• **

    Direttur:           Gerard McMurray

    Atturi:              Y’Lan Noel, Lex Scott Davis, Joivan Wade, Mugga, Christan Robinson, Lauren Velez, Kristen Solis, Marisa Tomei, Patch Darragh, Maria Rivera u Chyna Layne

    Ħin tal-Film:    97 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                  15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       18       

    Skeletor, miġnun minħabba l-vizzju tad-droga, jirrivela l-ħsibijiet koroħ li kellu fosthom ix-xewqa li jagħmel “purge” billi jisfoga l-mibegħda tiegħu fuq in-nies. Leħen jgħidlu li dalwaqt ikun jista’ jagħmel dan. L-irvellijiet waqqgħu l-gvern bis-saħħa tal-New Founding Fathers of America (NFFA). Fost il-membri ta’ dan il-moviment politiku nsibu lil Arlo Sabian u Dr. May Updale li ħabbru esperiment li kien sejjer iseħħ għal tnax-il siegħa fuq Staten Island. Iċ-ċittadini jkunu jistgħu jisfogaw l-inibizzjonijiet tagħhom kif xtaqu. L-NFFA, bħala rikompens, offrit $5000 lil min kien sejjer jibqa’ ġewwa daru u daqshekk ieħor, lil dawk li kienu sejrin jieħdu sehem fl-esperiment. Dawn tal-aħħar tahom strument biex isegwuhom u contact lenses biex jkunu jistgħu jaraw x’qegħdin jagħmlu. Dimitri, traffikant tad-droga, nforma lil dawk li kien iforni d-droga li kien sejjer jitlaq iżda Capital A, traffikant ieħor, xtaq jibqa’ biex jieħu parti fil-“purge.

    Sadanittant, Isaiah, żagħżugħ drogat, jidħol fi ġlieda ma’ Skeletor li jferih f’għonqu. Isaiah jmur għand oħtu Nya biex tikkurah. Nya tmur għand Dimitri, eks nammrat tagħha u takkużah li qiegħed iforni lil ħuha bid-droga. Sadanittant, ħafna nies jibdew iħallu Staten Island. Nya tingħaqad ma’ ħbiebha, Dolores, Luisa u Selina u jmorru għal kenn ġewwa knisja. Dimitri  jibqa’ hemm għaliex Capital A jibagħtlu żewġ prostituti fl-uffiċċju li wara jirriżulta li kienu ntbagħatu minnu biex joqtluh, attentat li ma rnexxiex.

    Minnaħa l-oħra, Skeletor iwettaq l-ewwel delitt li jiġi rrekordjat minn NFFA. Isaiah jikkonfronta lil Skeletor iżda jfalli li joqtlu b’riżultat li Skeletor jiġri warajh, b’Isaiah isejjaħ lil oħtu Nya li tinqabad minn Skeletor li jipprova jistupraha. Isaiah iżda jferi lil Skeletor u hu u Nya jaħarbu minn fuq il-post. Lura fil-knisja, hemm jaraw “Purgers” ħerġin mill-knisja mċappsin demm. X’isibu meta jidħlu ġewwa? Luisa u Selina jsalvaw iżda Dolores tinstab wara fl-apartament tagħha. X’kien qiegħed jiġri eżattament? Dr. Updale tinnota fuq videos li fost il-“Purgers” kien hemm merċinarji joqtlu lil kull min isibu. Kif sejra tispiċċa din il-Purge u x’kien il-għan tal-NFFA wara dan l-esperiment?

    Film Amerikan, tal-biżà, taħt id-direzzjoni ta’ Gerard McMurray u kitba ta’ James DeMonaco. Minħabba vjolenza eċċessiva, qtil bla sens kif ukoll attivitajiet sesswali anormali u kliem goff, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.