L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Ikkonkludejna l-festi sbieħ tal-Milied bil-festa kbira tal-Epifanija, l-għada wkoll iċċelebrajna l-Magħmudija tal-Mulej. U f’dawn il-Ħdud – aħna nsejħulhom ta’ matul is-sena meta s-saċerdot jilbes ukoll il-kulur aħdar li hu l-kulur tat-tama, taż-żgħożija bħal meta tħares lejn il-kampanja tagħna tfakkrek ukoll kollha fis-sbuħija ta’ ħajja li kollha enerġija.
Dawn il-Ħdud nibdew naqraw b’attenzjoni kbira l-Evanġelju magħżul għal din is-sena. Minn iħobb isegwini nhar ta’ Ħadd jiftakar li fil-bidu tal-Avvent kont għedt li din is-sena hi s-sena ta’ San Mark imma li peress li San Mark huwa evanġelju popolari għax fih 16-il kapitlu biss, qasir, allura nissellfu mill-Evanġelju ta’ San Ġwann f’dawn il-Ħdud. Matul din is-sena se nalternaw bejn siltiet mill-Evanġelju ta’ San Ġwann li m’għandux sena ddedikata għalih għax aħna naqraw l-Evanġelju ta’ San Ġwann fil-mumenti l-iżjed importanti: fil-Milied, anke fil-Ġimgħa l-Kbira l-Passjoni tkun skont San Ġwann dejjem, ara f Ħadd il-Palm issegwi t-tliet evanġelisti l-oħrajn. Allura din hi waħda mis-siltiet li mhux meħudin mill-Evanġelju ta’ San Mark avolja s-sena tiegħu imma meħuda mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.
U f’din is-silta meħuda mill-ewwel kapitlu tal-Evanġelju ta’ San Ġwann, inħobb insejjaħlu din is-silta qisu d-dizzjunarju tan-Nisrani għax fih San Ġwann qed jikteb lill-komunità matura, qed jispjega ċertu kliem li aħna neħduh for granted imma li għandu sinifikat kbir. It-tieni punt li nixtieq nantiċipa ftit, nenfasizza aħna u naqraw u nitolbu f’dan l-Evanġelju tal-lum, hi l-laqgħa tagħna ma’ Ġesù. Fuq dawn iż-żewġ affarijiet nixtieq nislet ħsieb qasir illum.
L-ewwel id-dizzjunarju ċkejken li jagħtina San Ġwann. L-ewwel protagonista li nsibu għax hemm diversi anke personaġġi li jiġu introdotti f’dawn il-ftit linji. L-ewwel hu Ġwanni l-Għammied, il-Battista li għandu d-dixxipli tiegħu. L-ewwel dixxipli kienu segwaċi ta’ Ġwanni l-Battista, dak li għammed anke lil Ġesù fil-Ġordan u li stieden għall-indiema. Jara lil Ġesù u jagħtih titlu li aħna nużawh f’kull quddiesa. Is-saċerdot wara l-konsagrazzjoni, qabel it-tqarbin, jurina l-Ewkaristija, Ġesù ħaj u jgħidilna: ‘Dan hu l-Ħaruf ta’ Alla’.
Dan it-titlu nsibuh propju f’din is-silta tal-Evanġelju ta’ San Ġwann. San Ġwann il-Battista jħares lejn Ġesù u lid-dixxipli tiegħu u jgħallimhom: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla” (Ġw 1:29). San Ġwann hawnhekk ma jispjegalniex x’inhu l-Ħaruf ta’ Alla imma l-istudjuż jgħidilna li bil-lingwaġġ oriġinali, li x’aktarx uża San Ġwann, l-Aramajk, il-kelma ‘ħaruf’ tista’ tfisser ukoll qaddej u tista’ tinftiehem ukoll bħala ‘iben’. Kelma waħda. Allura meta Ġwanni lid-dixxipli tiegħu qed jgħidilhom: “Dak il-Ħaruf ta’ Alla” qed jifhem ukoll: dak hu l-qaddej ta’ Alla, dak hu l-Iben ta’ Alla b’kelma waħda, bil-kelma ‘ħaruf’ bl-Aramajk. Intom, kif tafu, l-Evanġelju nkiteb bil-Grieg imma ħafna drabi l-espressjonjiet u l-frażijiet jirriflettu pjuttost il-lingwa oriġinali li jitkellmu fi żmien Ġesù: l-Aramajk.
It-tieni kelma ta’ dan id-dizzjunarju hu ‘rabbi’ għax San Ġwann jispjegaha: “Ġesù jdur lejn dawn id-dixxipli li qed isegwuh u jgħidilhom ‘Xi tridu?’ Huma staqsewh: ‘Rabbi, fejn toqgħod?’” (Ġw 1:38). U San Ġwann jispjegalna x’inhu dan it-titlu bil-Lhudi Rabbi, mgħallem. Ġesù jiġi introdott mhux biss il-Ħaruf ta Alla, il-qaddej ta’ Alla, l-Iben ta’ Alla imma wkoll l-Imgħallem. Jiena l-papà tiegħi kien mastrudaxxa, il-ħaddiema tiegħu kienu jgħidulu l-imgħallem, l-imgħallem Leli. L-imgħallem hu dak li għandu l-esperjenza, għandu l-leadership imma għandu wkoll l-awtorità li jmexxik għaliex mgħallem, ir-rabbi hu mgħallem.
Ġesù minflok jispjegalhom min hu, jgħidilhom: “Ejjew u taraw” (Ġw 1:39). F’dan id-dizzjunarju allura hemm nisġa ta’ dawn it-titli ta’ Ġesù li jgħidulna eżattament imma Ġesù min hu u l-insistenza li biex tifhem lil Ġesù mhix kwistjoni li taqra ktieb imma li tiltaqa’ ma’ persuna. U Ġesù l-enfasi tiegħu mhux fuq duttrina imma fuq esperjenza: “Ejjew u taraw”. Fejn toqgħod? Meta fejn toqgħod tfisser ukoll imma int eżattament x’ħobż tiekol? Aħna bil-Malti ngħidu: ‘x’ħobż tiekol inti’? L-istess il-kelma fejn toqgħod fis-semitiku hi: imma inti eżattament x’ħobż tiekol? Min inti? L-identità tiegħek. “Ejjew u taraw”.
Għalhekk smajna wkoll fl-ewwel qari s-sejħa ta’ Samwel għax din hi forsi l-vokazzjoni primordjali, fundamentali li l-Mulej qed iwettaq u jseddaq f’kull wieħed u waħda minna llum. Din mhix kelma biss għall-patrijiet, għar-reliġjużi għas-saċerdoti. Għal kull wieħed u waħda minna! L-istedina li aħna niltaqgħu ma’ Ġesù, insiru nafuh bħala l-Ħaruf ta’ Alla, il-qaddej, l-Iben, l-imgħallem.
“Marru miegħu u raw fejn kien joqgħod,” x’ħobż jiekol, “u dakinhar baqgħu miegħu” (Ġw 1:39). L-awtur jiftakar ukoll il-ħin. Tant kienet impressjonatu din l-ewwel laqgħa tiegħu ma’ Ġesù – jiġrilna hekk ukoll aħna f’ċerti esperjenzi tal-ħajja, tibqa’ tiftakar iċ-ċirkostanza, il-post, anke ċertu esperjenzi jibqgħu jfakkruk f’dak li tkun ġarrabt.
Il-kelma l-oħra fid-dizzjunarju li jagħtina San Ġwann hi l-kelma ‘Messija’. Għaliex? Għax wieħed minnhom, li kien jismu Andrija, imur għand ħuh Xmun u jgħidlu: “Sibna l-Messija” (Ġw 1:41) li tfisser ‘Kristu’, bil-Grieg ‘Kristos’. Messija u Kristu huma l-istess kelma b’lingwi differenti. Imma bil-Malti x’inhi? Midluk, Messija, Messiah. Aħna għandna l-verb ‘timsaħ’, Messiah, Kristos minn fejn jiġi il-griżma, għalhekk Christ u l-midluk. Dak hu l-midluk biż-żejt ta’ ferħ li hu sultan, li hu profeta, li hu saċerdot.
U l-aħħar kelma fid-dizzjunarju tintroduċina ma’ Pietru, lil dan Xmun bin Ġwanni għax il-papà ta’ Xmun Pietru kien Ġwanni għalhekk Bar Jona – m’għandux x’jaqsam mal-barijiet fejn tmur tixrob – Bar Jona, iben Ġona bin Ġwanni. Il-kunjom kien l-isem ta’ missierek. “Inti iben missierek, Xmun bin Ġwanni, inti tissejjaħ Kefa jew Pietru” (Ġw 1:42). Aħna wkoll hawnhekk għandna kelma bl-Aramajk u kelma bil-Grieg, petra minn blata, kefa u petra huma blata. Mela aħna ngħidu Pietru imma nistgħu nsejħulu blata imma forsi jieħu għalih, ejjew nibqgħu b’Pietru. Imma l-kelma tfisser ‘blata’. U hekk nirrealizzaw li aħna għandna mgħallem, il-midluk għandna dan id-dizzjunarju ċkejken imma jwassalna wkoll għal Pietru għall-blata tal-fidi tagħna.
U fl-istess ħin mhix kwistjoni ta’ ‘isma’ se naqra ktieb u nkun naf lil Ġesù’. Niltaqa’ miegħu u nispiċċa bid-domanda li jagħmlilna Ġesù: Xi tridu? Nistaqsu lilna nfusna llum din id-domanda, nisimgħuha, nippruvaw nirrisponduha. Imma inti f’ħajtek xi trid? U l-Mulej jagħtina l-grazzja li nitolbuh li nsiru nafuh. Ir-risposta sabiħa tal-ewwel dixxipli. Jgħidilhom: “Imma intom xi tridu?” X’ħobż tiekol, Sinjur? Nixtieq insir nafek. Fejn toqgħod? Ejjew u taraw.”
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: 1 Sam 3:3b-10,19
Salm: 39(40):2,4ab,7-8a,8b-9,10
Qari II: 1 Kor 6:13c-15a,17-20
L-Evanġelju: Ġw 1:35-42