nibqa’ nistagħġeb. Jiena iben Alla, bint Alla! Possibbli? Imma hekk hu. Ġesù miet ghalija, possibbli? Imma hekk hu. Jiena Presbiteru! Possibbli? Imma hekk hu.

    Fil-mument li ma nibqax nistagħġeb, kollox jibda jaqa’ u jsir tiegħi…

    Fil-mument li ma nibqax nistagħġeb, kollox jibda jaqa’ u jsir tiegħi u hemmhekk ma nkunx nista’ ngħidha bħalma qal Mosè: ‘Jiena Hu bagħtni għandkom’ u nibda ngħid: ‘Jiena ġejt għandkom,’ mhux ‘Jiena hu bagħtni għandkom’. Biex nagħmel dan il-Mulej kien jaf x’qawwa tana u kien jaf kemm hija tentazzjoni kbira. Kull qawwa ta’ din id-dinja, anke dik spiritwali, hija dejjem tentazzjoni ta’ suppervja. Minflok ma ngħid: ‘Jien hu bagħtni għandkom’ jiena rrid ngħid dik il-kelma li tiftakru Ġesù kif iddeskriva lilu nnfisu? ‘Jiena ta’ qalb ħelwa u umli’ Dak bagħtni għandhom! Jekk in-nies ma jarawx, kif ikunu jafu li jiena qiegħed nintbagħt minn dak li hu ta’ qalb ħelwa u umli? Imma dik tfisser ġlieda kontinwa fina lkoll u fina s-saċerdoti għax is-suppervja u l-egoiżmu qegħdin f’kulħadd u jfixkulna.

    Allura x’għamel Ġesù? Ħasel riġlejn l-appostli. Ma tistax tifridhom. Jgħid fuq l-Ewkaristija ħaġa kbira bħal din, ma niftakarx li Ġesi qabel l-Ewkaristija ħaslilhom riġlejhom. Dik hi l-attitudni, mhux importanti li ħaslilhom riġlejhom, l-attitudni hi li għand dawk li hemm quddiemek trid tmur għandhom b’ħafna umiltà. U hemm prezz. Il-prezz x’inhu? Naħseb li l-prezz huwa dak li ħallas Ġwann il-Battista: ‘Jeħtieġ li hu jikber’ u ma waqafx hemm, ‘u jien niċkien’. Ma nistax nibqa’ jiena li jien u ma niċkienx u ngħidlu: ‘Imma issa ikber int, Mulej’. Irrid inħallilu spazju.


    Il-missjoni ta’ kull saċerdot
    …għandna missjoni biex permezz tagħna d-dinja ta’ madwarna titqaddes.

    Fl-Evanġelju tal-lum għandna parabbola qasira li fiha kollox. Meta daħal fl-istorja tal-bniedem, il-kelma ta’ Alla lil Abram kienet: ‘Jiena nqaddes lilek’ u ma waqafx hemm, ‘biex permezz tiegħek jitqaddsu l-ġnus kollha’. Qed tifhmu x’responsabbiltà aħna għandna bħala Knisja? Aħna rridu nitqaddsu imma mbagħad għandna missjoni biex permezz tagħna d-dinja ta’ madwarna titqaddes. Dawk li Alla ma jistax ikellimhom għax forsi mhumiex miftuħin għall-Mulej, irid ikellimhom permezz tagħna. Din hi l-missjoni. U allura din il-missjoni x’inhi? Biex ngħid hekk, ir-responsabbiltà tal-Knisja, anke f’pajjiżna, hija li tkun Knisja missjunarja; mhux li tibgħat il-missjunarju, imma li tkun missjunarja f’pajjiżna, din għandna bżonnha ħuti, għandna bżonnha tkun hekk ma kull Nisrani.

    U l-aħħar żewġ kelmiet. X’inhi l-missjoni tas-saċerdot? Ftakru f’dik il-parabbola. Tiftakruh lil dak is-sinjur li kien se jeqred ix-xitla tiegħu? Min qabeż għalih? Il-qaddej! Is-saċerdot, il-qaddej, huwa dak li għandu l-missjoni li jitlob għall-Knisja. Kultant jgħidulna li lilna jismagħna aktar, imma mhu veru xejn. Il-Mulej lilna jridna nitolbu għall-poplu tiegħu, din hi missjoni importanti mhux biss għad-djoċesi.

    It-tieni ħaġa: ma qalx biss: ‘Isma li jiena se nagħmel hekk’ imma qal: ‘Imma mhux se ngħid naqbeż għaliha u nħallieha hekk’. Tiftakru kemm hi ħelwa? “Irrid nagħtiha d-demel, irrid nagħżqilha madwarha” (ara Lq 13:8). Dik hi l-missjoni li jrid jagħti s-saċerdot. Ippermettuli l-kelma li ser ngħid, imma għal min jaħdem fl-għelieqi l-iktar ħaġa importanti huwa d-demel għax mingħajru ma jikber xejn. Għalina, l-iktar importanti, ippermettuli, id-demel għalina huwa l-Ewkaristija. L-Ewkaristija hija l-għajn u l-quċċata ta’ kull Nisrani.

    Jiena ppruvajt naqsam magħkom dawn il-ħsibijiet, ħuti. Is-Salm mhux jien għażiltu. Imma s-Salm Responsorjali jgħid: “Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej, u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek. Hu li jaħfer dnubietek kollha … iħaddnek bit-tjieba u l-ħniena” (Salm 102). Din hija l-imħabba ta’ Alla l-Missier li aħna qed nistqarruha. 

    ✠ Pawlu Cremona

        Arċisqof Emeritu ta’ Malta

     

  • Agħfas hawn biex taqra l-messaġġ tal-Arċisqof Scicluna lill-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona u lill-Arċisqof George Frendo.

    6

  •  

  • Ritratti: knisja.mt/ritratti