L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Qegħdin niċċelebraw il-festa ta’ San Publiju f’ċirkustanzi partikolari. Aħna ma nistgħux ma nitolbux l-interċessjoni ta’ dan il-prinċep tal-gżira, il-protos tagħna, li l-Mulej għażlu biex juri min aħna tassew.
Fil-qalb ta’ Publiju aħna nitolbu li naraw il-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna. Imma l-qalb ta’ Publiju x’kienet? Il-qalb Maltija ta’ Publiju kienet il-qalb li meta tara l-proxxmu fil-bżonn tmidd l-id tal-imħabba, tal-għożża u tal-ħbiberija.
Permezz ta’ Publiju, il-prinċep ta’ dawn il-gżejjer, il-protos, aħna għandna ċertifikat sabiħ fil-Kelma ta’ Alla għaliex l-abitanti ta’ dawn il-gżejjer fis-sena 60 WK, quddiem ix-xena ta’ 276 persuna nawfragati ma qalux: ‘X’jimpurtani? Problema tagħhom. U dawn min stedinhom? Dawn għalfejn ġew?’ Il-Maltin ta’ dak iż-żmien ma għamlux hekk. Kien il-bard, kienet ix-xita u għamlu ħuġġieġa (ara Atti 28:2). Kien l-ewwel sinjal tal-akkoljenza tal-Maltin.
Il-qalb Maltija ta’ Publiju kienet il-qalb li meta tara l-proxxmu fil-bżonn tmidd l-id tal-imħabba, tal-għożża u tal-ħbiberija.
Il-protos Publiju laqa’ dawn il-276 persuna fl-oqsma tiegħu għal tliet ijiem, mhux wieħed jew tnejn, imma 276! Xi ħlas ħa Publiju? Il-Mulej, fl-Evanġelju li għadna kemm smajna, ifakkarna li dak kollu li nagħmlu mal-iżgħar fost ħutu, huwa jqisu magħmul lilu nnifsu (Mt 25:40). Mingħajr ma jaf min hu Ġesù, mingħajr ma jaf l-identità vera ta’ dan il-ħabsi li kien jismu Pawlu ta’ Tarsu u spiċċa nawfragat fuq il-gżira tiegħu, Publiju, bi stint naturali u ġenwin, ħa ħsieb lill-aħwa fqar u żgħar tal-Mulej Ġesù.
Missieru kien mixħut bid-deni u d-diżenterija. Dis-sena, waqt li qed nisma’ r-rakkont mill-kapitlu 28 tal-Atti tal-Appostli, ftakart fuq is-sintomi anke tal-COVID-19, fosthom id-deni. Pawlu, l-appostlu ta’ Ġesù, jidħol ħdejn missier Publiju u jfejqu. Publiju tħallas billi reġa’ akkwista lil missieru qawwi u sħiħ bil-qawwa tal-isem ta’ Ġesù Kristu. Ma kinetx il-qawwa ta’ Pawlu. Pawlu kemm-il darba jinsisti li l-qawwa li taħdem fih mhijiex tiegħu imma ta’ Ġesù Kristu, tal-ispirtu qaddis tal-Mulej.
Publiju jibda fenomenu ta’ fejqan li f’din is-sena partikolari u f’dawn iċ-ċirkostanzi partikolari hemm bżonn niftakruh. Il-Ktieb tal-Atti tal-Appostli jgħidilna li wara dan il-fejqan ta’ missier Publiju, resqu għand l-appostlu ta’ Ġesù, għand Pawlu, il-morda kollha tal-gżira (ara Atti 28:9). Dawn fiequ bil-qawwa ta’ Ġesù.
Nistgħu ngħidu — din hi xi ħaġa li kemm-il darba qsamtha magħkom għax inħossha profondament — li Publiju fetaħ il-bieb tal-fejqan għall-poplu għall-ġid tagħna. Mhux fejqan biss fiżiku — dak kien sinjal tal-qawwa ta’ Ġesù — imma l-qawwa ta’ Ġesù tidher ukoll u b’mod speċjali fil-fejqan spiritwali.
Aħna nistgħu naħfru ’l xulxin u nibdew proċess ta’ fejqan imma d-dnub ifejqu u jaħfru Alla biss.
Ftakru fix-xena ta’ dak iż-żagħżugħ li jinġieb quddiem Ġesù minn sħabu. Tant hemm folla nies li ma jistgħux iressquh quddiemu u jispiċċaw jitilgħu fuq il-bejt, jiftħu x-xorok tal-bejt u jniżżluh quddiem Ġesù fuq mitraħ. U Ġesù jara l-fidi tagħhom. Imma x’inhi l-ewwel kelma li Ġesù jgħid lil dan iż-żagħżugħ,? “Dnubietek maħfura” (Lq 5:20). Il-Fariżej, li kienu hemm u semgħuh, bdew igemgmu bejniethom. Dan min jaħseb li hu biex jaħfer id-dnubiet? Alla biss jista’ jaħfer id-dnubiet (Lq 5:21). Għaliex Alla biss? Għax il-maħfra tad-dnubiet tfejjaq il-passat tagħna u tiftħilna l-bieb għal futur aħjar u tagħtina l-paċi fil-preżent. Alla biss jista’ jfejjaq l-istorja. Għalhekk, Alla biss jaħfer id-dnubiet.
Aħna nistgħu naħfru ’l xulxin u nibdew proċess ta’ fejqan imma d-dnub ifejqu u jaħfru Alla biss. U Ġesù l-Iben ta’ Alla ġie biex isalva lill-poplu tiegħu minn dnubiethom. Imbagħad Ġesù, biex jurihom bil-poter qawwi li kellu, liż-żagħżugħ jgħidlu: “Aqbad il-friex tiegħek u imxi” (Lq 5:24). U hekk għamel. Ma kellux bżonn iżjed lil sħabu għalkemm sħabu wassluh għal għand Ġesù.
… nitolbu għall-mexxejja ta’ pajjiżna u nitolbu li flimkien magħhom u f’koperazzjoni sħiħa bejnietna, niġbdu ħabel wieħed …
Bħalma Publiju bl-akkoljenza u l-ħniena tiegħu fetaħ il-bieb tal-fejqan għall-Maltin u l-Għawdxin, illum nitolbuh jinterċedi għal pajjiżna u għad-dinja. Il-fejqan li nitolbu huwa fejqan fiżiku wkoll imma dan il-fejqan jeħtieġ il-koperazzjoni tagħna. Il-prinċep ta’ din il-gżira huwa wkoll predeċessur ta’ min fil-komunità tagħna għandu s-setgħa ċivili. Dan għaliex il-protos kien l-ewwel u qabel nett mexxej ċivili. Bl-interċessjoni ta’ San Publiju nitolbu għall-mexxejja ta’ pajjiżna u nitolbu li flimkien magħhom u f’koperazzjoni sħiħa bejnietna, niġbdu ħabel wieħed fl-għożża ta’ xulxin. Hemm bżonn ukoll nuru solidarjetà ma’ xulxin bid-dixxiplina li nurubejnietna bejnietna fis-sitwazzjonijiet diffiċli li nistgħu nkunu fihom illum u għada. Hemm bżonn naħdmu id f’id.
Din il-ħaġa jgħallimilna San Publju. San Publiju ma żammx id-don tal-fejqan li rċieva missieru għalih biss imma l-bieb li fetaħ ibbenefikaw minnu l-gżejjer kollha tagħna. Il-fejqan ta’ Publiju huwa wkoll ix-xhieda tiegħu. Mhux ta’ b’xejn aħna nqimuh bħala xhud, bħala martri, għaliex l-ikbar xhieda hija l-imħabba sal-mewt u Publiju, bl-akkoljenza li wera’ u bil-mod kif l-appostlu ta’ Ġesù ġie stmat fil-gżira u anke qabel kompla l-vjaġġ tiegħu lejn Ruma billi mar lejn Sirakuża imbagħad Reggio imbagħad it-Tliet Tvieren, juri li l-impatt ta’ Pawlu fuq il-protos u fuq il-gżira, kien kbir u qawwi.
Nitolbuk o San Publiju biex bl-interċessjoni qawwija tiegħek tbierek il-gżejjer tagħna u bħalma ftaħt il-bieb tal-fejqan għal pajjiżna fi żmienek, tkompli tagħmel hekk illum ukoll.
Viva San Publiju!
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta