-
-
***
Direttur: Rupert Everett
Atturi: Rubert Everett, Colin Firth, ColinMorgan, Emily Watson, Tom Wilkinson, Anna Chancellor, Edwin Thomas, Beatrice Dalle, Julian Wadham u John Standing
Ħin tal-Film: 105 min
Maħruġ minn Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 15
Il-film jiffoka fuq l-aħħar tliet snin mill-ħajja traġika ta’ Oscar Wilde wara li ħareġ mill-ħabs meta nstab ħati ta’ mġieba xejn korretta u tmur kontra d-deċenza. Wilde kien ġa maghruf sew bħala l-poeta Irlandiż u drammaturgu. Sfortunatament, wara din l-esperjenza, Wilde ddeċieda li jeżilja ruħu barra l-Ingilterra u jmur jgħix ġewwa Franża. Dan kien ifisser li kellu jabbanduna lill-martu, Constance Lloyd u ż-żewġ uliedu barra wkoll l-maħbub tiegħu “Bosie” Douglas li kien minħabba fih li kien sab ruħu fl-inkwiet u weħel sentejn ħabs. Permezz ta’ flashbacks, Wilde joħlom fuq ħajtu qabel ma sab ruħu f’din il-qagħda ta’ mistħija. Ħu jinsisti mieghu nnifsu li jimxi skont dak li tgħidlu qalbu u dan kien ifisser li sejra twasslu għal ħafna wġigħ u nkwiet.
Wilde kellu jgħix nieqes minn kollox l-aktar meta martu Constance żammitlu s-somma flus li kienet tibgħatlu minn żmien għal żmien. Fi flashbacks li spiss kien ikollu, Wilde spiss kien jiftakar kif kien ġie ttrattat meta kien fl-istazzjon ta’ ferrovija meta kien immanettjat ma’ gwardjan, jistenna ferrovija biex tieħdu lejn ħabs ieħor. Kien ukoll jiftakar fiż-żewġ uliedu meta kien jirrakkontalhom xi storja qabel ma jorqdu, fosthom l-istorja: The Happy Prince u kif dawn kienu jieħdu tant pjaċir hekk kif Wilde kien jirrakontalahom din l-istorja. Wilde spiċċa issa jirrakonta din l-istorja lil wieħed tifel li kien jgħix fit-toroq ta’ Pariġi. L-istorja The Happy Prince, miktuba minn Wilde stess hi storja ta’ kif it-tbatija li wieħed isofri għad-dnubiet tal-oħrajn tiġi ppremjata f’ħajja oħra. Fl-aħħar ta’ ħajtu, li ntemmet fl-età ta’ sitta u erbgħin sena, Wilde talab għall-assistenza ta’ saċerdot Kattoliku u qerr. Għalkemm fit-tliet snin ta’ eżilju, Wilde xtaq ħafna li jirrikonċilja ma’ martu Constance, iżda l-ġibda li kellu għal Lord Alfred “Bosie” Douglas kienet iktar qawwija, b’riżultat diżastruż. B’xorti tajba, dak li Wilde ma sabx f’Lord Douglas, sabu fi ħbiberija ġenwina ta’ Robbie Ross, l-aġent litterarju tiegħu u Reggie Turner.
Film Brittaniku, dramm biografiku fuq Oscar Wilde, taħt id-direzzjoni u kitba ta’ Robert Everett li ħadem il-parti ta’ Oscar Wilde fil-film. Minħabba t-tema tal-film, kliem goff u mġieba mhux tant eżemplari, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.