L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna qal li l-Knisja taqbel mal-abbozz ta’ liġi ġdid li jistabbilixxi regoli dwar kif jistgħu jsiru Direttivi Mediċi Avvanzati – ‘Living Wills’ għax ħadd mhu obbligat jaċċetta terapija inutli. Hu fakkar li l-proposta teskludi l-ewtanasija jew kwalunkwe intervent maħsub biex itemm ħajja u li talbiet bħal dawn jiġu kkunsidrati invalidi skont il-liġi. 

Waqt li kien qed jiġi intervistat waqt il-programm Għal Kulħadd fuq RTK103, hu qal li dan il-Living Will isir meta l-bniedem ikun għadu f’sensih u wieħed irid ikun seren b’din id-deċiżjoni. Fakkar l-esperjenza tal-qaddis Papa Ġwanni Pawlu II li xtaq imur fid-Dar ta-Missier u ma xtaqx aktar terapija straordinarja.

Saħaq li l-mediċina tista’ tgħin imma wieħed ma għandux jużaha b’mod spoporzjonat, u akkanament terapewtiku.

Aktar kmieni din il-ġimgħa s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg ħabbret li wara konsultazzjoni estensiva li involviet partijiet interessati fil-qasam tas-saħħa, se tressaq abbozz ta’ liġi ġdid li jistabbilixxi regoli dwar kif jistgħu jsiru Direttivi Mediċi Avvanzati – ‘Living Wills’. Qalet li dan l-abbozz qed jirrikonoxxi d-dritt tal-awtonomija tal-pazjent u jagħti serħan il-moħħ ukoll lill-professjonisti mediċi f’sitwazzjonijiet vulnerabbli meta ma jistax ikollhom il-kunsens tal-pazjent għal deċiżjonijiet dwar kura u trattamenti.

“L-ewwel vittma tal-gwerra hija l-verità, qed ngħixu f’era ta’ miżinformazzjoni”

L-Arċisqof irrifletta fuq il-punt li l-ewwel vittma tal-gwerra hi dejjem il-verità u qed ngħixu f’era ġdida. B’reazzjoni għal kunflitti li għaddejjin fil-Lvant Nofsani hu qal li minkejja nemmnu dejjem fit-tjubija tal-bniedem, sfortunatament il-bniedem qisu ma tgħallimx mill-kruha tal-gwerra.

Saħaq li il-mezzi soċjali u l-intelliġenza artifiċjali jikkumplikaw l-esperjenza tagħna għax dak li suppost qed naraw mhux dejjem huwa kollox minnu. Qal li l-misinformazzjoni qed tintuża wkoll bħala għodda tal-gwerra u qed ikun hemm manipulazzjoni t’informazzjoni. Qal ukoll li l-gwerra qed ngħixuha b’mod immedjat iżjed minn qatt qabel.

Huwa ftakar fin-nies kollha li jixtiequ joħorġu minn dawn il-pajjiżi fil-Lvant Nofsani, offra solidarjetà, wiegħed it-talb tiegħu għalihom u għal familjari tagħhom, li anke għalihom dan mhux żmien faċli. Awgura li kull min jixtieq jiġi lura jkollu din l-opportunità kemm jista’ jkun malajr filwaqt li talab u ħaseb f’dawk kollha li għandom bżonn jibqgħu hemm minħabba r-realtà tax-xogħol tagħhom.

Id-donazzjoni tal-organi

L-Arċisqof tkellem ukoll dwar l-Ittra Pastorali tar-Randan ta’ din is-sena li ffukkat fuq id-donazzjoni tal-organi, “l-għotja tiegħek innifsek bħala sinjal ta’ solidarjetà u imħabba, b’għażla libera.” Semma l-bżonn li n-nies jinfurmaw ruħhom, jitkellmu mat-tabib tagħhom u jiddixernu fuqha għax flok organu jintrema’, jista’ jintuża grazzi għax-xjenza u għat-teknoloġija wkoll. Huwa għamel appell ukoll għal għoti tad-demm.

Ħidma Pastorali

“Fil-jum tal-Ġimgħa naħsbu fl-għotja ta’ Ġesù fuq is-salib, u devozzjonijiet oħra imma tajjeb li fir-Randan niltaqgħu ma’ Ġesù f’ħutna, fil-proxxmu” qal l-Arċisqof filwaqt li qal li t-tbatija mhux astratta u fl-ispirtu ta’ dan l-istaġun li nkunu qrib dawk li jkunu qed ibatu. Hu semma li se jkun qed iżur is-SAMOC kif ukoll il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Hu tkellem ukoll dwar it-tama u l-ħniena kemm fil-kuntest ta’ priġunier, li jaħdem fuq ħajtu kif għall-pazjenti li jridu jħarsu wkoll lejn il-ħajja eterna.

Laqgħa mal-adoloxxenti li se jirċievu l-Griżma

Huwa se jkun qed jiltaqa’ mal-adoloxxenti li se jirċievu s-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof biex jisma’ x’għandhom xi jgħidu, laqgħa importanti f’dan il-vjaġġ spiritwali. Semma kemm jieħu gost jagħmel sessjonijiet tad-djalogu maż-żgħażagħ meta jkun qed iżur l-iskejjel. Dawn ma jistaqsux biss dwar ir-rutina tiegħu imma wkoll mistoqsijiet eżistenzjali biex il-kelma tiegħu tħalli b’impatt.

Il-messaġġ Nisrani mexa id f’id mal-iżvilupp tal-midja

L-Arċisqof Charles Scicluna tkellem ukoll dwar l-istazzjon tar-radju RTK103 ftit jiem qabel l-34 anniversarju. Huwa sellem u rringrazzja lil tant nies li ħadmu matul is-snin f’dan l-istazzjon, “jibqa’ relevanti li l-Knisja titfa’ dawl fuq ir-realtajiet tal-bniedem, li nxandru l-Bxara t-Tajba.” Qal li wieħed dejjem irid ikun leali lejn l-ethos tiegħu, u li wieħed jibqa’ leali lejn il-vokazzjoni tiegħu. “Tkun ħasra jekk il-midja tagħna tintuża’ b’mod t’ingann” qal l-Arċisqof li talab li meta jsiru żbalji b’umiltà jirrapporta mill-ġdid bil-fatti.

Għalaq billi tkellem dwar is-sbuħija tal-magħmudija ta’ nazzjonalitajiet differenti li jsiru f’Sibt il-Għid, li dis-sena das-sagrament se jiġi ċċelebrat f’żewġ Katidrali, f’tal-Belt imma wkoll f’tal-Imdina minħabba l-ammont kbir ta’ persuni minn kulturi differenti li jixtiequ jirċievu l-magħmudija.

Source: Newsbook.com.mt

Article written by Gabriel Lia