• ****

    Direttur:          Patrick Hughes

    Atturi:              Ryan Reynolds, Samuel L. Jackson, Gary Oldman, Salma Hayek, Elodie Yung, Joaquim de Almeida, Kirsty Mitchel u Richard E. Grant

    Ħin tal-Film:    118 min

    Maħruġ minn KRS  Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                  15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       18

    Michael Bryce, aġent speċjali, jingħata nkarigu importanti ħafna li jipproteġi lil Darius Kincaid, hitman magħruf. Ma kinitx sejra tkun missjoni ħafifa għaliex barra li Bryce sab ruħu jieħu ħsieb l-ikbar għadu tiegħu f’ħajtu, jiġi fdat iwwassal lil Kincaid, qawwi u sħih,  minn Londra ghal Hague ġewwa l-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja. Hemm kellu jkun ix-xhud ewlieni f’kawża kontra Vladislav Dukhovich, dittatur bla kuxjenza mixli għal tant attroċitajiet li kien wettaq f’pajjiżu.  Kienet sejra tkun diffiċli għat-tnejn li jaslu fil-ħin biex Kincaid jagħti x-xhieda tiegħu! Ix-xhieda ta’ Kincaid kienet il-qofol tal-każ u mingħajrha ma kienx sejjer ikun hemm provi biżżejjed biex it-tribunal internazzjonali jsib lil Dukhovich ħati u hekk jieħu dak li ħaqqu. 

    Fil-ħajja, Bryce u Kincaid kienu għedewwa kbar:  Bryce kien jaħdem biex il-klijenti li kienu jħaddmuh, iżommhom ħajjin, kienux tajbin jew ħżiena. Kincaid, min-naħa l-oħra, kellu karriera stupenda u kien jiġi mqabbad biex jelimina lil xi ħadd fosthom anke dawk li Bryce kellu jieħu ħsieb. Hu magħruf li Kincaid kien kważi elimina lil Bryce mill-inqas 28 darba iżda darba biss, Kincaid kien irrnexxielu joqtol lil xi ħadd li Bryce kien imqabbad biex jieħu ħsieb. Dan id-delitt, fil-fatt, kien wassal biex Bryce jtemm ir-relazzjoni li kellu ma’ aġent mill-Interpol, Amekia Roussel. Bryce fil-mument kien qiegħed jagħmilha ta’ xufier lil wieħed barun tad-droga, waqt li  Kincaid kien qiegħed jiskonta piena l-ħabs. Martu Sonia, magħrufa daqs ir-raġel tagħha, kienet tinsab ukoll fil-ħabs u Kilcaid kien lest li jirriskja ħajtu għaliha.

    Sfortunatament kien hemm xi hadd minn ġewwa li kien ġa ikkomprometta din il-missjoni, meta direttament kien ftieħem ma’ Dukhovitch biex  il-merċinarji li kien qabbad jeliminaw lil Kilcaid fi triqtu lejn it-tribunal.  X’jiġri minn Bryce u Kincaid fit-triqthom lejn il-Hague, hekk kif il-merċenarji mikrija minn Dukhovich kienu lesti għal kollox biex jaraw li dawn ma jaslu qatt fil-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja?   

    Film Amerikan, mimli azzjoni u f’waqtiet komiku, hu taħt id-direzzjoni ta’ Patrick Hughes, kitba ta’ Tim O’Connor. Minħabba t-tema tal-film, vjolenza kontinwa u ħarxa, qtil goff kif ukoll koabitazzjoni, kliem profann u pervers b’nuqqas ta’ valuri morali, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.