L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
“Tiġġudikawx” hi l-kelma ċara li Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu u li jgħid lilna llum ukoll. Hemm ħafna x’tomgħod f’dil-kelma li jgħid.
X’jiġfieri “tiġġudikawx”? Ifisser li meta tara dak li hu ħażin madwarek, tagħlaq għajnejk jew tħares in-naħa l-oħra biex ma tiġġudikax? Ifisser li meta tara dak li hu ħażin fik stess, tiskot u tgħid: “Aħjar ma ngħid xejn fuq dak li hu ħażin”?
Hu importanti li nifhmu dan li jrid jgħid Ġesù biex ma nifhmuhx ħażin. Ġesù qed jgħid, bħalma dejjem wera b’mod ċar fit-tagħlim tiegħu, li għandna nagħmlu distinzjoni bejn dak li hu ħażin, u l-persuna li tagħmel il-ħażin. Fl-aħħar mill-aħħar il-ġudizzju fuq il-qalb tal-persuna jrid jagħmlu Alla. Hu Alla li żgur jagħmlu bl-aħjar mod, għax hu jara lil hinn minn dak li jidher fil-għajn. Alla jara l-qalb fejn jista’ jkun hemm profondità ta’ tajjeb u profondità ta’ ħażen. Filwaqt li aħna nistgħu naraw ħjiel, Alla jara kollox. Għalhekk hu li jista’ jiġġudika b’mod sħiħ il-persuna.
Din hi differenti minn kif kultant nirraġunaw aħna. Tinnutaw li ġieli iktar faċli nieqfu fuq in-nies, intaqtqu fuq in-nies, milli fil-fatt naħdmu kontra l-ħażen.
Ġesù jgħid iktar hawnhekk. Jgħid li l-ewwel ħaġa li għandna nagħmlu hi li nagħrfu l-ħażen u d-dnubiet tagħna nfusna. Għalhekk jgħid dik it-tixbiha li hi esaġerata apposta biex jiftiehem: ma tistax tmur biex tneħħi t-tibna minn għajn ħuk u int stess għandek travu f’għajnek. Hu importanti li nitolbu lil Alla kontinwament li jġeddidna u jippurifikana fil-ħajja tagħna biex ma nkunux qed nagħmlu agħar minn dak li nikkritikaw, jew inkella nagħmlu bħal dak li nikkritikaw.
… għandna naħdmu kontra dak li hu ħażin b’mod sħiħ.
Ġesù jgħallimna b’mod ċar din id-distinzjoni. Għalhekk, filwaqt li ma niġġudikawx il-persuna, il-qalb tagħha – dak inħalluh f’idejn Alla – imma mbagħad Ġesù ma jgħidx li fuq il-ħażen li naraw m’għandniex ngħaddu ġudizzju jew naħdmu kontra l-ħażen li naraw. Jien nara t-tkasbir tad-dinjità tal-persuna jew tal-ħajja tagħha, jew il-korruzzjoni, jew is-serq, jew inkella b’xi mod jew ieħor in-nuqqas ta’ onestà – ma nistax jiena nagħlaq għajnejja u ngħid “qisni m’inix qed nara, ħalli ma niġġudikax”. Dan huwa kontra dak li jgħallimna Ġesù.
Ġesu jridna naħdmu kontra l-ħażen. Irridu naħdmu bis-sħiħ anke għal soċjetà verament ġusta. Fejn hemm soċjetà ġusta u min ikun involut f’affarijiet ħżiena jeħel u jpatti tal-ħażen li jagħmel, lilu wkoll Ġesù jkompli jsejjaħlu għall-indiema. Dik hi s-sejħa li jagħmel Ġesù kontinwament. Għalhekk, għandna naħdmu kontra dak li hu ħażin b’mod sħiħ. Il-ġudizzju sħiħ fuq il-qalb tal-persuna nħalluh f’idejn Alla għaliex Alla jiġġudika, u jiġġudika għaliex jagħraf kollox, anke dak li aħna ma nistgħux nagħrfu u naraw.
Illum nitolbu din il-grazzja lil Alla, biex aħna ma niġġudikawx – inħallu l-ġudizzju f’idejh, li hu żgur l-aħjar ġudizzju possibbli – u lilna jagħtina l-grazzja wkoll biex f’ħajjitna kontinwament jippurifikana biex ma nkunux qed nagħmlu f’ħajjitna dak li aħna nikkritikaw fl-oħrajn.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju