L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Araw idejja u riġlejja. Jiena hu” (Lq 24:39). Fil-jum tal-irxoxt tiegħu l-Mulej jersaq lejn l-aħwa, lejn il-ħdax miġbura fil-kamra ta’ fuq u jieqaf f’nofshom u jagħtihom l-aqwa teżor, l-ikbar ġid. It-tislima tiegħu tiġbor dan kollu: “Is-sliem għalikom” (Ġw 20:19).

“Għaliex tħawwadtu?” jgħidilhom, “għaliex dan it-tħassib kollu f’qalbkom? Araw idejja u riġlejja. Jiena hu” (Lq 24:38-39). Kull meta aħna nitħawdu minħabba dnubietna, kull meta qalbna titqal bit-tħassib, il-Mulej ifakkarna fil-pjagi mqaddsa tiegħu. “Araw idejja u riġlejja” għax idejh u riġlejh iġorru l-marki tat-tbatija ħarxa tiegħu. Huma s-sinjal tal-prezz li ħallas għall-fidwa tagħna. Bir-raġun aħna u naraw idejn u riġlejn Ġesù u l-kustat minfud tiegħu li minnu ħareġ demm u ilma, aħna niedu r-ruħ u tibda tagħmel sens it-tislima tiegħu “Is-sliem għalikom, il-paċi magħkom”.

Jekk hemm xi ħaġa li l-bniedem ifittixex bil-ħerqa imma ma jistax jixtriha, jixxennaq għaliha imma ħadd ma jista’ jislifielu, hija l-paċi. Il-paċi fil-qalb tiġi mill-maħfra u l-ħniena ta’ Alla. Bir-raġun it-talba sabiħa tgħid: ‘Il-pjagi tiegħek huma għalija kenn u faraġ’. Aħna ma nistgħux inlumu lil Tumas li dakinhar ma kienx magħhom, li jinsisti li biex jagħraf lil Ġesù jrid isib il-pjagi fejn ħallewhom is-suldati Rumani.

Kemm tkun ħaġa sabiħa li nifhmu li fil-pjagi ta’ Ġesù hemm is-salvazzjoni tagħna. Id-devoti kollha ta’ dan il-Ħadd għażiż tal-Ħniena Divina, huma devoti lejn prerogattiva straordinarja ta’ Alla li huwa dak li jaħfer. Il-maħfra ta’ Alla tinżel fl-istorja ta’ ħajjitna u tbiddilha, tittrasformaha. Fejn qabel kien hemm il-pjagi tad-dulur, tal-miżerja li jagħtu biss rabja, rimors, mibegħda u vendetta, il-maħfra ta’ Alla tiġi biex tfejjaq, tagħti l-paċi; is-sens ta’ maħfra, id-dinjità, il-qawwa li nibdew mill-ġdid.

Aħna lkoll midjunin għal xulxin. Aħna lkoll inqasna. Aħna lkoll għandna bżonn il-ħniena tal-Mulej. Għalhekk, il-Mulej ma jiddejjaqx jurina jdejh u ġenbu. Id-dixxipli jifirħu meta jaraw lill-Mulej (Gw 20:20). “Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom” (Ġw 20:21). Jekk il-Mulej għalina huwa għajn ta’ faraġ u għajn ta’ ħniena qed jibagħtna biex inkunu l-istess għal xulxin.

“Ġib sebgħek hawn u ara jdejja u ressaq idejk u qiegħdha fuq ġenbi, tkunx bniedem bla fidi iżda emmen” (Ġw 20:27). L-istedina li l-Mulej jagħti lil Tumas jagħtiha wkoll lili u lilek: ġib sebgħek hawn u ara jdejja u ressaq idejk biex tmiss il-pjagi tiegħi li huma l-ħlas, il-prezz tas-salvazzjoni tiegħek, tal-paċi tiegħek.

Aħna u noffru lil xulxin l-awgurju sabiħ tal-Għid it-tajjeb, ejjew noffru lil xulxin id-don tal-paċi u ta’ rikonċiljazzjoni. Aħna u nħarsu lejn il-Mulej Ġesù, illum ma’ Tumas ngħidu “Mulej tiegħi u Alla tiegħi” (Ġw 20:28). L-hena tagħna li ma rajniex hija kbira. “Henjin dawk li ma rawx u emmnu” (Ġw 20:29).

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 4:32-35
Salm: 117 (118), 2-4.16ab-18.22-24
Qari II: 1 Ġw 5:1-6
Evanġelju: Ġw 20:19-31