L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Il-Papa Franġisku għandu mħabba kbira lejn Santa Tereża tal-Bambin Ġesù. Jgħidu li meta kien għadu ma sarx Papa – kien għadu l-Kardinal Bergoglio – kellu d-drawwa li meta jikteb xi ittra, anke ċkejkna, jibgħat magħha santa ta’ Santa Tereża. B’dan il-mod ried jenfasizza r-rabta speċjali ma’ din il-qaddisa. Kien ħadem ukoll biex ixerred l-imħabba lejha speċjalment qalb il-foqra li kienu jgħixu kultant f’miżerja.
Jirrakkonta wieħed li kien iltaqa’ miegħu Aparecida, il-Brażil, fejn kienu miġburin l-Isqfijiet tal-Amerika Latina, li l-Kardinal Bergoglio kien qallu: Tibżax li f’ħajtek tkun tiddependi biss mill-imħabba kbira u l-ħniena ta’ Alla bħalma turina Santa Tereża. F’Ruma wkoll – qed ngħidu qabel ma sar papa – kien spiss imur fi knisja żgħira viċin il-Vatikan, jitlob quddiem statwa ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù. Darba qal lil xi ħadd: ‘meta jkolli problema, nitlob lilha. Ma nitlobhiex biex issolvi l-problema, imma nerħiha f’idejha biex tagħtini l-għajnuna li għandi bżonn u tieħu ħsieb hi.’
Iż-żgħira li saret duttur tal-Knisja
Fil-fatt, meta nħarsu lejn il-Papa Franġisku nistgħu nifhmu aktar kif tista’ tgħix l-ispiritwalità ta’ din il-qaddisa li kienet żgħira, għexet biss 24 sena, kellha ħajja mill-aktar moħbija, sempliċi u umli, imma fl-istess waqt kienet kbira fl-imħabba lejn Alla u kbira fil-ħajja spiritwali.
Wara l-mewt tagħha u l-pubblikazzjoni tal-kitbiet tagħha, l-imħabba lejha nfirxet mad-dinja kollha. B’dan il-mod, hi għenet lill-Knisja kollha bit-tagħlim spiritwali profond tagħha. Il-vjaġġ tagħha spiritwali juri tant maturità, u hemm tant profondità fil-kitbiet tagħha li stħaqqilha tkun mal-imgħallmin kbar tal-ħajja spiritwali.
Dan wassal lil Papa Ġwanni Pawlu II biex jiddikjaraha duttur tal-Knisja fid-19 ta’ Ottubru 1997, l-iżgħar duttur tal-Knisja. Jien kelli x-xorti li nkun hemm u nikkonċelebra f’din iċ-ċelebrazzjoni sabiħa fi Pjazza San Pietru billi dak iż-żmien kont għall-istudju Ruma. Dakinhar hemmhekk għext b’mod qawwi l-esperjenza tal-kliem ta’ Ġesù li smajna fl-Evanġelju llum: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ … urejthom liċ-ċkejknin.”
Tereża hija waħda miż-żgħar tal-Evanġelju li Alla mexxa biex tagħraf il-profondità tal-misteru tiegħu. Hija gwida għal kulħadd. Ħa naraw x’tgħallimna għal ħajja tagħna.
L-imħabba lejn Ġesù
Tereża hi esperta fix-‘scientia amoris’, kif jgħid Ġwanni Pawlu II fl-Eżortazzjoni Appostolika Fil-Bidu ta’ Millennju Ġdid, 42. Fil-fatt il-ktieb tagħha L-Istorja ta’ Ruħ, li kien ippubblikat sena wara l-mewt tagħha, juri storja meraviljuża ta’ mħabba, li Tereża tesprimiha b’awtentiċità u b’sempliċità li jolqtuk.
X’kienet din l-imħabba li mliet il-ħajja kollha ta’ Tereża? Papa Benedittu XVI ifissirha hekk: l-imħabba għandha isem: Ġesù. Tereża titkellem kontinwament fuq Ġesù. Ta’ 14-il sena għaddiet minn dik li sejħet konverżjoni kompleta f’ħajjitha, b’mod li b’fidi kbira saret viċin Ġesù Msallab. Kellha fiduċja sħiħa fil-ħniena bla tarf ta’ Ġesù.
Meta kienet fl-ewwel snin bħala soru, missierha beda jsofri minn problemi ta’ saħħa mentali, u dan ikkawża sofferenza kbira lil Tereża u għenha tikkontempla l-wiċċ ta’ Ġesù fil-Passjoni. Għalhekk, isimha fil-ħajja reliġjuża – Suor Tereża tal-Bambin Ġesù u tal-Wiċċ Qaddis – jesprimi l-programm tal-ħajja tagħha f’għaqda mal-misteri tal-Inkarnazzjoni u tal-Fidwa.
Għal Tereża, li tkun reliġjuża kien ifisser li tkun l-għarusa ta’ Ġesù. L-aħħar perjodu tal-ħajja ta’ Tereża kien karatterizzat b’għaqda profonda mal-Passjoni ta’ Ġesù, speċjalment bil-marda li wasslitha għall-mewt fost ħafna tbatija. Kienet prova iebsa għall-fidi tagħha, u għexet dan iż-żmien f’għaqda ma’ Marija taħt is-salib ta’ Ġesù.
Tereża kontinwament daħlet fil-qalba tal-Iskrittura u għarfet il-Misteru ta’ Kristu. Tirrakkonta hekk: ‘Kull meta niftaħ l-Evanġelju, mal-ewwel nista’ nħoss ir-riħa tfuħ tal-ħajja ta’ Ġesù, u naf liema triq għandi naqbad. Kieku kelli fuq il-kuxjenza ħafna dnubiet li għamilt, u qalbi miksura mid-dieqa, nintefa’ fid-dirgħajn ta’ Ġesù Salvatur, għax naf li hu jħobb l-iben il-ħali li jirritorna għandu.’
Kellha mħabba kbira lejn l-Ewkaristija. Fl-aħħar ittra, tikteb: ‘ma nistax nibża’ minn Alla li għamel lilu nnifsu daqshekk ċkejken għalija … Inħobbu! Fil-fatt hu biss imħabba u ħniena. Il-ħniena tiegħu hi bla tarf.’ Nistgħu nifhmu għaliex il-Papa Franġisku – li tant iwassal il-messaġġ tal-ħniena bla tarf ta’ Alla – hu daqshekk qrib Santa Tereża tal-Bambin Ġesù.
Tereża mietet fit-30 ta’ Settembru 1897, bil-kliem sempliċi “O Alla tiegħi, inħobbok” waqt li kienet qed tħares lejn il-Kurċifiss li kienet qed iżżomm f’idha. Dan il-kliem hu fil-qalb tal-kitbiet kollha tagħha.
Esperta fl-imħabba
Tereża għexet l-imħabba lejn l-oħrajn b’mod tassew qawwi. Għexet il-kliem li smajna lil San Ġwann jgħid fit-Tieni Qari: “Ejjew inħobbu lil xulxin, għax l-imħabba ġejja minn Alla, u kull min iħobb hu mwieled minn Alla u jagħraf lil Alla.” Tereża ħabbet lis-sorijiet fil-komunità – u hawn mas-sorijiet għexet esperjenzi ta’ prova kbira; ħabbet lis-saċerdoti – saret soru bl-iskop titlob għas-saċerdoti u li ssalva l-erwieħ; kellha mħabba għall-popli kollha, speċjalment dawk l-aktar imbiegħda. Bir-raġun Papa Piju XI fl-1927 kien iddikjara lil Santa Tereża ‘Patruna tal-Missjonijiet’. Għarfet il-vokazzjoni tagħha li tkun l-imħabba fil-qalb tal-Knisja.
Qalb it-tbatija, kienet tgħix l-imħabba fl-affarijiet iż-żgħar tal-ħajja ta’ kuljum. Jirrakkontaw li darba kienet sejra r-refettorju ma’ soru anzjana, Sr Pierre, li ma setgħetx timxi sew u kienet qed tipprova tgħinha timxi. Imma din is-soru anzjana ma riditx, bdiet tgħidilha “tmissnix” u kliem ieħor simili. Daħlu r-refettorju, u Tereża pprovat tgħinha biex toqgħod bilqiegħda, imma qaltilha: “Qed tweġġagħni”. U Tereża, flok bdiet tgħajjat jew imtliet bin-nervi, lestiet il-ħobż biex tagħtih lilha. Hi din l-imħabba fl-affarijiet iż-żgħar, li kienet karatteristika ta’ Tereża u turi l-kobor tagħha. Għalhekk Tereża hi qrib ħafna tagħna – għax turina dak li lkoll kemm aħna nistgħu nagħmlu f’ħajjitna: li l-affarijiet iż-żgħar, ordinarji, tal-ħajja ta’ kuljum ngħixuhom bl-akbar imħabba.
Illum nirringrazzjaw lill-Mulej li tana lil Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, din il-qaddisa hekk għażiża. Nitgħallmu minnha li nirrepetu lill-Mulej kuljum fit-talb tagħna l-kliem tagħha: aħna rridu ngħixu biex inħobbuk u biex inħobbu lill-oħrajn, u nitgħallmu kif inħobbu b’mod awtentiku u totali.
Tlabna fil-bidu tal-quddiesa: “O Alla, int tħejji s-saltna tiegħek għaċ-ċkejken u l-umli.” Nitolbu lil Santa Tereża tal-Bambin Ġesù turina din it-triq u tgħallimna l-fiduċja sħiħa f’Alla. Hi żgur tgħin lin-nies sempliċi, liż-żgħar, lill-fqar, lill-anzjani – li bħalissa għaddejjin minn prova tassew iebsa bil-pandemija – u lil dawk kollha li jkunu għaddejjin mit-tbatija. Tgħinna biex niftakru li meta ngħixu bl-ispirtu tagħha, inkunu qed insibu l-milja tal-ħajja, dak li jagħtiha skop u jagħmilha tassew ħajja sabiħa.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju