L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi saħaq li dak li qed iseħħ bħalissa f’Gaża huwa “terribbli u qatt ma jista’ jkun ġustifikat għaliex in-nies qed imutu bil-ġuħ għax l-ikel mhux jasal għandhom”.

Hu kkundanna t-tmexxija tal-gvern Iżraeljan meta kien qed jiġi intervistat waqt il-programm Għal Kulħadd fuq RTK103 bi preżentazzjoni ta’ Christine Delicata. Kompla jgħid li quddiem dan il-“massakru”, bħalma qed iseħħ ukoll fl-Ukrajna aħna għandu jinteressana minn dak li qed jiġri f’partijiet oħra tad-dinja. Semma li għandna nitolbu għalihom imma wkoll ngħinuhom b’kull mezz possibbli u rrimarka li Caritas Malta qed tiġbor donazzjonijiet finanzjarji biex tixtri l-ikel għall-persuni f’Gaża.

Sa mill-2023, Caritas Internationalis, flimkien mal-kollaboraturi tagħha, għenet aktar minn 1.7 miljun persuna f’Gaża permezz ta’ ikel, kenn u djar dinjitużi, ilma, sanità u iġene, għajnuna finanzjarja, u appoġġ psikosoċjali.

Tenna l-kliem ta’ Papa Ljun XIV u Papa Franġisku li bil-gwerra ma nsolvu xejn u staqsa, “F’liema ambjent qed jitilgħu t-tfal li nqatlulhom il-familjari tagħhom?” għaliex il-ferita tar-rabja se tibqa’ minn ġenerazzjoni għal oħra.

Fl-intervista ġew trattati bosta temi kurrenti oħra. Huwa kkummenta wkoll dwar it-traġedji li qed iseħu fit-toroq Maltin u qal li meta wieħed jaħseb biss f’li jinteressa lilu biss qatt ma jkun kuntent. Fakkar li anke fis-sewqan nuru rispett lejn il-ħajja tagħna u tal-oħrajn. Tkellem ukoll dwar il-konsegwenzi tad-droga rikreattiva f’soċjetà fejn bħal donnu kollox sar permessibbli. Iħoss li ma hemmx messaġġ ċar li d-droga hija ħażina u fakkar li dan tgħidu x-xjenza u l-Knisja timxi fuqu bħal ma hu l-każ fuq il-ħajja fil-konċepiment. Fil-bidu tal-intervista saħaq lil-valur tal-ħajja għall-Knisja huwa importanti ħafna u l-istess il-ħarsien tal-ambjent għalina u għal ġenerazzjonijiet li ġejjin.

L-Isqof Awżiljarju rrifletta wkoll fuq il-mumenti sbieħ ta’ dawn is-seba’ snin li ilu fil-kariga tiegħu fosthom dakinhar tal-ordinazzjoni episkopali stess u meta bl-għajuna t’Alla fis-skiet jgħin lil dawk li jkollhom bżonn l-għajnuna. Semma wkoll l-visti pastorali li imbagħad kellhom jieqfu ħabba l-pandemija u anke l-ħidma fil-Kurja.

Mill-pandemija ħarġet ukoll esperjenza pożittiva, dik tal-quddies trażmessa fuq it-televiżjoni li hi apprezzata mill-morda u minn dawk li ma jistawx joħorġu saħanistra anke Maltin li jgħixu l-Awstralja kienu qed isegwu din il-quddies. Mistoqsi dwar xi esperjenza diffiċli minn meta ħa l-ordinazzjoni tiegħu hu qal li jitnikket mid-diviżjoni fil-festi, u stqarr, “suppost nifhmu xi tfisser devozzjoni, u lanqas għandha tgħaddilna minn moħħna li ninfirdu ħabba f’hekk.”

Segwi l-intervista sħiħa fuq Newsbook TV.

Source: Newsbook.com.mt

Article written by Gabriel Lia