L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Huwa u sejjer lejn Ġerusalemm” (Lq 13:22). Dawn is-siltiet li se nibdew naqraw fil-Ħdud mill-Evanġelju skont San Luqa, li din is-sena qegħdin naqraw silta minnu kull nhar ta’ Ħadd; kollha huma parti mill-vjaġġ ta’ Ġesù lejn Ġerusalemm; vjaġġ li proprju beda bl-Evanġelju tal-Ħadd li għadda, b’determinazzjoni Ġesù jibda jħares lejn Ġerusalemm. Fejn jitkellem dwar il-persekuzzjoni tiegħu, it-torturi tiegħu u s-salib.

Fl-Evanġelju tal-lum, li hu magħruf bħala l-Evanġelju tal-bieb id-dejjaq, proprju jfakkarna li Ġesù qal dan il-kliem “huwa u sejjer lejn Ġerusalemm” (Lq 13:22). F’dan il-mument, għal Ġesù, Ġerusalemm ifisser il-post fejn se jiġi miċħud u fejn se joqtluh. Imma hu ma jibżax, jibqa’ għaddej. Għaliex? Għax jaf li din hi r-rieda ta’ Missieru. Ikun hemm wieħed li jistaqsih mistoqsija, li forsi ġieli ħsibna fiha. “Mulej, jaqaw ftit huma dawk li jsalvaw?” (Lq 13:23). Kulħadd ħa jsalva? Kemm ħa jsalvaw?

Dik hi n-natura tagħna l-bnedmin għax in-natura tagħna tbeżżagħna mid-dwejjaq, mis-salib

Tinnutaw, li Ġesù ma jagħtix numri, ma jgħidx: ħafna, ftit; imma jgħid, li lkoll kemm aħna biex naslu rridu nagħżlu l-bieb id-dejjaq. Tgħiduli: ‘Ma tantx hi aħbar tajba din’. Għax il-bieb id-dejjaq, ismu miegħu, fih id-dwejjaq. Għalhekk nistgħu ngħidu li l-bieb id-dejjaq, għal kull wieħed u kull waħda minna hu s-salib li Alla jibgħatilna. Kultant nagħżluh aħna, kultant jitlgħalna lotterija. Imma aħna l-Maltin ngħidu: ‘Min m’għandux salib, għandu domna’. B’xi mod il-Mulej, fil-ħniena tiegħu, jaf jgħaddina hu mill-bieb id-dejjaq għax jaf li jekk aħna jkollna nagħżlu bejn bieb wiesa’ b’tapit aħmar quddiemu, u l-bieb dejjaq, jaf liema se nagħżlu. Il-bieb il-wiesa’ nagħżlu. Dik hi n-natura tagħna l-bnedmin għax in-natura tagħna tbeżżagħna mid-dwejjaq, mis-salib. Imma qed jgħidilna, li l-bieb id-dejjaq se jgħinna għax iġagħalna neħfiefu.

Qed nisma’ ħafna li qed isiefru biex jagħmlu operazzjoni biex jieklu ftit. Ma nafx x’jgħidulha din, forsi smajtu biha. Tarahom jonqsu vera (jien għadni ma ppruvajthiex din) imma tirrealizza li biex tgħaddi mill-bieb id-dejjaq, hemm ħafna kwalitajiet ta’ dieta li trid tgħaddi minnhom, b’mod speċjali d-dieta tal-egoiżmu. Dik l-ikbar waħda – m’hemmx operazzjoni għaliha. Li terfa’ s-salib ta’ kuljum. Forsi biex iċċekken l-istonku, jistgħu jgħinuk, imma biex iċċekken l-idea kbira tiegħek innifsek jew dak kollu li mingħalik se jagħmlek ferħan, u li fir-realtà ma jagħmlekx – dik trid taħdem ħafna fuqek innifsek u mhux faċli.

Kull jum se jkollu l-penitenza tiegħu. Inti ġenitur mod, inti tgħix waħdek mod ieħor

Aħna rridu nirringrazzjaw lill-Mulej, jekk għandna ftit sens, u nisimgħu anke b’reqqa t-tieni qari li smajna mill-Ittra lil-Lhud, li nilqgħu mingħandu d-diffikultajiet tal-ħajja. Jien dejjem kienet tolqotni sa minn meta kont żgħir, l-istorja ta’ San Domenico Savio. Miet ta’ 12-il sena. Peress li kien qrib ħafna ta’ Don Bosco, allura dan il-qaddis Domenico Savio, nissel mill-bidu nett għatx kbir għall-Ġenna. Darba minnhom San Ġwann Bosco nnota lil San Domenico Savio ma jikolx. Qallu: ‘Għax ma kiltx?’ Domenico qallu: ‘Biex nagħmel penitenza’. Don Bosco qallu: ‘Ejja ’l hawn, inti qed tikber’ – mhux bħalna għandna bżonn naqbżu xi ikla. Qallu: ‘Mela ħa ngħidlek x’għandek tagħmel. Meta tkun is-sħana, għid illum s-sħana; tgħidx ‘uff’, għid: illum is-sħana. Meta jkun il-bard, ħu paċenzja wkoll. Dik tkun il-penitenza tiegħek’. Kull jum se jkollu l-penitenza tiegħu: jekk inti ġenitur mod, jekk inti tgħix waħdek mod ieħor. Kull jum fih il-penitenza tiegħu. Jekk noħduha bil-qalb it-tajba, dak hu l-bieb id-dejjaq. M’hemmx għalfejn nagħmlu ħafna penitenzi kbar; taċċetta l-ħajja – ara l-għerf tal-qaddisin kemm kienu prattiċi – taċċetta l-ħajja bil-bibien u t-twieqi dojjoq kollha tagħha.

Xi ħaġa li tolqotni wkoll fit-tieni qari tal-lum, li għalkemm dan il-qari mill-Ittra lil-Lhud jitkellem dwar it-twiddib, dwar iċ-ċanfir, dwar anke xi ċanfira ħarxa, jitkellem ukoll dwar l-imħabba. Il-Mulej jgħaddik mill-bieb id-dejjaq għax iħobbok. Kważi jimbuttana ftit, jagħtina mbuttatura għax iridna naslu. Ejjew ngħiduha kif inhi: meta mbagħad nagħlqu għajnejna u ngħaddu tassew mill-bieb id-dejjaq, lanqas ngħidilkom kif ippoġulna jdejna fuq żaqqna. Bħalma qalli wieħed: ‘Sinjur, min jaf x’ser jagħmlu, mhux li jridu jagħmlu mbagħad.’ Qed tifhmuni għal liema mument qed ngħid. Meta jiġi dak il-mument u ngħaddu mill-bieb id-dejjaq li minnu jrid jgħaddi kulħadd. Aħna xi rridu li l-Mulej jgħidilna: ‘Ejja ili naqra nistenniek, kemm domt nimbuttak biex tgħaddi mill-bieb id-dejjaq biex tgħaddi żgur. Għax bħalma jgħidu wkoll il-Maltin: ‘Erba’ ħitan u erba’ kaptelli…’ u min jaf ikompliha.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 66:18-21
Salm: 116(117):1, 2
Qari II: Lhud 12:5-7, 11-13
L-Evanġelju: Lq 13:22-30