L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
125 sena ilu, b’digriet tal-Isqof Pietru Pace, M’Xlokk saret parroċċa ddedikata lill-Madonna ta’ Pompei. Għalhekk illum qed niċċelebraw storja twila ta’ din il-komunità parrokkjali. Hija storja ta’ tant saċerdoti u reliġjużi li taw ħajjithom għan-nies ta’ M’Xlokk u tant persuni li tul is-snin taw il-kontribut fil-ħajja tal-parroċċa, u nies li gawdew mill-ħidma f’din il-parroċċa.
Grazzi mill-qalb
Tul is-snin, kien hemm tant nies li stinkaw biex f’M’Xlokk tixxandar il-Kelma ta’ Alla, kif smajna lil San Pawl jinsisti llum fit-tieni Ittra lil Timotju – il-kelma li l-qofol tagħha hi l-Aħbar it-Tajba li Ġesù hu ħaj. Tant nies ukoll ħadmu biex f’din il-parroċċa tiġi ċċelebrata l-Ewkaristija li ssostni u tagħti l-ħajja lill-komunità. Tant nies f’din il-parroċċa irsistew biex tissaħħaħ id-djakonija li tfisser il-qadi fuq l-eżempju ta’ Ġesù l-qaddej, u bl-ispirtu tiegħu, speċjalment għal dawk l-aktar fil-bżonn.
Hu b’dan il-mod li matul dawn il-125 sena kompliet tinbena l-familja ta’ Alla hawnhekk. Illum ngħidu grazzi lil Alla flimkien, filwaqt li nitolbuh ukoll maħfra tan-nuqqasijiet u tad-dnubiet tagħna, b’dik l-espressjoni sabiħa ta’ San Ġorġ Preca: “Grazzi, Sinjur Alla, u aħfirli Sinjur Alla”.
Qatt ma jħallina waħedna
Aħna u ngħidu grazzi lil Alla, żgur niftakru f’dak li tgħidilna l-Kelma ta’ Alla llum. Huwa l-Mulej li jieħu ħsiebna u jħarisna. Bħalma tlabna fis-Salm: “Mnejn se tiġina l-għajnuna? L-għajnuna tagħna mingħand il-Mulej li għamel is-sema u l-art…Il-Mulej hu dak li jħarsek” (Salm 121:2.5). Illum qed niċċelebraw dan il-ħarsien tal-Mulej, li qatt ma jħallina waħedna. Jiġu żminijiet iebsa u diffiċli, kultant żminijiet ta’ konfużjoni u ta’ niket, imma f’dawn iż-żminijiet niftakru li l-Mulej hu magħna, u kif tlabna fis-Salm, “ma jongħosx u ma jorqodx” (Salm 121:3).
Filwaqt li nħarsu lura bi gratitudni, illum nagħrfu wkoll dak li l-Evanġelju qed jgħidilna b’insistenza: li nkunu nies li nitolbu bla ma naqtgħu (ara Lq 18:1), u għalhekk li din il-parroċċa tkun komunità li titlob. Hemm hi l-forza tagħna. L-Evanġelju jurina armla li titlob b’ħerqa u b’determinazzjoni lil Imħallef. Il-parabbola li jgħid Ġesù jgħidha għal skop wieħed, li hu ċar: biex aħna nitolbu bla ma naqtgħu, nitolbu bil-perseveranza. L-armla tal-Evanġelju kienet persuna żvantaġġjata minħabba s-sitwazzjoni tagħha – ir-romol kienu f’qagħda diffiċli fi żmien Ġesù. Ma kien hemm ħadd min jaqbeż għaliha. Imma s-sitwazzjoni kienet agħar għax, jgħidilna l-Evanġelju, kienet quddiem Imħallef li “la kien jibża’ minn Alla u lanqas iħabbel rasu minn ħadd” (Lq 18:2). Jiġifieri ma kellux l-aktar żewġ kwalitajiet importanti: li jqim lil Alla u li jimpurtah min-nies.
Ġesù qed jgħid, bi kliem li nifhmuh: jekk dan l-Imħallef, li ma kienx bniedem li jħobb lil Alla u lill-bnedmin, xorta fl-aħħar jisma’ t-talba tal-armla għax dejqitu, kemm aktar jisma’ Alla t-talb tagħna, Alla li hu preċiż il-kontra ta’ dan l-Imħallef – Alla li jimpurtah, li jagħti każ, li dejjem ifittex dak li hu ta’ ġid għalina! Għalhekk hemm bżonn li nitolbu, u nagħmlu dan b’ħeġġa u b’entużjażmu.
Komunità li titlob
Il-Knisja f’Malta qed tħeġġiġna biex kull parroċċa tkun: komunità li tisma’, li tilqa’, li takkumpanja, u li toħroġ biex twassal l-Aħbar it-Tajba ma’ dawk li tbiegħdu. Importanti li nkomplu naħdmu biex ngħixu b’qawwa dawn il-kwalitajiet sbieħ. Fl-istess waqt irridu niftakru li fil-qalba tagħhom kollha kemm huma, hemm komunità li titlob, u nixtieq inħeġġiġkom biex tqiegħdu l-għeruq fit-talb. Fit-talb, Alla jagħtina d-dawl, jurina x’għandna nagħmlu, jurina x’għandna naħarbu. It-talb jiftaħ qalbna għall-ħidma ta’ Alla fina u fostna, u t-talb ikompli jgħaqqadna flimkien bħala Knisja.
It-talb jgħinna nkunu komunità rebbieħa. Għalhekk, bħalma smajna fl-Ewwel Qari, kif lil Mosé żammewlu idejh merfugħa ’l fuq biex il-poplu jkun rebbieħ (ara Eż. 17:12), żommu jdejkom merfugħa ’l fuq b’talba lil Alla u b’fiduċja fih. B’dal-mod tkunu tassew komunità rebbieħa.
Ġebel ħaj li jibni l-Knisja
Ħa nagħtu issa ħarsa ’l quddiem. U nagħmluha, flilwaqt li niftakru fil-ġrajja kbira li seħħet fil-Knisja mad-dinja kollha, tista’ tgħid fin-nofs ta’ dawn il-125 sena. Fil-fatt, nhar it-Tlieta li għadda ċċelebrajna s-60 sena mill-bidu tal-Konċilju Vatikan II fl-1962. Il-Konċilju – il-laqgħa tal-Isqfijiet kollha flimkien mal-Papa, li ltaqgħu regolarment miegħu għal tliet snin – kien esperjenza qawwija tal-ħidma tal-Ispirtu ta’ Alla fil-Knisja, u bis-saħħa ta’ din l-esperjenza seħħ tiġdid fil-Knisja li ħalla ħafna ġid. Aħna f’Malta kellna l-grazzja wkoll li iktar reċenti, speċjalment bis-saħħa tas-Sinodu Djoċesan li seħħ fostna u s-sena d-dieħla nagħmlu l-20 sena mit-tmiem tiegħu, erġajna skoprejna ħafna mis-sbuħija tal-Konċilju u għexna dak li l-Papa issa qed jipproponi għall-Knisja kollha, b’kelma li nisimgħu diversi drabi imma mhux dejjem nifhmu x’inhi, is-sinodalità.
Is-sinodalità tfisser dak li l-Konċilju ried ifakkar lill-Knisja kollha: li li aħna l-poplu ta’ Alla, u kull wieħed u waħda minna għandna sehem importanti fil-ħajja tal-Knisja. Hu għalhekk li l-ħarsa ’l quddiem għandha tkun ħarsa ta’ kuraġġ fejn ilkoll nagħrfu li bil-Magħmudija Alla jagħtina din is-sejħa: li nkunu ġebel ħaj li jibni l-Knisja. Mhux ġebel mitfugħ lejn il-Knisja, imma ġebel ħaj li jibni l-Knisja. Għalhekk inħeġġiġkom biex tkomplu tagħtu s-sehem tagħkom, ħa tkunu ġebel ħaj fil-bini ta’ din il-komunità parrokkjali ta’ M’Xlokk.
Taħt il-ħarsien ta’ Ommna
Illum qegħdin nagħtu bidu għal amministratur ġdid għal din il-parroċċa, Dun Ġorġ. Filwaqt li aħna nkomplu nitolbu għal Fr Luke biex il-Mulej jagħtih l-għajnuna kollha li jeħtieġ, u filwaqt li nirringrazzjaw lil Mons. Patrick tad-dedikazzjoni tiegħu bħala amministratur temporanju f’din il-parroċċa, nitolbu għal Dun Ġorġ ħalli l-Mulej jgħinu jaqdi din il-missjoni b’dedikazzjoni sħiħa u b’ġenerożità.
Nafdaw din il-missjoni taħt il-protezzjoni ta’ Ommna, hawnhekk meqjuma taħt it-titlu tal-Madonna ta’ Pompei, u nsellmulha dejjem kif nitolbu fis-supplika: “…l-aħħar caqliq ta’ xoftejna jkun it-tifħir ta’ ismek, O Reġina tar-Rużarju ta’ Pompei, O Ommna kollok imħabba, O Omm tal-ħniena u faraġ ta’ l-imnikktin. Infaħħruk għal dejjem.”
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju