Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Jiena ġentilment nagħti t-tislijiet personali tagħna lill-Prim Imħallef li aħna nafuh anke bniedem ta’ rispett u ta’ ġentilezza straordinarja. Ovvjament huwa anke ta’ pjaċir u unur għalija li nara l-kollegi antiki tal-kors.
Jiena nixtieq f’isem anke l-poplu nirringrazzjakom tar-rwol importanti li mhux biss għandkom imma li intom ta’ kuljum imsejħin li twasslu r-rwol tas-Saltna tal-Ġustizzja. Hija kelma kbira ħafna, tas-Saltna tad-Dritt iżjed milli tal-Liġi. Ġo Ġo, Alla jaħfirlu, kien itambrilna d-distinzjoni u li l-Qrati huma Qrati tal-Ġustizzja u l-imħallef irid b’ħila kbira, b’lealtà lejn il-liġi għax hi strument, għandha tkun strument tal-ġustizzja u b’umiltà kbira, b’umanità kbira, bix-xjenza li għandu, bil-kollabarazzoni ta’ tant assistenti li jgħinuh, isib mod kif jipproteġi lil min għandu jkun protett fid-dawl dejjem tal-verità u li jagħti lil kulħadd li ħaqqu.
Mhix kelma faċli. Nafu wkoll li l-Ġudikatura u l-Maġistratura huma msejħin għal rwoli li kultant ikunu oltre dak li s-soltu mdorrijin tagħmlu. Ħafna investigazzjonjiet, ħafna xogħol. Bħalissa intom imsejħin biex tiddefendu l-istituzzjonijiet tal-Istat u l-veru sens tal-Kostituzzjoni. Ta’ dan nifhmu li għandkom bżonn sapport kbir, kif għedt inti, serenità kbira, protezzjoni anke spiritwali u sens kbir ta’ ekwilibriju.
Sfortunatament il-media qed toħloq it-tribunal tagħha: tantiċipa ġudizzji, tinterpreta u tantiċipa anke kundanni. U t-tribunal, nippretendi li nsibu mmexxi minnkom lil hinn mill-kjass ta’ barra, għax jekk imbagħad inħallu dak li hemm barra jsawwar hu l-ġudizzju, allura nitilfu anke s-sens ta’ din il-ġustizzja. Hemm għajta hemm barra li hija leġittima, l-għajta għall-verità u għall-ġustizzja. Intom qegħdin f’dan ir-rwol importanti li tassiguraw din il-ħaġa.
Nammira wkoll diversi minnkom li meta jkun hemm anke l-iċken dell ta’ kunflitt ta’ interess, wieħed jastjeni għax dik tiggarantixxi l-awtonimija, id-dinjità, l-indipendenza tal-Ġudikatura li huwa valur importanti. Mingħajr ovvjament ma wieħed iħalli li l-abbuż tas-sistema għax kien hemm, kellna fi żminijiet meta ma kien hemm kważi ħadd min jiġġudika u kellu jiġi invokat il-prinċipju tan-neċessità.
Hemm martirju silenzjuż li wieħed irid jgħaddi minnu għall-ġid tal-pajjiż u ta’ dan nixtieq ngħidilkom grazzi
Aħna nwiegħdukom it-talb tagħna, is-sapport tagħna. Nifhmu l-esiġenzi tal-ekwilibriju anke fil-kliem għax ngħaddu minnu f’dil-ħaġa kontinwament, intom iżjed minna għax intom titkellmu permezz tad-deċiżjonijiet, tad-digrieti u tas-sentenzi. Intom hekk titkellmu, dak huwa x-xogħol tagħkom u tridu wkoll tassiguraw il-prinċipju taċ-ċiviltà li inti f’kull deċiżjoni trid tkun frott tal-kontradittorju u qatt ma jkollok deċiżjoni preferuta imma frott ta’ dak li tpoġġa quddiemek. U din mhix ħaġa faċli meta inti, barra s-sigriet li diġà hemm, verdetti lesti.
Il-Ius face u Iusto face wkoll – il-fatt li wieħed jagħmel ħiltu biex jipproteġi anke s-soċjetà minn elementi li jridu jimmanipulaw is-sistema jew inkella min jaħseb li hu ’l fuq mil-liġi. Hemm ir-rwol ukoll tal-Ġudikatura li tfakkar lil kull wieħed u waħda minna li aħna ċittadini u li aħna sottomessi għall-ġid tal-Istat u intom tinterpretaw ġurisdizzjoni li hija għall-ġid komuni u għax hija għall-ġid komuni allura hija għall-ġid ta’ kull wieħed u waħda minna.
Jiena nixtieq nirreċiproka l-awgurju u anke permezz tagħkom nixtieq inwassal l-awgurju lill-kumplament kollu tal-Maġistratura u tal-Ġudikatura imma aħna ovvjament għajnejna, bħal kull ċittadin, għajnejna fuqkom. U aħna nieħdu pjaċir meta naraw ġudikatura ferm b’saħħitha, ġudikatura ċara fil-pronunzjaturi tagħha, ġudikatura li hi ekwilibriata. Imma nafu li dan kollu jiswa ħafna, u li hemm martirju silenzjuż li wieħed irid jgħaddi minnu għall-ġid tal-pajjiż u ta’ dan nixtieq ngħidilkom grazzi għax naf li l-grazzi kultant irħisa mod jew rari wisq. Ippermettili nippreżentalek id-diskorsi, l-omeliji li għamilt fl-2018. Huwa volum pjuttost tqil, oqgħod attent kif tużah, hemm introduzzjoni ħelwa wkoll ta’ Mons. Awżiljarju għax fl-2018 sar isqof, ippermettuli nippreżentalkom anke kopja kull wieħed.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta