Għeżież żgħażagħ intom u tirċievu dan is-sagrament għażiż, aħna nitolbu ħafna għalikom biex id-don tal-Ispirtu s-Santu li se tirċievu bit-tqegħid tal-idejn, bid-dilka biż-żejt tal-griżma, bit-talba tal-Knisja jkun għalikom sinjal sabiħ ta’ kemm Alla jħobbkom. L-Ispirtu s-Santu hu l-ispirtu ta’ Alla li hu mħabba.

Ejjew nifhmuha din. Fejn hemm l-ispirtu ta’ Alla se jkun hemm dejjem l-imħabba. Allura meta nħarsu madwarna u fina nfusna u naraw dak kollu li mhuwiex imħabba, nistaqsu lilna nfusna: Imma dan ġej minn Alla jew le? L-għira, il-kattiverja, iz-zekzik fuq ħaddieħor, il-mibegħda, il-ġlied, il-firda, dawn mhux ġejjin min Alla. X’inhu l-frott tal-Ispirtu s-Santu? Kif tinduna li fil-qalb tiegħek qiegħed isaltan l-ispirtu tal-Mulej? Il-paċi tal-qalb, ir-rażan, il-ħlewwa fil-kliem, il-paċenzja, is-sabar, l-umiltà, l-ispirtu ta’ servizz jew ta’ qadi, l-ispirtu ta’ ġustizzja, tas-sewwa dan kollu ġej mill-ispirtu ta’ Alla.

Aħna qegħdin nitolbu ħafna għalikom, għeżież żgħażagħ biex intom u tirċievu dan id-don ikollkom il-qawwa tagħmlu għażliet immexxija mill-Ispirtu s-Santu għax l-Ispirtu s-Santu mhux se jġagħlek tagħmel xi ħaġa bilfors. Alla li ħalqek liberu, libera tagħżel inti. Mhux se jneħħilek dan id-don li tak. Se jagħtik id-dawl, l-għajnuna biex bil-libertà li tak tagħżel tajjeb, tħaddimha tajjeb.

Illum m’hemmx għalfejn ngħidilkom ‘meta tikbru’, illum  il-ġenituri tagħkom, min jieħu ħsiebkom, il-qraba tagħkom jafu li inti u għaddej mit-toroq tal-Belt issib ħwienet tal-fjuri u ħwienet li jbigħu ħafna affarijiet sbieħ u oħrajn inqas, u trid tagħżel għax hawn ħafna għażla. U ommok u missierek mhux dejjem se jkunu fil-but; trid tkun inti, l-għaqal li jagħtik il-Mulej biex tagħżel tajjeb ħalli ’l ommok u ’l missierek wara l-bieb ma ġġibilhomx trakk inwkiet – ifhmuni – mhux iġġibilhom trakk inkwiet! Imma xi aħbar sabiħa.

Nitolbu ħafna għalikom biex il-Mulej imexxikom dejjem u aħna nafdawkom ukoll fl-interċessjoni tal-mamà tiegħu, ta’ Sidtna Marija.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 2:1-11
Salm: 103 (104):1ab,24aċ,29bċ-30,31,34
Qari II: 1 Kor 12:3b-7,12-13
L-Evanġelju: Ġw 20:19-23

Aktar ritratti