-
-
L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
-
Il-Bażilika Minuri ta’ Santa Marija Mtellgħa s-Sema, il-Mosta
12 ta’ Settembru 2019“B’radd il-ħajr kantaw f’qalbkom innijiet lil Alla” (Kol 3:16). F’din iċ-ċelebrazzjoni sabiħa tal-lum b’tant anzjani miġburin flimkien, nixtieq li l-ewwel nett nirringrazzja lil Alla ta’ kull wieħed u waħda minnkom u nurikom l-apprezzament tal-Knisja għall-kontribut li tajtu tul is-snin u għadkom tagħtu llum għall-ġid tas-soċjetà Maltija.
L-anzjani huma għeżież
Intom tfakkruna li l-ħajja hi għażiża dejjem – mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha. Għalhekk tibqa’ għażiża u b’dinjità wkoll meta jgħaddu s-snin u l-persuna tikber sew fl-età. Hemm min jibqa’ fuq tiegħu, u jibqa’ attiv; imma hemm min ikun magħkus mis-snin u mill-mard u jibda jara li l-forzi tiegħu qed ibattu u jsir aktar dgħajjef. Kull persuna tibqa’ għażiża, hi min hi, tkun f’liema kundizzjoni tkun. Anzi, min hu l-iktar fraġli u vulnerabbli jeħtieġ l-akbar għajnuna u appoġġ fis-soċjetà. Il-Knisja trid tfakkar lis-soċjetà kemm għandna dejjem nirrispettaw u ngħożżu lilkom l-anzjani.
L-anzjani għandhom ħolm minsuġ minn tifkiriet, minn immaġni ta’ ħafna ħwejjeġ li għexu, immarkati mill-esperjenza u mis-snin. Jekk iż-żgħażagħ iniżżlu għeruqhom fil-ħolm tal-anzjani, jirnexxilhom jaraw il-ġejjieni
Anzjani u żgħażagħ flimkien
Nixtieq illum nenfasizza dak li jgħid Papa Franġisku fl-Eżortazzjoni Appostolika bl-isem Christus Vivit (Kristu Jgħix) li ppubblika aktar kmieni din is-sena wara s-Sinodu taż-żgħażagħ. U nfakkar dan, għax il-Papa, meta jkellem liż-żgħażagħ u lil dawk li jaħdmu magħhom, ifakkarhom fl-anzjani u fl-importanza tad-djalogu magħhom.
Il-Papa jfakkar li l-Kelma ta’ Alla turina l-bżonn li ma nitilfux il-kuntatt mal-anzjani ħalli nitgħallmu mill-esperjenza tagħhom. Għandna nkunu miftuħa biex nixorbu mill-għerf li jgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra. Hu dan li jgħinna biex nibnu fis-sod soċjetà mġedda.
“L-anzjani għandhom ħolm minsuġ minn tifkiriet, minn immaġni ta’ ħafna ħwejjeġ li għexu, immarkati mill-esperjenza u mis-snin. Jekk iż-żgħażagħ iniżżlu għeruqhom fil-ħolm tal-anzjani, jirnexxilhom jaraw il-ġejjieni, jista’ jkollhom viżjonijiet li jiftħulhom ix-xefaq quddiemhom u juruhom toroq ġodda” (Christus vivit, 193).
Fejn hemm l-għeruq nistgħu nikbru u nwieġbu għall-isfidi ġodda.
L-għeruq mhumiex ankri li jorbtuna ma’ epoki oħra u jżommuna milli nkunu fil-qalba tad-dinja ta’ żminijietna biex inwelldu xi ħaġa ġdida. Bil-maqlub, fejn hemm l-għeruq nistgħu nikbru u nwieġbu għall-isfidi ġodda.
Il-Papa jgħid li l-anzjani jistgħu jgħaddu liż-żgħażagħ messaġġ sabiħ: “X’nistgħu nagħtuhom liż-żgħażagħ aħna l-anzjani? Liż-żgħażagħ tal-lum li qed jgħixu bħal f’ħallata ballata, l-ambizzjonijiet erojċi u l-inċertezzi tagħhom, nistgħu nfakkruhom li ħajja bla mħabba hi ħajja vojta. X’nistgħu ngħidulhom? Liż-żgħażagħ imbeżżgħa nistgħu ngħidulhom li l-ansjetà dwar il-futur tista’ tiġi megħluba. X’nistgħu ngħallmuhom? Liż-żgħażagħ moħħhom iżżejjed fihom infushom nistgħu ngħallmuhom li hemm iktar ferħ f’li tagħti milli f’li tirċievi, u li l-imħabba ma nuruhiex biss bit-tpaċpiċ, imma anki bl-għemejjel tagħna” (Christus vivit, 197). Liż-żgħażagħ ngħinuhom mhux meta niġġudikawhom imma meta nisimgħuhom u nagħtuhom l-enerġija ħalli jimxu ’l quddiem.
Papa Franġisku jsemmi kif fis-Sinodu taż-żgħażagħ, wieħed mill-mistiedna, li kien żagħżugħ mill-gżejjer ta’ Samoa, xebbah il-Knisja ma’ kenura, fejn l-anzjani jgħinu biex tinżamm ir-rotta t-tajba billi jaqraw il-kwiekeb, u ż-żgħażagħ jaqdfu b’saħħithom kollha huma u jistħajlu x’hemm jistenniehom iktar ’il quddiem. Il-Papa jagħmel dan l-appell: “Ejjew ma nitilfux ir-rotta, la minħabba fiż-żgħażagħ li jaħsbu li l-adulti huma passat li m’għadux jgħodd, li diġà superat, u lanqas minħabba l-adulti li jaħsbu li dejjem jafu kif suppost iġibu ruħhom iż-żgħażagħ. Pjuttost, ejjew nitilgħu lkoll fuq l-istess kenura u flimkien infittxu dinja aħjar, imqanqla min-nifs dejjem ġdid tal-Ispirtu s-Santu” (Christus vivit, 201).
Ħarsu lejn kull jum tal-ħajja tagħkom bħala jum li fih Alla jimliekom bl-imħabba tiegħu u jagħtikom l-għajnuna biex tagħmlu l-ġid lill-oħrajn.
Inkoraġġiment
Nixtieq li l-quddiesa tal-lum tkun għalikom ilkoll ċelebrazzjoni ta’ inkoraġġiment. Ħarsu lejn kull jum tal-ħajja tagħkom bħala jum li fih Alla jimliekom bl-imħabba tiegħu u jagħtikom l-għajnuna biex tagħmlu l-ġid lill-oħrajn. San Pawl fl-Ittra lill-Kolossin jgħidilhom: “Ilbsu sentimenti ta’ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar. Stabru b’xulxin u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid ma’ ħaddieħor, aħfru lil xulxin… fuq kollox ilbsu l-imħabba” (Kol 3:12). U Ġesù jitkellem ċar fuq kif aħna għandna naħfru u nagħmlu l-ġid lil min jagħmlilna l-ħsara biex inkunu nixbhu tassew lill-Missier. Meta ngħixu hekk, kif tistedinna l-Kelma ta’ Alla, ukoll jekk kultant il-ħajja tkun iebsa, imma jkollna s-sodisfazzjon li qed ngħixuha bl-isbaħ mod u jkollna tassew il-paċi tal-qalb li jagħtina l-Mulej.
Nixtieq li nagħmlilkom il-qalb għax kultant jiġri li ma nibqgħux napprezzaw is-sbuħija tal-ħajja tagħna. Papa Franġisku (fi Christus vivit, 198) jitkellem fuq kif Alla kapaċi joħloq stejjer sbieħ. Fil-ħniena tiegħu, hu jaqbad it-trijonfi u l-fallimenti tagħna u jinseġ arazzi l-ġmiel tagħhom. Fuq wara tat-tessut dan jista’ jidher imberfel u bil-fili kollha mgerfxa – il-ġrajjiet ta’ ħajjitna – u jista’ jkun li dik in-naħa ma tħalliniex fil-paċi. Imma n-naħa t-tajba tal-arazz turi storja mill-isbaħ u din hi n-naħa ta’ Alla. Dan hu li Alla kapaċi jwettaq b’mod kreattiv imqar bl-iżbalji tagħna.
Għeżież anzjani, “b’radd il-ħajr kantaw f’qalbkom innijiet lil Alla” (Kol 3:16). Grazzi ta’ din il-laqgħa sabiħa flimkien. Il-Mulej iberikkom, jagħtikom il-paċi f’qalbkom, u jżommkom dejjem taħt il-ħarsien tiegħu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju -
-
-