L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Meta Ġesù qorob għalih iż-żmien li fih kellu jittieħed mid-dinja” (Lq 9:51). Hekk jibda l-Evanġelju tal-lum. Qegħdin fil-kapitlu 9 ta’ San Luqa. San Luqa diġà jibda jkellimna fuq il-mument meta Ġesù jittieħed mid-dinja bil-passjoni ħarxa tiegħu, bil-mewt tiegħu fuq is-salib. Hu l-mument li nfakkruh b’din l-istatwa għażiża tar-Redentur. Wasal iż-żmien li jitgħabba bil-mard tagħna, bid-dnubiet tagħna, litteralment iġorrhom fuq spallejh.

“B’rieda sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm” (Lq 9:51). Jaf minn xiex kellu jgħaddi imma r-rieda tiegħu hi rieda sħiħa, rieda qawwija: dik li jobdi lill-Missier ikun xi jkun il-prezz li jitolbu l-Missier. Nistgħu nifhmu qalbu x’ħasset meta qalulu li f’raħal tas-Samarija m’aċċettawhx, ma laqgħuhx. Hu, li b’rieda sħiħa jdur lejn Ġerusalemm biex jagħti ħajtu għalina, biex jitgħabba b’dak kollu li jgħaddi minna u li bih nitgħabbew, u aħna niċħduh, ma nilqgħuhx.

Ir-reazzjoni ta’ Ġakbu u Ġwanni hi r-reazzjoni tagħna għal min jiċħadna, ikasbarna, imaqdarna. Aħna ttentati nirrispondu bir-rabja, bl-istess ċaħda, bl-istess atteġġjamet iebes u vjolenti. Imma hu jdur fuq Ġakbu u Ġwanni u jċanfarhom. Tgħid qalbu mhux maqsuma wkoll li hu fi triqtu lej is-salib minħabba fina u aħna ngħidulu: jekk jogħġbok fittex xi mkien ieħor, m’għandniex post għalik. Mhux ta’ b’xejn fuq is-salib lill-Missier jgħidlu: “Aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34).

U anke lil dawn jaħfrilhom. Id-dixxipli ġustament irrabjati għal din in-nuqqas ta’ akkoljenza imma jċanfarhom għax iridu jikkorrispondu għaċ-ċaħda bil-vendetta. “Tridx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom?” (Lq 9:54). Ġesù ma jrid jeqred lil ħadd, lanqas lil min ċaħdu, lil min jgħidlu m’għandix post għalik, m’għandix bżonnok, fittex xi mkien ieħor. Dik hi l-qalb ta’ Ġesù; għandna ħafna x’nitgħallmu minnu.

Min jaf kemm hawn qlub maqsuma, imweġġgħa għal xi inġustizzja jew għal xi inkwiet fil-familja, jew minħabba delużjoni fil-ħajja. Il-Mulej qed jgħidilna l-liġi tal-paċenzja, tal-maħfra, għalhekk qal: “Immorru f’raħal ieħor” (Lq 9:56).

U jkun hemm xi ħadd li forsi ma jafx xi tfisser il-kelma li jgħid, meta lil Ġesù, jgħidlu: “Tmur fejn tmur, jiena niġi warajk”. U Ġesù bir-risposta tiegħu jwieġeb li m’għandux lussu x’joffrilu u lanqas iċ-ċapċip ta’ din id-dinja. “Il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom, Bin il-Bniedem m’għandux fejn imidd rasu” (Lq 9:57-58). U dik id-domanda jew dik id-dikjarazzjoni ta’ disponibbiltà li jmur warajh. Ġesù sejjer għal fuq is-salib. Forsi ma kienx jaf x’qed jgħid, forsi ħaseb li l-Mulej li jqajjem lill-mejtin, ifejjaq il-morda, ikattar il-ħobż u l-ħut jista’ joffrilu qisu polza tal-assigurazzjoni kontra l-għawġ ta’ din id-dinja. Il-Mulej jgħidlu: ħabib, dak li noffrilek mhux komdu imma nħajrek għalih għax għandu prezzu.

U lill-oħrajn, li jistedinhom biex jiġu warajh, għadhom mhumiex ċerti. Jinsisti magħhom li għandhom ipoġġu jdejhom fuq il-moħriet u ma jħarsux lura (ara Lq 9:62). Aħna rridu nitolbuh maħfra lil Ġesù ta’ kemm-il darba fil-ħajja aħna u nqiegħdu jdejna fuq il-moħriet, inħarsu lura. Ġesù kien jaf x’jiġifieri tħaddem moħriet. Hemm tradizzjoni antika li tgħid li hu kien jagħmel dawn l-għodod. L-Insara tal-Palestina damu sekli jgħożżu moħriet li kien għamel Ġesù ta’ mastrudaxxa li kien. U biex tagħmel moħriet trid tkun taf ukoll kif jintuża. Il-moħriet tpoġġi jdejk fuqu u trid tkun attent fejn tiggwidah, avolja qed jgħinek l-għoġol jew il-bagħal, għax jekk tħares lura r-radda fil-ħamrija ma tiġix dritta.         

Aħna rridu nitolbuh maħfra lill-Mulej talli ma jżommx kont tar-raded li nagħmlu li ma jkunux dritti dritti, waħda sejra ’l hemm, l-oħra ’l hawn. U aħna nitkellmu fuq li nimxu flimkien, f’sinodalità. Ir-raded suppost li jkunu paralleli imma kultant qisna qed nagħmlu żigużajg. U għalhekk nitolbuh iżomm il-paċenzja magħna, mhux biss bħalma għamel man-nies ta’ Samarija li ma laqgħuhx meta kien sejjer Ġerusalem biex jagħti ħajtu għalina, jieħu paċenzja wkoll bina.

Aħna llum se nimxu wara l-ikona devota tar-Redentur. Se nagħmlu wkoll sforz għax mhux il-bard. Nagħmlu dan is-sagrifiċċju biex ngħidulu: inti tgħabbejt bil-mard tagħna, bin-niket tagħna, bid-dnubiet tagħna. Nixtiequ nuruk kemm inħobbuk waqt li nagħrfu kemm tħobbna u kemm tieħu paċenzja bina.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: 1 Slat 19:16b,19-21
Salm: 15 (16):1-2a u 5,7-8,9-10,11
Qari II: Gal 5:1,13-18
L-Evanġelju: Lq 9:51-62