• ***

    Direttur: Pierre Morel

    Atturi: Sean Penn, Idris Elba, Ray Winstone, Mark Rylance, Jasmine  Trinca, Peter Franzen u Javier Bardem

    Klassifika taċ-Ċensura: 15       

    Klassifika tal-Knisja: 18

    Jim Terrier, assassin merċinarju. jinsab f’missjoni flimkien ma’ oħrajn,  ġewwa r-Repubblika Demokratika tal-Congo f’isem klijent mhux magħruf. Jim jirnexxielu joqtol il-Ministru tal-Minjieri. Kien Felix, kollegga tiegħu li għażlu  biex iwettaq  din il-biċċa xogħol bi ħsieb li jqegħedu f’periklu kbir u hekk jkun jista’ jieħu  hu, t-tfajla li Jim kien iħobb. Din il-missjoni  kienet suċċess  għal min xtaq li jeħles minn dan il-politiku li kien qiegħed jagħmel ħiltu biex jikkontrolla l-kumpaniji multi-nazzjonali li l-għan ewlieni tagħhom kien li jħaxxnu buthom għad-detriment tal-pajjiz. Iżda dan il-qtil poġġa lil Jim f’qagħda mwegħra ħafna tant li biex jipproteġi lilu nnifsu u it-tim li ppjana dan l-assassinu, kellu jmur jistaħba minħabba l-fatt li kien qiegħed jistenna xi forma ta’ tpattija. Dak li Felix xtaq tassew: li Jim iwarrab min-nofs.  L-assassinu stess qajjem storbju kbir u protesti vjolenti ġewwa l-Congo. Jim sab ruħhu għal tant snin moħbi.

    Kellu jabbanduna lill-istess maħbuba tiegħu. Għaddew tmin snin wara dan l-assassinu u Jim reġa’  lura lejn il-Gongo, did-darba jagħmel parti minn NGO, jħaffer bjar għall-foqra tal-pajjiż.  Iżda ma tantx dam fil-kwiet għaliex sab ruħhu l-mira ta’ skawdra li dehret  biċ-ċar li kienet lesta tagħmel minn kollox biex telliminah. Min kien wara din l-iskwadra? Numru ta’ nies madwaru sfaw vittma minn din l-iskwadra fil-proċess biex jeliminaw lil Jim. Għal darb’oħra Jim kien sforżat li jinħeba għalkemm  beda jara min seta’ kien wara din l-iskwadra li kienet qegħda tiġri warajh billi jara min kienu l-membri li kienu jagħmlu mit-tim ta’ tmin snin ilu fosthom il-maħbuba li kellu u li kien ħalla bħal l-Erbgħa f’nofs ta’ gimgħa. Tgħid Jim isir jaf min kien wara dan l-attentat fuq ħajtu u għaliex?

    Film Amerikan mimli azzjoni taħt id-direzzjoni ta’ Pierre Morel u kitba ta’ Don Macpherson, Pete Travis u Sean Penn. Il-film fih tema ta’ ndiema minnaħa ta’ Jim li kien wettaq tant delitti iżda issa jinsab niedem minn dak li għamel. Minħabba li l-film fih ħafna vjolenza u qtil brutali, kif ukoll kliem goff,  imġieba xejn korretta fejn tidħol l-fedelta`  fiż-żwieġ, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.