L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Ejja qiegħed idek fuqha u hija tgħix” (Mt 9:18). Dan hu l-kliem ta’ wieħed mill-kapijiet li mar isib lil Ġesù, inxteħet f’riġlejh, u talbu bil-ħerqa biex imur għax bintu kienet għadha kemm mietet. U għalhekk jagħmillu din it-talba ħerqana. Dar-raġel kellu din il-fidi f’Ġesù, u għamel minn kollox biex jasal għandu ħalli lil Ġesù jagħmillu din it-talba.
Nixtieqkom tinnutaw dan il-kliem: “ejja qiegħed idek fuqha”. Għaliex, fil-fatt, meta Ġesù mal-ewwel, kif qallu r-raġel, beda miexi lejn id-dar tiegħu – mal-ewwel laqa’ t-talba tiegħu – fit-triq rajna li kien hemm mara li kienet ilha tnax-il sena sħaħ tbati bit-tnixxija tad-demm u din marret għax irraġunat hekk: “Imqar jekk immiss il-libsa tiegħu, infiq” (Mt 9:21). Għalhekk marret fejn Ġesù biex tmiss il-libsa tiegħu. Mela minn naħa għandna dan ir-raġel li qed jitlob lil Ġesù biex iqiegħed idu fuq it-tifla ħalli tgħix, u għandna din il-mara li tqiegħed idha fuq it-tarf tal-libsa ta’ Ġesù biex hi jkollha ħajja ġdida, biex tfiq.
Jekk inħarsu lejn Ġesù, naraw li għalih kull persuna hija importanti. Kemm jekk hija t-tifla ta’ wieħed mill-kapijiet, kif ukoll jekk hija mara ta’ ħajja ordinarja. Kemm jekk hija tifla għadha żgħira kif ukoll jekk hija mara li għandha ċertu żmien. Għal Ġesù kull persuna hija importanti, hi min hi; kull persuna għandha d-dinjità tagħha. U naraw lil Ġesù wkoll li lest li jbiddel triqtu, li jmur barra minn triqtu biex jaqdi u biex lil din it-tifla jagħtiha l-ħajja mill-ġdid; imma lest ukoll li jieqaf fi triqtu biex lil din il-mara jagħtiha l-fejqan. Dan hu Ġesù li jsalva, Ġesù li jfejjaq, Ġesù li għalih kull persuna importanti, Ġesù li jmur barra minn triqtu, jew jieqaf fi triqtu, biex jagħti din il-ħajja ġdida.
Nixtieqkom ukoll tinnutaw kif Ġesù, meta jagħmel dawn iż-żewġ mirakli, jagħmilhom fis-skiet u fil-kwiet. Dik il-mara li missitlu t-tarf tal-libsa, fieqet u Ġesù dar fuqha u qalilha: “Binti, il-fidi tiegħek fejqitek” (Mt 9:22). Kollox fil-kwiet u fis-skiet. U meta mar biex jagħti ħajja ġdida lil dik it-tifla li kienet għadha kif mietet, u ra li hemmhekk kien hemm storbju sħiħ – l-Evanġelju jgħid li “ra d-daqqaqa tal-flawt u folla nies jagħmlu storbju sħiħ” (Mt 9:23) – keċċa lin-nies minn hemm u hu għamel il-miraklu fil-kwiet u fis-skiet. Qabad it-tifla minn idha, din qamet, u hekk taha ħajja ġdida. Ġesù hekk jagħmel il-ġid, mhux b’ħafna storbju. Ma jħobbx dak li hu sensazzjonali, dak li joħloq agħa. Imma jagħmel il-ġid, u ġid kbir, fil-kwiet u fis-skiet.
Dan ir-rakkont għandu messaġġ sabiħ ħafna lilna. L-ewwel nett li aħna nagħrfu f’Ġesù dak li jsalvana, dak li jagħmlilna l-ġid, u jkollna fidi sħiħa fih. Hawn ninnutaw il-fidi li kellu dan il-kap li għamel minn kollox biex jasal għand Ġesù, għax kien jemmen li Ġesù seta’ jagħmel xi ħaġa, jiġifieri seta’ jagħti l-ħajja lil bintu; u l-fidi li ta’ din il-mara li qalet: imqar immisslu t-tarf tal-libsa. Imma flimkien mal-fidi it-tnejn li huma kellhom ukoll ir-rieda soda. Dan il-kap kellu r-rieda soda li jasal għand Ġesù, li jagħmel li jista’ għal bintu; u din il-mara li kellha rieda soda biex tasal għand Ġesù ħa tfiq. Kienet ilha tnax-il sena, setgħet qalet “xortija ħażina, x’tagħmel?” u ma għamlet xejn. Mentri din kellha rieda soda li tasal għand Ġesù. Il-fidi hi msieħba flimkien mar-rieda soda. Il-fidi lilna ma tagħmilniex passivi, idejna marbuta, ma nagħmlu xejn. Anzi, tmexxina, bħalma mexxiet lil dawn it-tnejn min-nies, timbuttana biex nagħmlu dak li hu meħtieġ għalina u għall-ġid tal-oħrajn.
Nitolbu lill-Mulej biex aħna dejjem nagħrfuh bħala dak li lilna jħobbna, li għalih aħna importanti, kull wieħed u waħda minna, u lilna jsalvana; u nitolbuh biex isaħħaħ fina l-fidi msieħba ma’ rieda soda li nagħmlu dak kollu li hu meħtieġ għall-ġid tagħna u għall-ġid tal-oħrajn.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta