-
-
L-Assemblea Ġenerali Ewropea ta’ SIGNIS bdiet is-Sibt 11 ta’ Lulju b’laqgħa mal-Isqof Awżiljarju ta’ Krakovja, Grzegorz Rys, li hu l-istess Isqof responsabbli mill-organizzazzjoni tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ fl-2016 – liema ċelebrazzjonijiet se jsiru fil-Polonja. Matul din il-laqgħa, minbarra li r-rappreżentanti minn kull stabbiliment tal-media mill-pajjiżi rispettivi introduċejna lilna nfusna, kellna wkoll l-opportunità niddiskutu dak li l-għada l-Ħadd 12 ta’ Lulju kien trattat f’ħafna iżjed dettall: ‘Post ir-reliġjon fil-media sekulari – perspettiva Pollakka’.It-taħdita indirizzata minn Dr Sebastian Duda mir-Research Centre Institute of the thought of John Paul II f’Varsavja, esponiet diffikultajiet marbuta ma’ Alla, li bħal donnu s-soċjetà ma tridx tisma’ wisq dwaru u dwar il-valuri li jfasslu t-triq lejh. Pajjiżi differenti taw il-perspettiva tagħhom skont il-media li jirrappreżentaw. Iċ-ċirkostanzi mhumiex kullimkien l-istess. Naturalment min-naħa tiegħi, jien li kont qed nirrappreżenta r-radju u l-portal tal-aħbarijiet onlajn li jappartjenu għall-Knisja f’Malta, fissirt x’inhuma l-isfidi u kif inwieġbu għalihom bil-kontenut reliġjuż fuq ir-radju RTK – ħafna drabi tradott għal valuri nsara li jgħaddu għand is-semmiegħa permezz ta’ dak li f’għajnejn l-udjenza hu profan. Fil-każ tal-portal tal-aħbarijiet Newsbook.com.mt fissirt li dan nagħmluh xorta b’mod lajk, li minbarra li jinkludi s-servizz ta’ aħbarijiet lill-qarrejja, l-istess servizz jinkludi mhux biss vuċi b’saħħitha għal dak li hu messaġġ tal-Knisja b’dak li jkun għaddej, imma anki b’valuri trasmessi fi stejjer oħra umanitarji u anki investigattivi, relatati ma’ drittijiet umani, polz soċjali, immigrazzjoni, faqar, eċċ.Fil-jum tat-Tnejn, segwew gruppi ta’ ħidma bħala l-qalba tal-ħidma ta’ din l-Assemblea, wieħed iffukat fuq kif il-media tibqa’ relevanti għall-paroċċi fl-era diġitali, ieħor iffukat fuq serje televiżivi li joħolqu kilba għal iżjed (addiction) f’min isegwihom, u t-tielet wieħed iffukat fuq l-istampa, il-pubblikazzjonijiet u l-ġurnaliżmu f’dinja ta’ multimedia – bl-isfidi għall-SIGNIS fis-settur.Ferm interessanti kien il-Grupp ta’ Ħidma li pparteċipajt fih jiena, li huwa dak relatat mal-ġurnaliżmu. Wara x-xoljiment ta’ dik li kienet il-Catholic Union of the Press, il-UCIP, SIGNIS tinsab fil-proċess li tinfetaħ għas-sħubija ta’ ġurnalisti kattoliċi minn kull qasam tal-media. SIGNIS stabbilixxiet diġà numru ta’ DESKS, kif qed jissejħu fuq livelli reġjonali u internazzjonali, maħsuba biex jikkordinaw xogħol f’diversi setturi tal-media. Il-moderatur ta’ dan il-grupp ta’ ħidma, kien l-istess Segretarju tad-Journalism DESK (fuq twitter: @SIGNISJDesk), Jim McDonnell. L-għanijiet ta’ din il-ħidma huma l-ħolqien ta’ netwerk globali b’kuntatti minn reġjuni differenti, l-organizzazzjoni ta’ laqgħat b’temi ġurnalistiċi f’reġjuni differenti, it-tisħiħ tas-solidarjetà u tar-rabtiet bejn il-ġurnalisti kattoliċi permezz ta’ netwerking u qsim ta’ informazzjoni, u fl-aħħar u mhux l-inqas l-elevazzjoni tal-profil ta’ SIGNIS fost il-ġurnalisti b’organizzazzjoni ta’ attività partikolari waqt il-Kungress Dinji li jmiss ta’ SIGNIS f’Quebec lejn tmiem Ġunju 2017.L-Assemblea għalqet it-Tlieta 14 ta’ Lulju bl-approvazzjoni tar-rapporti statutorji, bil-vot fuq il-baġit 2015-2016 u bir-rapporti reġjonali mill-membri. Kien ukoll diskuss x’attivitajiet futuri jistgħu jiġu organizzati għal SIGNIS Europe, fejn ma naqsitx milli tissemma’ Malta!
Karl Wright
Station Manager
RTK Limited