L-ewwel att ta’ Papa ġdid, dritt wara li jaċċetta l-elezzjoni kanonika bħala Suċċessur ta’ Pietru u qabel iwettaq obbligi oħra, hu l-għażla ta’ ismu. Dan l-isem jitħabbar mill-Kardinal Protodjaknu wara l-famużi kelmiet “Habemus Papam”, segwiti mill-isem tal-magħmudija tal-Papa l-ġdid bil-Latin.

It-tradizzjoni antika li jinbidel l-isem tal-magħmudija

Skont tradizzjoni antika ħafna, dan l-isem irid ikun differenti minn dak tal-magħmudija – għażla li ssegwi l-preċedent tal-ewwel Papa, San Pietru, li l-isem tat-twelid tiegħu kien Xmun.

Din id-drawwa kienet diġà teżisti fl-ewwel millennju tal-Kristjaneżmu biex tfisser li l-elezzjoni għall-Katedra ta’ Pietru tixbah lil tieni twelid.

Fis-sekli bikrin tal-Kristjaneżmu ħafna Papiet bidlu isimhom għax l-ismijiet oriġinali tagħhom kienu ta’ oriġni pagana.

Madankollu, mhux il-Papiet kollha mxew ma’ din il-prattika. Minn 266 Papa fl-istorja, 129 għażlu isem ġdid.

Din it-tradizzjoni saret prattika komuni sa mis-sena 955 mal-Papa Ġwanni XII, u kompliet sal-lum, bl-eċċezzjonijiet ta’ Adrijanu VI (1522-1523) u Marċellinu II (1555). Għal xi Papiet, l-isem il-ġdid fil-verità kien it-tielet wieħed f’ħajjithom, għax huma kienu ġejjin minn ordnijiet reliġjużi.

Ir-raġuni wara l-għażla ta’ isem

Fejn tidħol l-għażla tal-isem, ħafna spiss jagħżlu l-istess isem tal-predeċessur immedjat jew riċenti tagħhom, u dan b’rispett, ammirazzjoni u rikonixximent, li juri wkoll ix-xewqa tagħhom li jimxu fil-passi tagħhom u jissoktaw fl-istil tal-aktar pontifikati relevanti.

Oħrajn jagħżlu isem differenti minn dak tal-predeċessur immedjat tagħhom, xi drabi biex ifissru l-impenn tagħhom lejn innovazzjoni u bidla. Xempju kbir ta’ dan kien il-Papa Franġisku, l-ewwel Papa fl-istorja li addotta l-isem tal-Qaddis Fqajjar ta’ Assisi.

L-aktar ismijiet komuni: Ġwanni, Girgor, Benedittu u Piju

Fl-istorja tal-Papat, l-aktar isem komuni li ntuża kien Ġwanni, li l-ewwel wieħed li għażlu fis-sena 523 kien San Ġwanni I, Papa u martri. L-aħħar Papa li għażel dan l-isem kien it-Taljan Angelo Giuseppe Roncalli, elett Papa Ġwanni XXIII fl-1958, li ġie pproklamat qaddis mill-Papa Franġisku fl-2014.

Ismijiet oħra użati spiss jinkludu Girgor, f’ġieħ il-Papa Girgor I, magħruf komunement bħala San Girgor il-Kbir (590-604), u li ntuża l-aħħar minn Girgor XVI fl-1831, u Benedittu, li ntgħażel 16-il darba, inkluż minn Joseph Ratzinger fl-2005.

Ismijiet oħra rikorrenti fit-tradizzjoni Papali jinkludu Klement, Innoċenz, Ljun, u Piju.

Mill-1775 sal-1958, minn 11-il Papa, 7 ħadu l-isem ta’ Piju, minn Piju VI (1775-1799) sa Piju XII (1939-1958). Eugenio Pacelli ħa l-isem ta’ Piju XII għax kien qarib mill-bogħod ta’ Piju IX (1846-1878), imma wkoll bi gratitudni lejn Piju X (1903-1914), ikkanonizzat fl-1954, u fl-aħħar, b’rikonoxximent dirett lejn Piju XI (1922-1939), li għamlu Kardinal u Segretarju tal-Istat.

Fost l-ismijiet li qatt ma ntgħażlu minn Papa hemm Ġużeppi, Ġakbu, Andrija, u Luqa. Ebda Papa qatt ma għażel l-isem ta’ Pietru, b’sens ta’ qima lejn l-ewwel Isqof ta’ Ruma.

Sitt Papiet bl-isem tal-Appostlu Pawlu

Imma hemm sitt Papiet li ħadu l-isem tal-Appostlu Pawlu, fosthom il-Papa Montini (Pawlu VI, 1963-1978), li l-għażla tiegħu kienet tirrifletti wieħed mill-aspetti ewlenin tal-pontifikat tiegħu – il-bidu tal-Vjaġġi Appostoliċi barra minn Ruma.

Żewġ Papiet b’żewġ ismijiet

L-ewwel Papa li addotta żewġ ismijiet flok wieħed kien Albino Luciani fl-1978, li sar Ġwanni Pawlu I, biex jenfasizza l-kontinwità mal-pontifikati ta’ Ġwanni XXIII u Pawlu VI. Is-suċċessur tiegħu, Karol Wojtyła, irrepeta l-għażla tiegħu u għażel Ġwanni Pawlu II.

Benedittu XVI, fl-ewwel Udjenza Ġenerali tiegħu fis-27 ta’ April 2005, fisser li kien għażel l-isem ta’ Benedittu biex simbolikament jorbot mal-Papa Benedittu XV, li mexxa l-Knisja tul il-perjodu mqalleb tal-Ewwel Gwerra Dinjija, u mal-figura straordinarja ta’ San Benedittu ta’ Norcia, Missier il-Monastiċiżmu tal-Punent u Kompatrun tal-Ewropa.

Source: Newsbook.com.mt