• ****
    Direttur
    : James Gray

    Atturi: Charlie Hunnam, Robert Pattinson, Sienna Miller, Tom Holland, Angus Macfadjen, Ian McDiarmid u Franco Nero

    Ħin tal-Film: 140 min 

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd.

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 15

    Percy Fawcett hu esploratur Brittaniku. Fil-bidu tas-seklu għoxrin ghamel vjaġġ ta’ esplorazzjoni lejn l-Amazon minnaħa tal-Bolivia. Hu kien jemmen li fil-qalbha ta’ din il-foresta enormi kienet teżisti belt li ħadd ma kien jaf biha. Hu kien sab biżżejjed evidenza li din kienet teżisti tassew. Fawcett kien ukoll jemmen li f’din il-belt ‘mitlufa’, li hu laqqam: Z, kien hemm ċivilta’ avvanzata ħafna, wisq qabel l-istess kontinent Ewropej kien jeżisti. Ma kienitx faċli għalih biex jipperswadi d-dinja xjentifika ta’ dak iż-żmien. Ħafna kienu dawk li rridikolawh u waqqgħuh għaċ-ċajt. Ħafna kienu jemmnu li bnedmin li kienu jgħixu f’dawk il-foresti imbegħda minn kull ċivilta’, ftit kien hemm ċans li jkunu nies ċivilizzati. Għalihom dawn in-nies kienu sempliċiment “slavaġ”. Iżda Fawcett kien determinat li jkompli t-tfittxija għal din il-belt ‘mitlufa’ ta’ Z. Għalkemm kellu familja bi tliet itfal, hu ħass il-bżonn li jkompli l-esplorazzjoni li kien beda tant snin ilu. Il-mara tiegħu għalkemm mhux dejjem rat għajn m’għajn ma’ dak li kien xtaq jagħmel żewġha, hi tatu l-appoġġ tagħha b’sagrifiċċju kbir personali. It-tfal kibru bil-kemm jafu lill-missierhom. It-tifel il-kbir, Jack, darba pprotesta bil-qawwa iżda kien kollu għal xejn. Fawcett kien determinat li dak li kien jemmen kien tabilħaqq jeżisti.  Jgħaddi ż-żmien u Fawcett, għalkemm kellu jiġi wiċċ imb’wiċċ ma’ ħafna problemi u diffikultajiet, fosthom membri mir-Royal Geographical Society tal-Ingilterra, ma qatgħax qalbu. Bl-appoġġ tal-midja Amerikana u Ngliża li kienet ħerqana li ssir xi forma ta’ skoperta, Fawcett jitlaq lejn l-Amazon u din id-darba mat-tifel -il kbir, Jack, flimkien ma’ aide de  camp, Henry Costin. Dawn b’kuraġġ kbir jerġgħu jibdew spedizzjoni oħra lejn l-foresta Amazon. X’jiġri minn hawn? Kif sejra tintemm din l-avventura?  

    Film biografiku Amerikan, ta’ avventura u azzjoni, hu msejjes fuq il-ktieb, bl-istess isem, miktub minn David Grann u li ħareġ fis-sena 2009. Il-film hu taħt id-direzzjoni u kitba ta’ James Gray.

    Film interessanti ħafna, mibni fuq storja vera u li jurina d-diterminazzjoni ta’ bniedem li kien lest li jiċċaħħad minn kollox biex jipprova dak li kien jemmen fih. Ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax -il sena.