L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Għadna kemm smajna r-rakkont tat-tnissil ta’ Ġesù fil-ġuf ta’ ommu Marija. Ir-rakkont tat-tnissil tal-Iben jitfa’ dawl fuq it-tnissil tal-omm. Dan għaliex fl-Evanġelji ma nsibux rakkont jew narrattiva tat-tnissil ta’ Marija li qed niċċelebraw illum. Illum qed niċċelebraw it-tgħanniqa ta’ mħabba ta’ ommha u missierha Anna u Ġwakkin. Minn dik it-tgħanniqa ta’ mħabba titnissel tarbija. Hemm l-intervent tal-ġenituri; imma llum qed niċċelebraw ukoll dak il-mument storiku, uman, mimli mħabba bejn il-miżżewġin; intervent speċjali, uniku, irrepetibbli ta’ Alla; intervent dirett.
X’qed niċċelebraw? X’inhi l-fidi tagħna? Kif inhi definita fl-1854 mill-Beatu Piju IX? Hi li Alla, fil-mument tat-tnissil ta’ din it-tarbija, ta’ din it-tifla Marija, intervjena billi ħarisha minn kull tebgħa ta’ dnub, fuq kull livell. Għaliex? Għax għażilha sa minn ġuf ommha sa mit-tnissil tagħha għall-missjoni speċjali li minnha jitwieled dak li Hu Qaddis, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Kien hemm bżonn li din it-tfajla tkun totalment libera biex meta jiġi l-mument, 16-il sena wara li l-Ħabbar tal-Mulej, l-anġlu jagħmlilha proposta tremenda, li minnha jitwieled l-Iben ta’ Alla, hi tkun libera li tgħidlu ‘iva’. Ma neħħilhiex il-libertà tagħha imma seddaqha biex f’isimna – f’ismi u f’ismek u f’isem l-umanità kollha – tfejjaq il-‘le’ ta’ Eva, u tgħid: “Jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq 1:38).
Ir-raġuni li nisimgħu fl-ewwel qari tal-lum, ir-rakkont tad-dnub tan-nisel, hu għax f’dan id-djalogu, bejn din l-Imbierka fost in-nisa, imnissla mingħajr tebgħa tad-dnub, hemm l-‘iva’ tal-umanità. Eva qalet ‘le’, ittentata mix-Xitan, u mill-qerq tiegħu; Marija għall-istedina tal-anġlu, tgħid: “Hawn jien, il-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek! (Lq 1:38).
Aħna, niċċelebraw xi ħaġa li għandha relevanza għall-ħajja tagħna wkoll. Għaliex, aħna u nħarsu lejn il-ġmiel tal-Qalb ta’ Marija, qalb safja, qalb libera, qalb mingħajr tebgħa, kollha għotja; aħna nirrealizzaw li għandna l-istess vokazzjoni.
Pawlu, dak li qrajna fit-tieni qari jgħid: “għażilna fih, sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba” (Ef 1:4). Li nkunu bla tebgħa. Marija kienet bla tebgħa fit-tnissil għax Alla għażel li jħarisha mid-dnub. Aħna ngħixu bla tebgħa meta nħallu lill-Mulej jeħlisna mid-dnub u ngħixu fl-imħabba. “Inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba” (Ef 1:4). U għalhekk fit-talba tal-prefazju llum, li hi sintesi straordinarja tal-fidi li qegħdin niċċelebraw f’din il-festa tal-konċepiment immakulat ta’ Marija, il-Knisja ssejħilha: ‘avukata tagħna, u mera tal-qdusija’. Avukata tagħna għax hi daħlet biex tħassar il-‘le’ tagħna u tidħol għalina. Kienet il-missjoni tagħha, li bl-‘iva’ tagħha, li l-Imħallef li jiġġudika fil-verità tgħidlu: ‘aħfrilna’. Ngħidulek ‘iva’, “hawn jien, il-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek! (Lq 1:38). Imma hi wkoll mera tal-qdusija għax għalkemm aħna m’aħniex mħarsa mid-dnub sa mit-tnissil, dak hu privileġġ tagħha; aħna kontinwament meħlusa mid-dnub, imsejħa biex ngħixu “bla tebgħa quddiemu fl-imħabba” (Ef 1:4).
Aħna l-isqfijiet ta’ Malta u Għawdex, tlabna bħal diversi isqfijiet oħra lill-Papa biex jikkonċedi li f’dan it-Tieni Ħadd tal-Avvent ta’ din is-sena, peress li ħabat it-8 ta’ Diċembru, niċċelebraw proprju din il-festa, li tippreparana tajjeb ħafna għat-tifkira tat-tnissil u twelid ta’ Ġesù. Aħna qed niċċelebraw it-tnissil tal-mamà tiegħu, disa’ xhur qabel it-twelid tagħha, fit-8 ta’ Settembru; imma qed naqraw l-Evanġelju li jinqara fil-25 ta’ Marzu, disa’ xhur qabel il-Milied.
Meta Bernardette Soubirous, obdiet lill-kappillan tar-raħal tagħha, Fr Peyramale, u qaltilha ‘imma inti x’jismek, Sinjura?’ Il-Madonna ma weġbithiex mill-ewwel. Imma fil-25 ta’ Marzu, id-dehra ta’ Lourdes lil Bernardette Soubirous qaltilha: ‘Jiena l-Immakulata Kunċizzjoni’. Bernardette ma fehmitx dan il-kliem, avolja l-Madonna kelmitha bid-djalett tagħha, u rrepetithom sakemm waslet għand il-kappillan biex ma tinsa l-ebda kelma milli qaltilha l-Madonna, u kif fetaħ il-bieb qaltlu hekk: ‘Jiena l-Immakulata Kunċizzjoni’.
Fl-1858, erba’ snin wara d-definizzjoni tal-fidi tagħna tad-domma, Marija fid-djalogu privat, ma’ xebgħa umli u fqira ta’ Lourdes, tikkonferma l-fidi tal-Knisja, tirrikonoxxiha; u minn hemmhekk daħlet fil-gżejjer tagħna b’devozzjoni kbira, għal xi ħaġa li aħna dejjem iċċelebrajna. Mhux ’il bogħod mill-Belt għandna l-Knisja ta’ Sarria ddedikata lill-Immakulata Kunċizzjoni; u f’Bormla, llum issir festa kbira, għax it-titular tal-Immakulata Kunċizzjoni jimmarka l-istorja ta’ dik il-lokalità. Imma tant knejjes oħra fil-gżejjer tagħna huma ddedikati lill-Immakulata Kunċizzjoni; anke fl-akkwati l-Kunċizzjoni, barra mir-Rabat. Dak kollu għandu jfakkarna, li dak kollu li qed niċċelebraw illum, mhuwiex biss fatt li ġara fl-istorja, hu privileġġ singulari ta’ Marija; imma sinjal għalina ta’ tama, li kif qalet hi “l-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu” (Lq 1:50); fuq dawk li jittrattawh ta’ Alla li Hu; “għax għal Alla m’hemm xejn li ma jistax isir” (Lq 1:37).
Għażiż André, inti llum qed turi d-disponibbilità tiegħek, li tkompli bħala kanditat għas-saċerdozju; u l-Knisja tilqgħek minn hawn u ftit ieħor, bil-kelma tal-isqof u l-barka tiegħu, bħala kandidat għas-saċerdozju. Nitolbu ħafna għalik, nitolbu wkoll għall-vokazzjonijiet. Hemm ħsad kbir jistenniena, il-ħaddiema huma ftit, imma neċċessarji.
Ejjew nitolbu bl-interċessjoni ta’ Marija, li jkollna żgħażagħ ġenerużi li l-Mulej ma jibżgħux jgħidulu: ‘hawn jien il-qaddej tiegħek, ħa jsir minni skont kelmtek’.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġen 3:9-15,20
Salm: 97:1-4
Qari II: Efes 1:3-6,11-12
L-Evanġelju: Lq 1:26-38