**
Direttur: Chris Lofing, Travis Cluff
Atturi: Reese Mishler, Pfeifer Brown, Ryan Shoos, Cassidy Gifford
Ħin: 81 minuti
Klassifika tal-Gvern: 12
Klassifika tal-Knisja: 15
Fl-1993, waqt li Charlie Grimille kien qed jirreċta fi play jisimha ‘The Gallows’ fl-iskola sekondarja li kien jattendi f’Nebraska, b’aċċident misterjuż huwa jitgħallaq u jmut. Għoxrin sena wara l-iskola tiddeċiedi li terġa’ ttella’ dik l-istess play bħala tifkira ta’ Charlie minkejja li xi ġenituri kienu jibżgħu li l-ispirtu ta’ Charlie kien iħuf fl-auditorium fejn tilef ħajtu. Reese, stilla tal-futball amerikan, jidħol biex jaħdem il-parti ewlenija tal-play bil-għan li jimpressjona lil attriċi Pfeifer li kellu grazzja magħha; sieħbu Ryan, li għandu manija biex jiffilmja kull ma jara, joqgħod jgħaddih biż-żmien dwar ir-romantiċiżmu tiegħu. Ryan jikkonvinċi lil Reese biex jidħlu bil-moħbi fl-iskola bil-lejl u jfarrku l-armar tal-play biex il-play ma ssirx u b’hekk Reese, li ma jafx jirreċta, ma jaqgħax għaċ-ċajt quddiem Pfeifer. Il-ħabiba ta’ Ryan tisma’ x’qal lil Reese u tinsisti li tmur magħhom. Waqt li jkunu ġewwa u jibdew ifarrku is-sett titfaċċa wkoll Pfeifer bla mistenni. L-erba’ li huma jindunaw li sfaw imsakkrin ġo l-iskola, il-mobiles tagħhom ma’ jibdewx jaħdmu, jinqata’ d-dawl, eċċ, filwaqt li l-iktar parti kruċjali tas-sett, it-taraġ li jagħti għal forka u l-forka nnifisha, li ħasbu li kienu farrkuha fil-fatt kienet għadha hemm. Minn hemm il-quddiem l-affarijiet jibdew imorru mill-ħażin għall-għar għall-erba’ li huma.
Film tal-biża’, ibbażat fuq ‘found footage’, il-materjal li jkun iffilmja Ryan u li jinstab aktar tard. Il-film ftit li xejn fih materjal oriġinali imma jikkopja dak li użaw films oħra ta’ qablu biex ibeżżgħu. Il-film fih xeni vjolenti u xi kliem ħażin. Jgħodd għal dawk il-fuq minn 15 il-sena.