Il-kurċifiss mirakoluż, magħruf bħala Ta’ Ġieżu, se jkun espost għal-lejl sħiħ u ġurnata, bejn il-Ħamis 3 ta’ April u l-Ġimgħa 4 ta’ April, bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet marbuta mal-Ġublew tat-Tama.
Nhar il-Ħamis 3 ta’ April, il-Knisja Santa Marija Ta’ Ġesù (Ta’ Ġieżu) se tiftaħ fl-10pm,
bil-Kurċifiss Mirakoluż se jkun espost fuq l-artal għall-qima tal-pubbliku. Il-Knisja se
tibqa’ miftuħa matul il-lejl kollu għat-talb fis-skiet, b’kollaborazzjoni ma’ Kenosis
Foundation.
L-għada, il-Ġimgħa 4 ta’ April, jum ta’ devozzjoni lejn il-Kurċifiss, il-Knisja se tibqa’
miftuħa sal-10pm. Bejn is-7am u s-1pm se tiġi ċċelebrata quddiesa kull siegħa,
bil-quddiesa tad-9am tkun iċċelebrata minn Monsinjur George Frendo O.P., Arċisqof .
Emeritu ta’ Tirana-Durres (Albanija) u dik tal-11pm minn Monsinjur Anton Theuma,
Isqof ta’ Għawdex.
Fit-3pm, il-pubbliku huwa mħeġġeġ jingħaqad mal-komunità Franġiskana għat-talba
tal-Via Sagra. Mill-4pm sat-8pm se tiġi ċċelebrata quddiesa kull siegħa, bilquddiesa tat-8pm tkun bl-Ingliż.
Matul il-ġurnata kollha, sal-10pm, se jkun hemm saċerdoti disponibbli għasSagrament tal-Qrar. Dakinhar se jitqassmu wkoll santi bit-tajjara mimsusa mal-Kurċifiss
Mirakoluż.
Flimkien mal-Kurċifiss Mirakoluż se tkun esposta wkoll ir-Relikwa tal-Beatu Carlo Acutis. Din ir-relikwa, li tikkonsisti f’xagħar tal-Beatu, kienet ingħatat lill-Knisja Ta’ Ġieżu mill-Isqof ta’ Assisi biex tkun l-ewwel relikwa fissa fi Knisja f’Malta u Għawdex. Din l-espożizzjoni se ssir minħabba li l-Beatu Carlo Acutis se jsir qaddis f’April li ġej u se jkun wieħed mill-qaddisin ta’ dan il-Ġublew.
Minħabba ir-rispons kbir ta’ nies li kien hemm is-sena l-oħra, din is-sena ittieħdu diversi
prekawzjonijiet biex nassiguraw li din tkun esperjenza devota u aktar organizzata.
Se jkun hemm aktar quddies biex in-nies ikunu jistgħu jitqassmu aħjar matul il-ġurnata kollha. Id-dħul se jkun mill-bieb prinċipali tal-Knisja u ħruġ minn Triq Sant’Ursola. Se jkun hemm
skrin kbir fuq barra sabiex min ikun qed jistenna biex jidħol fil-Knisja, ikun jista jsegwi dak
kollu li jkun għaddej.
L-inizjattiva qed issir mill-Patrijiet Franġiskani flimkien mal-Arċikonfraternità tas-Santissimu Kurċifiss tal-Belt Valletta.
Sors: Newsbook Malta