-
The fiftieth anniversary of ‘Dar tal-Kleru’ and the ‘Qaddejja tac-Cenaklu’
-
Nhar il-Ħamis 22 ta’ Mejju 2014, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. iċċelebra Quddiesa ta’ ringrazzjament fl-okkażjoni tal-ħamsin anniversarju mit-twaqqif tad-Dar tal-Kleru u tal-Qaddejja taċ-Ċenaklu, fis-Santwarju ta’ Santa Tereża, Birkirkara.
Aqra l-messaġġ tal-Arċisqof għal din l-okkażjoni.
-
-
Ħuti,
Aħna llum qegħdin infakkru l-ħamsin sena mill-inawgurazzjoni tad-Dar tal-Kleru. Imma l-istorja tad-Dar tal-Kleru fil-bidu tagħha ma tingħalaqx fi ġrajja waħda biss. Hemm tlett interventi ta’ Alla li kienu importanti, kruċjali, biex dan kollu jseħħ.
L-ewwel ħaġa kienet l-imħabba kbira li kellu Mons. Salv Grima għas-saċerdoti. Qabel ħafna ma beda biex jibni dak is-santwarju fejn illum qiegħda d-Dar tal-Kleru, huwa kien diġa wera preokkupazzjoni kbira għall-qdusija tal-kleru. U għalhekk Alla nqeda b’din l-imħabba tiegħu biex jasal għal xi ħaġa differenti u kbira.
It-tieni intervent li għamel Alla fl-istorja hija li ħu l-Monsinjur, li kien jismu Anġlu, kien għamel wegħda li jekk fil-gwerra ma jintilef ħadd mill-familja tiegħu jew mill-ħaddiema tiegħu, huwa jibni kappella. U kien se jibniha. Imma l-Monsinjur imur għand waħda anzjana tal-Mużew, Conċetta Galea u jgħidilha li ħuh se jagħmel kappella ġdida. U din il-mara, imnebbħa, qaltlu li l-Mulej mhux kappella jridek tagħmel imma dar għas-saċerdoti. U l-Monsinjur li kien miftuħ għat-tnebbieħat tal-istorja fetaħ qalbu wkoll ma’ ħuh biex imbagħad tiġi mibnija din id-Dar tal-Kleru.
U t-tielet intervent fl-istorja kien meta bdew jidħlu l-ewwel membri tal-Qaddejja taċ-Ċenaklu. Min jaf x’ħass il-Monsinjur meta jara li ġew warajh dawk li fl-istess spirtu se jkomplu dak li beda hu. Dawn kienu t-tlett ġrajjiet li fihom naraw l-id ta’ Alla biex inbniet id-Dar tal-Kleru.
Il-ħidma li jagħmlu prinċiplment hi li jagħtu kas tas-saċerdoti morda , u dawk li huma fis-sodod. U jiena naħseb li din il-ħaġa hija diġa barka. Ix-xogħol, il-ħidma li jagħmlu dawn is-sorijiet ma’ dawn is-saċerdoti hija diġa barka. Għaliex? Għal erba’ raġunijiet. L-ewwelnett għaliex hija kura tal-bniedem u aħna nafu kemm Alla l-Imbierek ħabb lill-bniedem hekk li bagħat lil Ibnu l-għażiż biex jifdih.
It-tieni raġuni kienet għaliex dawn is-sorijiet qed jieħdu ħsieb persuni vulnerabbli, dawk li huma morda u nafu li darba Sidna Ġesu Kristu qal, tiftakru f’Mt 25: dawk li jirnexxilhom jaraw lili f’dawk li qegħdin ibatu, dawk jirtu s-saltna tas-smewwiet (ara v.32-34).
Minbarra hekk il-ħidma ta’ dawn is-Sorjiet, il-Qaddjjja taċ-Ċenaklu hija, barka wkoll għaliex kull persuna li tagħti kas ta’ ħaddieħor, daħlet fil-ġlieda li għamel Sidna Ġesu Kristu kontra t-tbatija u l-mewt, billi l-ewwelnett għadda hu mit-tbatija. Allura bħalma rajna fil-Vanġelu (Mt 11, 25-30), is-salib tal-Mulej mhux daqshekk tqil, għaliex għadda Sidna Ġesu Kristu minnu. U Ġesu Kristu għadda mill-mewt biex wara dak li għadda hu, il-mewt għal min jemmen ma tkunx daqshekk tqila.
U l-aħħar raġuni għaliex din il-ħidma hija mbierka, għaliex hija maħsuba biex tkun lejn dawk li huma s-saċerdoti tal-Mulej. U allura Alla l-Imbierek li jkun għażilhom biex ikunu saċerdoti tiegħu, presbiteri tiegħu, żgur li jagħti barka kbira fuq dawk li qed jieħdu ħsiebhom propju fl-aħħar ta’ ħajjithom. Għalhekk l-ħidma fiha nfisha diġa hija barka.
Il-Qaddejja taċ-Ċenaklu għandhom dan l-idejal li huma jingħataw lil Alla biex permezz tagħhom Alla l-Imbierek ikun jista’ jħobb lis-saċedoti għeżież tiegħu. Dan huwa l-ideal, il-kariżma tal-Qaddejja taċ-Ċenaklu. Ejjew naraw fitt xi tfisser din il-kelma.
L-ewwel nett fil-Kolossin (1Kol 3, 12-17) San Pawl għamel żewġ riflesjonijiet l-iktar importanti. L-ewwel riflessjoni kienet: “ilbsu l-imħabba għax hija l-qofol tal-perfezzjoni”. It-tieni: “kull ma tagħmlu jew tgħidu, agħmlu kollox f’isem il-Mulej Ġesu”. Nixtieq nispjega ftit dawn.L-ewwel waħda “ilbsu l-imħabba għax hija l-qofol tal-perfezzjoni”. U x’ried ifisser biha? Li ried ifisser biha San Pawl hija li biex inti tagħmel xi ħaġa li tiswa f’din id-dinja trid tagħmilha bl-imħabba. U fl-kas tal-Qaddejja taċ-Ċenaklu, naħseb li fl-appostolat tagħhom, dan jiġri b’mod li jista’ jidher daqsxejn stramb. Ħafna drabi jkunu s-saċerdoti li jgħinuna nerfgħu t-toqol tal-ħajja. Fil-kas tagħhom jiġri bil-kontra, ikunu dawn is-sorijiet li jagħtu kuraġġ lis-saċerdoti f’dawk l-aħħar mumenti ta’ tbatija tagħhom u juruhom il-kelma t’Alla.
San Pawl, fl-ewwel lezzjoni tal-lum, qalilna li ħadd ma’ jista jagħti l-imħabba jekk ma jirċevihiex minn Kristu. Għalhekk, l-ewwel element tal-Qaddejja taċ-Ċenaklu huwa propju l-element tat-talb fejn huma jieħdu lil Mulej Ġesu, iħalluh ġewwa fihom biex meta jsibu saċerdot li għandu bżonn kelma ta’ faraġ jew ta’ kuraġġ huma jidħlu ġewwa fihom u jsibu lil Ġesu biex jaqsmuh ma’ dawn is-saċerdoti.
It-tieni kelma li qal San Pawl: “kull ma tagħmlu għamlu kollox f-isem il-Mulej”. U biex jagħmlu dan, il-Qaddejja taċ-Ċenaklu jieħdu tlett voti, tal-ubbidjenza, tas-safa u tal-faqar. U x’inhuma dawn it-tlett voti fil-kas tagħhom? Fil-kas tagħhom dawn it-tlett voti huma vojt li qegħdin jagħtu u joffru lill-Mulej. Permezz tal-ubbidjenza qed joffru l-futur tagħhom, il-ġejjieni tagħhom, lill-Mulej biex jimlih hu. Permezz tal-faqar huma qegħdin jistennew li l-ġid tagħhom ma jkunx dak ta’ din id-dinja, imma jkun dak li wiegħed il-Mulej Ġesu. Permezz tas-safa lill-Mulej qed joffrulu l-imħabba umana li għandna ġewwa fina, bħala rġiel u nisa, biex il-Mulej jista’ jeħodha f’idejh u jużaha għal fejn irid għall-imħabba tiegħu. Dawn huma t-tlett voti. Permezz tagħhom huma jħallu vojt kbir, vojt li jista’ jimlih biss il-Missier u Sidna Ġesu Kristu; mingħajru aħna nkunu u nibqgħu vojta, allavolja nkunu dħalna f’komunità ta’ ħajja konsagrata.
Nagħlaq b’żewġ affarijiet. L-ewwelnett kif għidns fis-salm responsorjali, nfaħħrr lill-Mulej għall-għeġubijiet kollha li huwa għamel. Illum bħala djoċesi nixtieq li aħna nfaħħru lill-Mulej għall-għeġubijiet li għamel fid-Dar tal-Kleru. Min jaf kemm għaddew saċerdoti u ġew ikkunslati, min jaf jemm kien hemm saċerdoti li bil-għajnuna tal-membri ta’ din id-dar setgħu jagħmlu mewta qaddisa. Ta’ dan inbierku lill-Mulej.
It-tieni ħaġa, bħala waħda mill-patruni tagħhom, dawn is-sorijiet, għandhom lil Sidtna Marija. Sidtna Marija nsibuha ħdejn is-salib ta’ Ġesu, tikkunslah u tkun maġembu waqt li qed imut. Dan irid ikun il-mudell tal-ħajja tal-Qaddejja taċ-Ċenaklu. Huwa Ġesu li huma qegħdin jagħtu kas tiegħu u jduru bih waqt il-mard u fil-pont tal-mewt. Nagħmlu din il-quddiesa talba biex il-Qaddejja taċ-Ċenaklu u d-Dar tal-Kleru jkomplu jaqdu l-missjoni tagħhom li hija tant għal qalb l-Missier Etern.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta