L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Qawwu qalbkom u erfgħu raskom” (Lq 21:28). Dan il-kliem li jgħid Ġesù llum fl-Evanġelju jgħidu fost kliem ieħor li, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, mhuwiex kliem li jqawwilna qalbna u jgħinna nerfgħu rasna.

F’din is-silta, Ġesù qed jitkellem fuq it-tieni miġja tiegħu. Għall-bidu, qisu hu kliem li intenzjonat biex ibeżżagħna u jdaħħalna f’qoxortna. Imma, fil-fatt, il-kliem ta’ Ġesù mhuwiex biex ibeżża’, imma biex jurina r-realtà kif inhi. Għalhekk Ġesù lilna qed jgħidilna: “Qawwu qalbkom u erfgħu raskom”, għax lilna jista’ jiġrilna li nimtlew bil-biża’ jew ansjetà, jew inħallu min jimlielna rasna b’dan jew itaqqlilna qalbna b’dan. Imma Ġesù jridna nqawwu qalbna għax għandna lilu s-Salvatur tagħna.

It-tama Nisranija

Dan huwa s-sens ta’ din il-ġurnata meta qed nirriflettu fuq it-tama – u għalhekk xegħelna xemgħa fil-girlanda, l-ewwel waħda, li hi x-xemgħa li tfisser tama. Meta aħna nitkellmu fuq it-tama, irridu nagħrfu sew x’qed nifhmu.

It-tama Nisranija hija differenti minn kif nużaw il-kelma ‘tama’ aħna u nitħaddtu bejnietna. Meta ngħid “nittama”, normalment qed infisser xewqa, imma magħha hemm marbuta l-inċertezza u ċertu dubju. Jekk ngħid “nittama li l-ġimgħa d-dieħla ma tagħmilx xita”, qed ngħid li għandi dik ix-xewqa, imma fl-istess waqt nibqa’ inċert jekk, fil-fatt, ikunx temp bla xita u nibqa’ dubjuż sa dak inhar. Max-xewqa hemm l-inċertezza u d-dubju. It-tama Nisranija mhijiex hekk. Mhijiex mibnija fuq l-inċertezza, imma fuq iċ-ċertezza tal-imħabba ta’ Alla, u fuq iċ-ċertezza li l-kliem tiegħu jseħħ – tama li ma tqarraqx bina. Jekk Ġesù jkellimna fuq il-ħajja ta’ dejjem, għandna din it-tama Nisranija ta’ realtà li aħna ma aħniex naraw bħalissa, imma li aħna ċerti minnha għax il-kelma tiegħu hija vera u ma tqarraqx bina.

Għalhekk hu importanti dan li jgħid Ġesù li għandna nqawwu qalbna u nerfgħu rasna, jiġifieri għandu jkollna tama qawwija, għax għandna lilu s-Salvatur tagħna – dak li jgħid iseħħ, u dak li jgħid huwa tassew it-triq li għandna nimxu f’ħajjitna.

Fl-Evanġelju tal-lum, li qed jurina Ġesù hu li aħna għandna nagħrfu r-realtà kif inhi u fid-dawl ta’ din ir-realtà, mhux nibżgħu għandna, imma ngħixu ppreparati. U b’liema mod inkunu ppreparati? F’din is-silta Ġesù jurina kif.

Dak li hu ta’ ħsara

L-ewwel, isemmi “l-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor” (Lq 21:34). Qed jgħid Ġesù biex noqogħdu attenti minn dak li f’ħajjitna hu ta’ ħsara għalina u għall-oħrajn, dak li għandu konsegwenzi ħżiena għalina nfusna u għall-oħrajn. L-ikel u x-xorb żejjed jagħmel ħsara, u s-sokor ukoll.

Kieku Ġesù qed jgħid dal-kliem illum, mas-sokor iżid magħhom ukoll is-sustanzi, id-drogi, li jistgħu għal mument jagħtu pjaċir imma jagħmlu ħafna ħsara. Nafu xi problema kbira għandna fis-soċjetà tagħna, f’pajjiżna. Nafu li jekk irridu nidħku bina nfusna, insejħu d-droga bi kliem ieħor biex tinħass aċċettabbli. Imma nafu li anke jekk nagħlqu għajnejna, jew nagħmlu għamad quddiem għajnejna, ir-realtà xorta tibqa’ hemm, u xorta nkunu qed nagħmlu ħsara lilna nfusna u lill-oħrajn. Ħafna drabi, min jispiċċa vittma tad-droga joħloq ukoll vittmi oħra miegħu jew magħha.

Għalhekk l-ewwel mod kif ngħixu ppreparati hu billi noqogħdu attenti minn dak kollu li jġib il-ħsara fuqna nfusna jew fuq l-oħrajn.

Dak li hu tajjeb imma jeħdilna rasna

Ġesù jgħid ukoll: “Tħallux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja jeħdilkom raskom” (Lq 21:34). Hawn Ġesù mhux qed jitkellem fuq il-ħażin li rridu noqogħdu attenti minnu. Qed jitkellem fuq it-tajjeb, fuq il-ħtiġiet tal-ħajja. Imma qed jgħid li jekk aħna ma nindunawx, jista’ jiġrilna li nkunu għaddejin kontinwament minn ħaġa għal oħra, b’mod li ma niqfux napprezzaw dak li qed ngħixu. B’dan ir-ritmu mgħaġġel, jista’ jiġri li nitilfu l-essenzjal tal-ħajja.

Kultant nispiċċaw f’din il-ġirja ta’ affarijiet li joħolqulna ħafna tħassib, li jimlew rasna u jtellfuna l-apprezzament veru ta’ dak li nkunu qed ngħixu.

Ħajjitna talba kontinwa

Imbagħad Ġesù jsemmi xi ħaġa oħra: “itolbu l-ħin kollu” (Lq 21:36). X’ifisser dan? Ġesù żgur qed jurina l-importanza tat-talb. Mhux qed jgħid li l-ħin kollu, kull mument tal-ġurnata, irridu ngħidu xi talba jew oħra. Imma qed iħeġġiġna biex ikollna l-ħin tagħna tat-talb, ħin fis-skiet u ħin ta’ talb fil-komunità bħalma nagħmlu meta niltaqgħu flimkien għaċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa, l-isbaħ talba tagħna; u mbagħad dan jgħinna biex il-ħidma kollha li nagħmlu u l-ħajja kollha tkun talba, jiġifieri offerta li nagħmluha lil Alla.

B’dan il-mod iridna nippreparaw ruħna Ġesù. Meta jgħid “ishru” (Lq 21:36), qed iħeġġiġna biex inkunu ppreparati. L-Avvent hu dan iż-żmien li jgħinna ħafna f’dan, għax fl-Avvent aħna nagħmlu preparazzjoni għall-ġurnata meta niċċelebraw il-miġja ta’ Ġesù fostna li seħħet tant snin ilu; imma preparazzjoni wkoll għat-tieni miġja tiegħu fil-glorja. Dawn huma ż-żewġ miġjiet ta’ Ġesù li għalihom jippreparana l-Avvent.

Nitolbu lill-Mulej illum li ħajjitna tkun tassew ħajja ta’ tama Nisranija, li tgħinna negħlbu l-biża’ u l-ansjetà, tqawwilna qalbna u tgħinna nżommu rasna merfugħa; u dan għax ngħixu kif iridna hu: dejjem ippreparati.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta